IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 4 ta’ Ġunju 2014

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Il-lum irridu nieqfu fuq don ta’ l-Ispirtu s-Santu li tant drabi jinftiehem ħażin jew jitqies b’mod superfiċjali, meta fil-verità dan imiss fil-qalba tagħha l-identità tagħna u l-ħajja Nisranija tagħna: qed nitkellem dwar id-don tal-pjetà.

 

Irridu niċċaraw minnufih li dan id-don ma norbtuhx ma’ li tiġik ħniena minn xi ħadd, titħassar lill-proxxmu, imma juri li aħna ta’ Alla u r-rabta qawwija tagħna miegħU, rabta li tagħti sens lill-ħajja kollha tagħna u żżommna sħaħ, f’għaqda miegħU, anki fil-waqtiet l-iżjed iebsin u ta’ prova.

 

1. Din ir-rabta mal-Mulej ma rridux nifhmuha bħala xi dmir jew xi ħaġa imposta fuqna.  Hi rabta li tiġi minn ġewwa.  Qed nitkellmu fuq relazzjoni li ngħixuha mill-qalb: hi l-ħbiberija tagħna ma’ Alla, li tahielna Ġesù, ħbiberija li tibdlilna ħajjitna u timliena bil-ħeġġa, bil-ferħ.  Għalhekk, id-don tal-pjetà jqanqal fina qabel xejn il-gratitudni u t-tifħir.  Fil-fatt din hi r-raġuni u t-tifsira iktar awtentika tal-kult u l-qima tagħna lil Alla.  Meta l-Ispirtu s-Santu jagħtina li nħossu l-preżenza tal-Mulej u mħabbtu kollha għalina, iħeġġilna qalbna u kważi b’mod naturali jqanqalna għat-talb u għaċ-ċelebrazzjoni.  Mela l-pjetà hi ekwivalenti għal spirtu awtentiku reliġjuż, għal kunfidenza ta’ wlied ma’ Alla, għal dik il-ħila li nitolbuh bi mħabba u sempliċità li jiġu minn persuni ta’ qalb umli.

 

2. Jekk id-don tal-pjetà jkabbarna fir-relazzjoni u fl-għaqda tagħna ma’ Alla u jwassalna biex ngħixu ta’ wliedu, fl-istess ħin jgħinna biex min-naħa tagħna nxerrdu din l-imħabba anki fuq l-oħrajn u nagħrfuhom b’ħutna.  U allura tabilħaqq inkunu mqanqlin minn sentimenti ta’ pjetà – mhux ta’ pjetiżmu! – fil-konfront ta’ min qiegħed qrib tagħna u ta’ dawk li magħhom niltaqgħu ta’ kuljum.  Għaliex għidt li mhux ta’ pjetiżmu?  Għax xi wħud jaħsbu illi li jkollok il-pjetà jfisser tagħlaq għajnejk, tagħmel wiċċ bħal ta’ fuq is-santi, tagħmel tabirruħek xi qaddis.  Bil-Pjemontiż ngħidu: tagħmel “mugna quacia” [wiċċ ta’ innoċenti].  Dan m’hux id-don tal-pjetà.  Id-don tal-pjetà jfisser li tkun tassew kapaċi tifraħ ma’ min jifraħ, tibki ma’ min jibki, toqrob lejn min hu waħdu jew imdejjaq, twissi lil min hu fl-iżball, tfarraġ lil min hu mnikket, tilqa’ u tgħin lil min hu fil-bżonn.  Hemm rabta qawwija ħafna bejn id-don tal-pjetà u l-qalb ħelwa u umli.  Id-don tal-pjetà li jagħtina l-Ispirtu s-Santu jagħtina qalb ħelwa, trankwilla, kapaċi tistabar, fis-sliem ma’ Alla, għall-qadi ta’ l-oħrajn bil-ħlewwa u t-tjieba.

 

Għeżież ħbieb, fl-Ittra lir-Rumani l-Appostlu Pawlu jisħaq: “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla.  Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: ‘Abbà!  Missier!’” (Rum 8:14-15).  Nitolbu lill-Mulej li d-don ta’ l-Ispirtu tiegħu jegħleb il-biża’ tagħna, id-dubji tagħna, anki l-inkwiet tal-qalb tagħna, bla sabar, u jagħmilna xhieda hienja ta’ Alla u ta’ mħabbtu, ħa nqimu lill-Mulej fil-verità u anki fil-qadi tal-proxxmu bil-ħlewwa u bi tbissima li fil-ferħ dejjem jagħtina l-Ispirtu s-Santu.  Ħalli l-Ispirtu s-Santu jagħti lilna lkoll dan id-don tal-pjetà.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard