IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 5 ta’ Frar 2020

 

Katekeżi fuq il-Beatitudnijiet: 2. Henjin il-foqra fl-ispirtu

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum se nħarsu lejn l-ewwel mit-tmien Beatitudnijiet tal-Vanġelu ta’ Mattew. Ġesù jibda jxandar it-triq tiegħu tal-ferħ bi tħabbira paradossali: “Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet” (5:3). Triq sorprendenti u oġġett stramb ta’ ferħ, il-faqar.

 

Jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna: x’qed jifhem hawn b’“foqra”? Kieku Mattew uża biss din il-kelma, allura t-tifsira kienet tkun sempliċiment waħda ekonomika, jiġifieri kienet tindika lill-persuni li ftit jew xejn għandhom mezz kif isostnu ruħhom jew li jeħtieġu l-għajnuna tal-oħrajn.

 

Imma l-Vanġelu ta’ Mattew, b’differenza minn ta’ Luqa, jitkellem fuq il-“foqra fl-ispirtu”. Xi jrid jgħid b’dan? Skont il-Bibbja, l-ispirtu huwa n-nifs tal-ħajja li Alla ta lil Adam; hija d-dimensjoni l-iżjed intima, aħna nsejħulha d-dimensjoni spiritwali, l-iżjed intima, dik li tagħmilna persuni umani, il-qalba l-aktar ġewwinija ta’ dak li aħna. Allura l-“foqra fl-ispirtu” huma dawk li huma u jħossuhom foqra, tallaba, fil-ġewwieni tagħhom. Ġesù jsejħilhom henjin, għax tagħhom hija s-Saltna tas-smewwiet.

 

Kemm drabi qalulna bil-maqlub! Jeħtieġ inkunu xi ħaġa fil-ħajja, inkunu xi ħadd… Hemm bżonn li nagħmlu isem… Minn hawn tinbet is-solitudni u n-nuqqas ta’ kuntentizza: jekk jien irrid inkun “xi ħadd”, allura nidħol f’kompetizzjoni mal-oħrajn u ngħix bl-ossessjoni tal-jien tiegħi. Jekk ma naċċettax li nkun fqir, nibda nobgħod dak kollu li jfakkarni fid-dgħufija tiegħi. Għax din id-dgħufija żżommni milli nsir persuna importanti, bniedem għani mhux biss fil-flus, imma fil-fama, f’kollox.

 

Kull persuna, f’għajnejha nfisha, taf tajjeb li, titħabat kemm titħabat, dejjem se tibqa’ nieqsa minn xi ħaġa u vulnerabbli. M’hemm ebda rtokk li jista’ jgħatti din il-vulnerabbiltà. Kull wieħed u waħda minna hu vulnerabbli, minn ġewwa. Fejn eżatt, wieħed irid jara. Imma kemm ngħixu ħażin meta nirrifjutaw il-limiti tagħna! Ngħixu ħażin. Ma nniżżluhiex li aħna limitati, imma l-limitu hemm qiegħed. Il-persuni mkabbra bihom infushom ma jitolbux għajnuna, ma jistgħux jitolbu għajnuna, ma jiġihomx li jitolbu l-għajnuna għax moħħhom kif ħa juru li kapaċi jagħmlu kollox waħidhom. U kemm minnhom ikollhom bżonn tal-għajnuna, imma l-kburija żżommhom milli jitolbuha. U kemm hu diffiċli nammettu żball u nitolbu maħfra! Meta nkun irrid nagħti xi parir lill-miżżewġin friski, li jistaqsuni kif għandhom jgħixu żwieġ tajjeb, jien ngħidilhom: “Hemm tliet kelmiet maġiċi: jekk jogħġbok, grazzi, skużani”. Huma kelmiet li ġejjin minn dan il-faqar tal-ispirtu. Ma rridux inkunu invadenti, imma nitolbu permess: “Taħseb li hi ħaġa tajba nagħmlu hekk?”, hekk jinħoloq id-djalogu fil-familja, il-miżżewġin jiddjalogaw bejniethom. “Int għamiltli din il-ħaġa, grazzi, kelli bżonnha”. Imbagħad dejjem se jsiru żbalji, niżolqu: “Skużani”. U s-soltu, il-koppji, iż-żwiġijiet ġodda, dawk li hawn hawn u ħafna oħrajn, jgħiduli: “It-tielet hi l-iżjed diffiċli”, titlob skuża, titlob maħfra. Għax min hu minfuħ bih innifsu ma jirnexxilux. Ma jistax jitlob skuża: dejjem għandu raġun hu. Mhuwiex fqir fl-ispirtu. Imma l-Mulej ma jegħja qatt jaħfer; b’xorti ħażina huwa aħna li negħjew nitolbu maħfra (ara Angelus, 17 ta’ Marzu 2013). Negħjew nitolbu maħfra: din marda kerha!

 

Għaliex hu diffiċli nitolbu maħfra? Għax dan jumilja l-immaġni ipokrita tagħna. Imma, li ngħixu nfittxu kif ħa naħbu n-nuqqasijiet tagħna iktar iħabbatna u jegħjina. Ġesù Kristu jgħidilna: li nkunu foqra hi okkażjoni ta’ grazzja; u turina kif inħallu warajna dan it-taħbit kollu. Qed jagħtina d-dritt li nkunu foqra fl-ispirtu, għax din hi t-triq tas-Saltna ta’ Alla.

 

Imma hemm ħaġa fundamentali fuqiex nisħqu: ma għandniex għalfejn ninbidlu biex insiru foqra fl-ispirtu, m’għandna bżonn nagħmlu l-ebda trasformazzjoni għax diġà aħna hekk! Aħna foqra… jew biex ngħiduha iżjed ċara: aħna “msejkna” fl-ispirtu! Għandna bżonn ta’ kollox. Aħna lkoll foqra fl-ispirtu, aħna tallaba. Din hija l-qagħda umana tagħna.

 

Is-Saltna ta’ Alla hija tal-foqra fl-ispirtu. Hemm dawk li għandhom is-saltniet ta’ din id-dinja: għandhom il-ġid u l-kumdità. Imma huma saltniet li jintemmu. Is-setgħa tal-bnedmin, imqar l-ikbar imperi, tgħaddi u tgħib. Kemm drabi naraw fuq l-aħbarijiet u fuq il-ġurnali li dak il-mexxej b’saħħtu, qawwi jew dak il-gvern li lbieraħ kien u llum m’għadux iżjed, waqa’. Il-ġid ta’ din id-dinja jgħib fix-xejn, u anki l-flus. Ix-xjuħ kienu jgħallmuna li l-kefen m’għandux bwiet. Veru dan. Qatt ma rajt wara xi karozza tal-funeral xi trakk iġorr l-affarijiet biex jiġu ttrasportati minn post għall-ieħor: ħadd ma jieħu xejn miegħu. Dak il-ġid hawnhekk jibqa’.

 

Is-Saltna ta’ Alla hija tal-foqra fl-ispirtu. Hemm dawk li għandhom is-saltniet ta’ din id-dinja, għandhom il-ġid u l-kumdità. Imma nafu dawn kif jispiċċaw. Isaltan tassew min jaf iħobb il-veru ġid iżjed minnu nnifsu. U dan il-ġid hu s-setgħa ta’ Alla.

 

Ġesù Kristu kif wera ruħu setgħani? Għax għaraf jagħmel dak li s-slaten ta’ din l-art ma jagħmlux: jagħti ħajtu għall-bnedmin. U din hi setgħa tassew. Is-setgħa tal-fratellanza, is-setgħa tal-karità, is-setgħa tal-imħabba, is-setgħa tal-umiltà. Dan hu li għamel Kristu.

 

U hawn qiegħda l-libertà vera: min għandu f’idejh din is-setgħa tal-umiltà, tal-qadi, tal-fratellanza huwa ħieles tassew. Għall-qadi ta’ din il-libertà hemm il-faqar li jfaħħru tant il-Beatitudnijiet.

 

Għax hemm faqar li għandna naċċettaw, dak tal-jien tagħna, u faqar li mbagħad għandna nfittxu, dak konkret, tal-ħwejjeġ ta’ din id-dinja, biex inkunu ħielsa u nistgħu nħobbu. Dejjem għandna nfittxu l-libertà tal-qalb, dik li għandha għeruqha fil-faqar tagħna nfusna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard