IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 4 ta’ Diċembru 2013

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-lum nerġa’ lura għall-istqarrija: “Nemmen fil-qawmien mill-imwiet”.  Din m’hix verità sempliċi u wisq inqas ovvja, għax, mgħaddsa kif aħna fil-ħajja ta’ din id-dinja, m’hux faċli għalina nifhmu r-realtajiet tal-futur.  Imma l-Vanġelu jagħtina dawl: il-qawmien tagħna mill-imwiet hu strettament marbut mal-qawmien ta’ Ġesù; il-fatt li hu qam hu l-prova li jeżisti l-qawmien mill-imwiet.  Għalhekk nixtieq nippreżenta xi aspetti li jolqtu r-rabta bejn il-qawmien ta’ Kristu u dak tagħna.  Hu qam, u għax Hu qam, anki aħna għad inqumu.

 

Qabel xejn, l-istess Skrittura Mqaddsa tiġbor fiha mixja lejn il-fidi sħiħa fil-qawmien mill-imwiet.  Din tesprimi ruħha bħala fidi f’Alla ħallieq tal-bniedem sħiħ – ruħ u ġisem –, u bħala fidi f’Alla ħellies, Alla li jibqa’ fidil lejn il-patt li għamel mal-poplu tiegħu.  Il-Profeta Eżekjel, f’viżjoni, jikkontempla l-oqbra ta’ l-eżiljati li jerġgħu jinfetħu u l-għadam niexef jerġa’ jieħu l-ħajja grazzi għan-nifs ta’ ruħ li tagħti l-ħajja.  Din il-viżjoni tesprimi t-tama fil-“qawmien ta’ Israel” li għad irid iseħħ, jiġifieri t-twelid mill-ġdid tal-poplu mirbuħ u umiljat (ara Eż 37:1-14).

 

Ġesù, fit-Testment il-Ġdid, iwettaq għal kollox din ir-rivelazzjoni, u jorbot il-fidi fil-qawmien mill-imwiet ma’ l-istess persuna tiegħu u jgħid: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11:25).  Fil-fatt, għad ikun Ġesù l-Mulej li fl-aħħar jum iqajjem lil dawk kollha li jkunu emmnu fiH.  Ġesù ġie fostna, sar bniedem bħalna f’kollox, minbarra d-dnub; b’dan il-mod waħħadna miegħu fil-mixja tiegħu lura lejn il-Missier.  Hu, il-Verb inkarnat, li miet u qam għalina, jagħti lid-dixxipli tiegħu l-Ispirtu s-Santu bħala rahan tax-xirka sħiħa fis-Saltna glorjuża tiegħu, li għaliha qed nishru u lilha qed nistennew.  Din l-istennija hi l-għajn u r-raġuni tat-tama tagħna: tama li, jekk nikkultivawha u nħarsuha, – it-tama tagħna, jekk nikkultivawha u nieħdu ħsiebha – issir dawl li jdawwal l-istorja personali tagħna u anki l-istorja komunitarja.  Dan jeħtieġ niftakruh dejjem: aħna dixxipli ta’ Dak li ġie, jiġi kuljum u għad jiġi fit-tmiem.  Jekk jirnexxielna nżommu din ir-realtà dejjem iżjed quddiem għajnejna, ma nibqgħux maħkuma daqshekk mill-ħwejjeġ ta’ kuljum, insiru inqas ilsiera ta’ dak li jgħaddi u iżjed lesti li nimxu b’qalb mimlija ħniena fit-triq tas-salvazzjoni.

 

Aspett ieħor: Xi jfisser tqum mill-imwiet?  Il-qawmien tagħna lkoll għad iseħħ fl-aħħar jum, fi tmiem id-dinja, bil-qawwa ta’ Alla li jista’ kollox, li jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-ġisem tagħna billi jgħaqqdu mill-ġdid mar-ruħ, grazzi għall-qawmien ta’ Ġesù.  Din hi t-tifsira fundamentali: la Ġesù qam, aħna wkoll għad inqumu; aħna għandna t-tama fil-qawmien għax Hu fetħilna l-bieb għal dan il-qawmien.  U t-triq għal din it-trasformazzjoni, din it-trasfigurazzjoni ta’ ġisimna tibda titħejja f’din il-ħajja stess permezz tar-relazzjoni li nibnu ma’ Ġesù, fis-Sagramenti, speċjalment fl-Ewkaristija.  Aħna li f’din il-ħajja nkunu trejjaqna bil-Ġisem u d-Demm tiegħu, għad inqumu bħalU, miegħU u permezz tiegħU.  Kif Ġesù qam mill-mewt bl-istess ġisem tiegħu, imma ma reġax lura lejn ħajja fuq din l-art, hekk aħna għad inqumu bil-ġisem tagħna li jkun mibdul f’ġisem glorjuż.  Imma din m’hix xi gidba!  Dan minnu.  Aħna nemmnu li Ġesù qam, li Ġesù hu ħaj f’dan il-mument.  Imma intom temmnu li Ġesù hu ħaj?  U jekk Ġesù hu ħaj, taħsbu li sa jħallina mmutu u ma jqajjimniex?  Le!  Hu qed jistenniena, u għax Hu qam, il-qawwa tal-qawmien tiegħu għad tqajjem lilna lkoll.

 

L-aħħar punt: Diġà minn din il-ħajja għandna fina sehem mill-Qawmien ta’ Kristu.  Jekk hu minnu li Ġesù għad iqajjimna fl-aħħar taż-żmien, hu wkoll minnu li, f’ċertu sens, miegħU aħna diġà mqajmin.  Il-ħajja ta’ dejjem diġà tibda minn issa, tibda tul il-ħajja kollha, li hi orjentata lejn dak il-mument tal-qawmien ta’ l-aħħar.  U fil-fatt diġà aħna mqajmin permezz tal-Magħmudija, aħna nidħlu fil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu u nieħdu sehem fil-ħajja ġdida, li hi l-ħajja tiegħu.  Għalhekk, fl-istennija ta’ l-aħħar jum, aħna għandna fina stess iż-żerriegħa tal-qawmien, fejn nistgħu nduqu minn qabel dak il-qawmien sħiħ li għad nirċievu b’wirt.  Għalhekk anki l-ġisem ta’ kull wieħed u waħda minna hu riżonanza ta’ l-eternità, għalhekk għandna nirrispettawh dejjem; u fuq kollox għandna nirrispettaw u nħobbu l-ħajja ta’ dawk kollha li jbatu, biex jistgħu jħossu li s-Saltna ta’ Alla tinsab fil-qrib, dik il-kundizzjoni tal-ħajja ta’ dejjem li lejha aħna mexjin.  Dan il-ħsieb jimliena bit-tama: ninsabu mexjin lejn il-qawmien.  Naraw lil Ġesù, niltaqgħu ma’ Ġesù: dan hu l-ferħ tagħna!  Għad inkunu lkoll flimkien – mhux hawn fil-pjazza, imma xi mkien ieħor – imma hienja ma’ Ġesù.  Dan hu d-destin tagħna!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard