IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 4 ta’ Diċembru 2019

 

Katekeżi fuq l-Atti tal-Appostli

17. “Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha” (Atti 20:28). Il-ministeru ta’ Pawlu f’Efesu u t-tislima tat-tluq lill-anzjani

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-vjaġġ tal-Vanġelu fid-dinja jkompli bla waqfien fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli, u jidħol fil-belt ta’ Efesu biex juri l-qawwa salvifika kollha tiegħu. Grazzi għal Pawlu, xi tnax-il ruħ irċivew il-magħmudija f’isem Ġesù u jagħmlu esperjenza tat-tiswib tal-Ispirtu s-Santu li jagħtihom ħajja ġdida (ara Atti 19:1-7). Bosta huma l-għeġubijiet li jseħħu permezz tal-Appostlu: il-morda jfiqu u l-imxajtna jinħelsu (ara Atti 19:11-12). Dan jiġri għax id-dixxiplu jixbah lill-Imgħallem tiegħu (ara Lq 6:40) u jagħmlu preżenti billi jwassal lill-aħwa l-istess ħajja ġdida li rċieva mingħandu.

 

Il-qawwa ta’ Alla li tidħol Efesu tikxef il-maskra ta’ min irid jinqeda bl-isem ta’ Ġesù biex jagħmel eżorċiżmi imma mingħajr ma għandu l-awtorità spiritwali biex jagħmel dan (ara Atti 19:13-17), u tikxef id-dgħufija tal-arti tas-sħarijiet, li jiġu abbandunati minn għadd kbir ta’ persuni li jagħżlu lil Kristu u jagħtu daharhom lis-sħarijiet (ara Atti 19:18-19). Veru taqliba sħiħa ta’ taħt fuq għal belt, bħal Efesu, li kienet ċentru famuż għall-prattika tal-maġija! Luqa b’dan il-mod jagħfas fuq kemm mhumiex kompatibbli ma’ xulxin il-fidi fi Kristu u l-maġija. Jekk tagħżel lil Kristu ma tistax tmur għand saħħar: il-fidi hi telqa fiduċjuża f’dirgħajn Alla li tista’ tafdah u li jurina min hu mhux permezz ta’ prattiċi tal-okkult imma bir-rivelazzjoni u bl-imħabba li tingħatalna b’xejn. Forsi xi ħadd minnkom jista’ jgħidli: “Aħ, iva, din tal-maġija hi ħaġa antika: illum, biċ-ċiviltà Nisranija m’għadx għandna minnha”. Imma attenti! Jien nistaqsikom: kemm minnkom imorru biex jaqrawlhom il-karti, kemm minnkom imorru biex jaqrawlhom idejhom is-sħaħar jew jaqrawlhom il-karti? Illum ukoll fil-bliet kbar Insara prattikanti jagħmluhom dawn l-affarijiet. U għall-mistoqsija: “Imma kif jista’ jkun, jekk int temmen f’Ġesù Kristu, tmur għand is-saħħar, għand is-saħħara, għand dawn it-tip ta’ nies?”, inwieġeb: “Jiena nemmen f’Ġesù Kristu imma b’superstizzjoni mmur għandhom ukoll”. Nitlobkom: il-maġija mhix ħaġa Kristjana! Dawn l-affarijiet li jsiru biex inbassru l-futur jew neħbru tant ħwejjeġ jew nibdlu sitwazzjonijiet tal-ħajja, mhumiex Insara. Il-grazzja ta’ Kristu kollox tagħtik: int itlob u afda fil-Mulej.

 

It-tixrid tal-Vanġelu f’Efesu jagħmel ħsara lill-kummerċ tal-arġentiera – problema oħra –, li kienu jiffabbrikaw l-istatwi tal-alla Artemi, u hekk minn prattika reliġjuża kienu jagħmlu affari tan-negozju. Nitlobkom taħsbu fuq dan. Meta raw tonqos dik l-attività li kienet iġġibilhom ħafna flus, l-arġentiera jorganizzaw irvell kontra Pawlu, u l-Insara jiġu mixlija li daħħlu fi kriżi l-kategorija tal-artiġjani, is-santwarju ta’ Artemi u l-kult ta’ din l-alla (ara Atti 19:23-28).

 

Imbagħad, Pawlu jitlaq minn Efesu dritt lejn Ġerusalemm u jasal Miletu (ara Atti 20:1-16). Hawn jibgħat isejjaħ lill-anzjani tal-Knisja ta’ Efesu – il-presbiteri: dawn kienu s-saċerdoti – biex jgħaddilhom il-konsenji “pastorali” (ara Atti 20:17-35). Ninsabu fl-aħħar battuti tal-ministeru appostoliku ta’ Pawlu, u Luqa jippreżentalna d-diskors tiegħu tat-tluq, għamla ta’ testment spiritwali li l-Appostlu jħalli lil dawk li, wara t-tluq tiegħu, kellhom irieġu l-komunità ta’ Efesu. U din hi waħda mill-isbaħ paġni tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli: nissuġġerilkom li llum tabqdu f’idejkom it-Testment il-Ġdid, il-Bibbja, il-kapitlu 20 u taqraw dan it-tluq ta’ Pawlu minn mal-presbiteri ta’ Efesu, li hu jagħmel f’Miletu. Huwa mod biex nifhmu kif jitlaq l-Appostlu u anki kif il-presbiteri llum għandhom jitilqu u jħallu warajhom, u anki kif għandu jkun it-tluq tal-Insara kollha. Hi paġna sabiħa wisq.

 

Fil-parti eżortattiva, Pawlu jħeġġeġ lir-responsabbli tal-komunità, li jaf li qed jarahom għall-aħħar darba. U jgħidilhom: “Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha”. Dan hu xogħol ir-ragħaj: jgħasses, jgħasses fuqu nnifsu u fuq il-merħla. Ir-ragħaj għandu jgħasses, il-kappillan għandu jgħasses, jishar, il-presbiteri għandhom jgħassu, l-Isqfijiet, il-Papa għandu jgħasses. Ngħassu biex inħarsu lill-merħla, u anki ngħassu fuqna nfusna, ngħarblu l-kuxjenza tagħna u naraw kif qed inwettqu dan id-dmir tal-għassa. “Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa tagħha biex tirgħu l-Knisja ta’ Alla li hu kiseb b’demmu stess” (Atti 20:28): hekk jgħid San Pawl. Lill-isqfijiet jitlobhom ikunu qrib kemm jista’ jkun tal-merħla, mifdija bid-demm prezzjuż ta’ Kristu, u biex ikunu pronti jiddefenduha mill-“ilpup” (v. 29). L-Isqfijiet għandhom ikunu qrib ħafna tal-poplu biex iħarsuh, biex jiddefenduh; mhux maqtugħa mill-poplu. Wara li fada din il-missjoni lir-responsabbli ta’ Efesu, Pawlu jitlaqhom f’idejn Alla u jafdahom f’idejn il-“kelma tal-grazzja tiegħu” (v. 32), ħmira ta’ kull maturazzjoni u mixja ta’ qdusija fil-Knisja, billi jistedinhom jaħdmu b’idejhom stess, bħalu, biex ma jkunux ta’ piż fuq l-oħrajn, u jaqbżu għad-dgħajfa u jduqu kif “min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu” (v. 35).

 

Għeżież ħuti, nitolbu lill-Mulej iġedded fina l-imħabba għall-Knisja u għad-depożitu tal-fidi li hi tħares, u jagħmilna lkoll korresponsabbli fil-ħarsien tal-merħla, biex inwieżnu bit-talb lir-ragħajja biex jimxu bl-id soda u l-qalb ħelwa tar-Ragħaj Divin.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard