IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 4 ta’ Novembru 2015 

Il-Familja – 31. Aħfer il-ħtijiet

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

L-Assemblea tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, li għalqet ftit ilu, irriflettiet fit-tul fuq il-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà ta’ żmienna.  Kienet ġrajja ta’ grazzja.  Fit-tmiem tagħha l-Padri Sinodali għaddewli t-test tal-konklużjonijiet tagħhom.  Ridt li dan it-test jiġi ppubblikat, biex kulħadd iħossu qed jieħu sehem fil-ħidma li ratna impenjati flimkien għal sentejn sħaħ.  M’huwiex issa l-waqt li niflu dawn il-konklużjonijiet, li fuqhom jien stess għad irrid nimmedita.

 

Sadattant, imma, il-ħajja ma tiqafx, b’mod partikulari l-ħajja tal-familji ma tiqafx!  Intom, għeżież familji, intom dejjem mexjin.  U kontinwament qegħdin diġà tiktbu fil-paġni tal-ħajja konkreta l-ġmiel tal-Vanġelu tal-familja.  F’dinja li xi drabi tinxef mill-ħajja u mill-imħabba, intom titkellmu ta’ kuljum fuq id-don kbir li huma ż-żwieġ u l-familja.

 

Il-lum nixtieq nagħfas fuq dan l-aspett: li l-familja hi ġinnasju kbir fejn nitħarrġu fid-don u fil-maħfra reċiproka li mingħajrha l-ebda mħabba ma tista’ ttul.  Mingħajr ma ningħataw għal xulxin u mingħajr ma naħfru lil xulxin, l-imħabba ma tistax tibqa’, ma ttulx.  Fit-talba li Hu stess għallimna – jiġifieri l-Missierna – Ġesù jgħallimna nitolbu hekk lill-Missier: “Aħfrilna dnubietna, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina”.  U fl-aħħar jikkummenta: “Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-Smewwiet jaħfer lilkom ukoll.  Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom (Mt 6:12,14-15).  Ma nistgħux ngħixu mingħajr ma naħfru, jew ta’ l-inqas ma nistgħux ngħixu tajjeb, speċjalment fil-familja.  Ta’ kuljum nonqsu kontra xulxin.  Jeħtieġ nagħrfu dawn l-iżbalji, li ġejjin mid-dgħufija u l-egoiżmu tagħna.  Imma dak li hu mitlub minna hu li dlonk indewwu l-ġrieħi li nagħmlu, li nerġgħu ninsġu minnufih il-ħajtiet li nkun qattajna fil-familja.  Jekk nistennew iżżejjed, kollox isir iżjed diffiċli.  U hemm sigriet sempliċi biex nistgħu nfejqu l-ġrieħi u biex intaffu l-akkużi.  Dan hu: ma nħallux tintemm il-ġurnata mingħajr ma nitolbu skuża lil xulxin, mingħajr ma nagħmlu paċi, ir-raġel u l-mara, il-ġenituri u l-ulied, bejn l-aħwa… bejn il-kunjata u ħtintha!  Jekk nitgħallmu nitolbu skuża mill-ewwel u naħfru lil xulxin, il-ġrieħi jfiqu, iż-żwieġ jissoda, u l-familja ssir dar dejjem iżjed b’saħħitha, li kapaċi tirreżisti kull skoss tal-ħażen żgħir u kbir tagħna.  U biex nagħmlu dan m’hemmx bżonn ta’ diskorsi kbar, imma biżżejjed żegħila: żegħila u spiċċa kollox u nibdew mill-ġdid.  Imma qatt tispiċċaw il-ġurnata fi gwerra!

 

Jekk nitgħallmu ngħixu hekk fil-familja, nagħmlu dan anki barra, kull fejn inkunu.  Faċli nkunu xettiċi fuq dan.  Ħafna – anki fost l-Insara – jaħsbu li din esaġerazzjoni.  Jgħidu: Iva, kliem sabiħ, imma impossibbli tqiegħdu fil-prattika.  Imma għall-grazzja ta’ Alla m’huwiex hekk.  Fil-fatt hu sewwa sew meta nirċievu l-maħfra ta’ Alla li, min-naħa tagħna, insiru kapaċi naħfru lill-oħrajn.  Għalhekk Ġesù jridna ntennu dawn il-kelmiet kull darba li ngħidu t-talba tal-Missierna, jiġifieri ta’ kuljum.  U huwa indispensabbli li, f’soċjetà kull tant bla ħniena, ikollna mkejjen, bħalma hi l-familja, fejn nistgħu nitgħallmu naħfru lil xulxin.

 

Is-Sinodu qanqlilna t-tama tagħna anki fuq hekk: il-ħila li naħfru lilna nfusna u lil xulxin tagħmel parti mill-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja.  Il-prattika tal-maħfra mhux biss issalva lill-familji mill-firda, imma tagħmilhom kapaċi jgħinu lis-soċjetà tkun inqas ħażina u inqas kiefra.  Iva, kull ġest ta’ maħfra jsewwi d-dar mix-xquq tagħha u jsaħħaħ il-ħitan tagħha.  Il-Knisja, għeżież familji, dejjem tinsab qrib tagħkom biex tgħinkom tibnu d-dar tagħkom fuq il-blat li dwaru tkellem Ġesù.  U ma ninsewx dawn il-kelmiet li nsibu dritt qabel il-parabbola tad-dar: “F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli:Mulej, Mulej, m’hux f’ismek ħabbarna aħna, u m’hux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?.  Imbagħad jien ngħidilhom:Lilkom qatt ma kont nafkom!’” (ara Mt 7:21-23).  Hi kelma qawwija, bla dubju, li trid iċċaqlaqna u ssejħilna għall-konverżjoni.

 

Niżgurakom, għeżież familji, li jekk għandkom il-ħila timxu dejjem iżjed b’determinazzjoni fit-triq tal-Beatitudnijiet, u titgħallmu u tgħallmu l-maħfra lil xulxin, fil-familja kbira kollha tal-Knisja tikber il-ħila li nagħtu xhieda tal-qawwa tal-maħfra ta’ Alla li dejjem iġġeddidna.  Min-naħa l-oħra, nistgħu nagħmlu priedki anki sbieħ ħafna, u forsi anki nkeċċu xi xitan, imma fl-aħħar il-Mulej ma jagħrafniex bħala dixxipli tiegħu, jekk ma nkunux urjena l-ħila li naħfru u nħallu lill-oħrajn jaħfrulna!

 

Tabilħaqq il-familji Nsara jistgħu jagħmlu ħafna għas-soċjetà tal-lum, u anki għall-Knisja.  Għalhekk nixtieq li fil-Ġublew tal-Ħniena l-familji jiskopru mill-ġdid it-teżor tal-maħfra reċiproka.  Nitolbu li l-familji jkunu dejjem iżjed kapaċi jgħixu u jibnu toroq konkreti ta’ rikonċiljazzjoni, fejn ħadd ma jħossu mitluq taħt it-toqol ta’ ħtijietu.

 

B’dawn il-fehmiet, ngħidu flimkien: “Missierna, aħfrilna dnubietna, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina”.  [Ngħiduha flimkien: “Missierna, aħfrilna dnubietna, bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina”].

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard