IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 4 ta’ Mejju 2016

 

17. In-nagħġa l-mitlufa (ara Lq 15:1-7)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Kollha nafuha x-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb li jerfa’ fuq spallejh in-nagħġa l-mitlufa. Sa minn dejjem din l-ikona tirrappreżenta l-għożża u l-attenzjoni ta’ Ġesù lejn il-midinbin u l-ħniena ta’ Alla li ma jirrassenjax ruħu għall-fatt li ntilfitlu mqar nagħġa waħda. Ġesù jirrakkonta din il-parabbola biex jurina kemm huwa qrib tal-midinbin u li dan m’għandu jiskandalizza lil ħadd, imma għall-kuntrarju jrid iqanqal fina lkoll riflessjoni serja fuq kif qed ngħixu l-fidi tagħna. Minn naħa waħda r-rakkont jara l-midinbin li jersqu lejn Ġesù biex jisimgħuh u min-naħa l-oħra l-għorrief tal-liġi, il-kittieba suspettużi li jitwarrbu minnU minħabba f’din l-imġiba tiegħu. Jitbiegħdu minnu għax Ġesù jersaq lejn il-midinbin. Huma kienu kburin bihom infushom, suppervi, kienu jaħsbu li huma ġusti.

 

Il-parabbola tagħna ddur madwar tliet persunaġġi: ir-ragħaj, in-nagħġa l-mitlufa u l-bqija tal-merħla. Imma huwa biss ir-ragħaj dak li jaġixxi, mhux in-nagħaġ. Għalhekk ir-ragħaj hu l-uniku veru protagonista u kollox minnu jiddependi. Hemm mistoqsija li tintroduċina għall-parabbola: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?” (v. 4). Għandna hawn paradoss li jwassalna biex niddubitaw mill-aġir tar-ragħaj: ħaġa għaqlija din li jħalli warajh id-disgħa u disgħin minħabba f’nagħġa waħda? U agħar u agħar, mhux fl-ambjent żgur ta’ maqjel, imma fid-deżert? Skond it-tradizzjoni Biblika d-deżert hu l-post tal-mewt fejn diffiċli ħafna ssib ikel u ilma, fih m’hemmx fejn tfittex kenn u tkun fir-riskju li tiġi attakkat mill-bhejjem selvaġġi u l-ħallelin. X’jistgħu jagħmlu l-imsejkna disgħa u disgħin nagħġa mingħajr ħadd biex jiddefendihom? Imma dan il-paradoss ikompli meta jgħid li r-ragħaj, meta jkun sab lin-nagħġa, “jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: Ifirħu miegħi’” (v. 6). Mela donnu r-ragħaj ma jerġax lura fid-deżert biex jiġbor lura l-merħla kollha! Meta ħareġ isus wara dik in-nagħġa l-waħda, donnu jinsa lid-disgħa u disgħin l-oħra. Imma fir-realtà m’huwiex hekk. It-tagħlima li jrid jagħtina Ġesù pjuttost hi li ma għandna nħallu lill-ebda nagħġa tintilfilna. Il-Mulej ma jistax jikkuntenta bil-fatt li mqar persuna waħda tista’ tintilef. L-għemil ta’ Alla hu dak ta’ wieħed li joħroġ ifittex lill-ulied mitlufa biex imbagħad, meta jkun reġa’ sabhom, jagħmel festa u jifraħ ma’ kulħadd. Hi xewqa li ma jistax jirreżistiha: lanqas disgħa u disgħin nagħġa ma tista’ twaqqaf lir-ragħaj jew iżżommu msakkar fil-maqjel. Jekk irid, jista’ jirraġuna hekk: “Ħa nagħmel il-kont: għandi disgħa u disgħin, tlift waħda, imma din m’hix xi telfa kbira”. Imma hu joħroġ ifittixha, għax kull waħda hi importanti ħafna għalih u dik hi l-aktar waħda fil-bżonn, l-iktar waħda mitluqa, l-iktar waħda mormija; u hu jmur ifittixha. Issa kulħadd jaf: il-ħniena għall-midinbin hi l-istil li bih jimxi Alla u Hu assolutament fidil lejn din il-ħniena: ħadd u xejn ma jista’ jfixklu mir-rieda tiegħu li jsalvana. Alla ma jafx x’inhi din il-kultura li għandna ta’ l-iskart, f’Alla m’hemm xejn minn dan. Alla ma jarmi lil ħadd; Alla jħobb lil kulħadd: wieħed wieħed u waħda waħda! Hu ma jafx xi tfisser din il-kelma “tarmi lin-nies”, għax hu kollu mħabba u kollu ħniena.

 

Il-merħla tal-Mulej hi dejjem miexja: il-Mulej m’hux xi propjetà tagħha, ma nistgħux nimlew moħħna li se nsakkruh fl-iskemi u fl-istrateġiji tagħna. Ir-ragħaj sa ssibu hemm fejn tinsab in-nagħġa l-mitlufa. Għalhekk lill-Mulej għandna nfittxuh hemm fejn Hu jixtieq jiltaqa’ magħna, mhux fejn nippretendu li sa nsibuh! Bl-ebda mod ieħor ma nistgħu niġbru flimkien lill-merħla jekk mhux billi nimxu fit-triq tal-ħniena tar-ragħaj. Huwa u jfittex lin-nagħġa li ntilfitlu, hu jqanqal lid-disgħa u disgħin l-oħra biex huma wkoll jagħtu sehemhom ħalli l-merħla tingħaqad mill-ġdid. Mela mhux biss in-nagħġa li refa’ fuq spallejh, imma l-merħla kollha timxi wara r-ragħaj tagħha sad-dar tiegħu biex tagħmel festa mal-“ħbieb u l-ġirien”.

 

Ta’ min jirrifletti spiss fuq din il-parabbola, għax fil-komunità Nisranija dejjem jonqos xi ħadd għax telaq u ħalla postu vojt. Xi drabi dan jaqtgħalna qalbna u jġagħalna naħsbu li din kienet telfa inevitabbli, marda bla kura. Hawn inkunu nirriskjaw li ningħalqu fil-maqjel, fejn ma jkunx hemm ir-riħa tan-nagħaġ, imma l-intiena ta’ l-għeluq! U l-Insara? Ma rridux ningħalqu, għax inkella nintnu bir-riħa ta’ l-għeluq. Qatt! Hemm bżonn noħorġu u mhux ningħalqu fina nfusna, fil-komunitajiet żgħar, fil-parroċċa, għax naħsbu li aħna l-“ġusti”. Dan jiġri meta jkun nieqes dak l-orjentament missjunarju li jwassalna biex niltaqgħu ma’ l-oħrajn. Fil-viżjoni ta’ Ġesù ma hemmx nagħġiet mitlufa għal kollox, imma biss nagħġiet li għandna nerġgħu nsibuhom. Dan irridu nifhmuh darba għal dejjem: għal Alla ħadd m’hu miltuf għal kollox. Qatt! Sa l-aħħar nifs, Alla jfittixna. Ġibu f’moħħkom il-ħalliel it-tajjeb; imma fil-viżjoni ta’ Ġesù biss ħadd m’hu miltuf għal dejjem. Għalhekk il-perspettiva hi kollha kemm hi dinamika, miftuħa, stimulanti u kreattiva. Timbuttana biex noħorġu nfittxu u naqbdu mixja ta’ fraternità. L-ebda distanza ma tista’ żżomm ir-ragħaj imbiegħed; u l-ebda merħla ma tista’ tiċħad lil xi ħadd mill-aħwa. Is-sejbien tal-mitluf hu l-ferħ tar-ragħaj u ta’ Alla, imma anki l-ferħ tal-merħla kollha! Aħna kollha nagħġiet li l-ħniena ta’ Alla reġgħet sabitna u ġabritna, imsejħa biex flimkien Miegħu nerġgħu niġbru flimkien il-merħla kollha!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard