IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

 Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 04 ta’ Marzu 2015

 Il-Familja – 6. In-Nanniet (I)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Il-katekeżi tal-lum u dik ta’ nhar l-Erbgħa li ġej huma ddedikati lill-anzjani, li, fl-ambitu tal-familja, huma n-nanniet, iz-zijiet.  Il-lum ser nirriflettu fuq il-qagħda attwali ta’ l-anzjani, bid-diffikultajiet kollha tagħha, u d-darba li ġejja, jiġifieri nhar l-Erbgħa li ġej, b’mod iżjed pożittiv, fuq il-vokazzjoni li tħaddan din l-età tal-ħajja.

 

Grazzi għall-progress tal-mediċina, il-ħajja twalet: imma s-soċjetà ma “wessgħetx qalbha” għall-ħajja!  L-għadd ta’ l-anzjani rdoppja, imma s-soċjetajiet tagħna ma organizzawx ruħhom biżżejjed biex jagħmlulhom wisa’, bir-rispett xieraq u l-attenzjoni konkreta għad-dgħufija u d-dinjità tagħhom.  Sakemm inkunu għadna żgħar, inkunu ttentati ninjoraw ix-xjuħija, bħallikieku kienet xi marda li rridu nżommuha mbiegħda minna; meta mbagħad nixjieħu aħna, speċjalment jekk inkunu foqra, jekk inkunu morda u waħidna, induqu aħna stess il-lakuni ta’ soċjetà programmata fuq l-effiċjenza, li konsegwentement tinjora lill-anzjani.  U l-anzjani huma għana, ma tistax tinjorahom.

 

Benedittu XVI, huwa u jżur dar ta’ l-anzjani, uża kliem ċar u profetiku, qal hekk: “Il-kwalità ta’ soċjetà, irrid ngħid ta’ ċiviltà, tiġġudikaha anki minn kif huma ttrattati l-anzjani u mill-post miżmum għalihom fil-ħajja komuni” (12 ta’ Novembru 2012).  Hu minnu, l-attenzjoni għall-anzjani tagħmel id-differenza f’ċiviltà.  F’ċiviltà hemm attenzjoni għall-anzjan?  Hemm post għall-anzjan?  Din iċ-ċiviltà tista’ timxi ’l quddiem jekk tagħraf tirrispetta l-għerf u l-għaqal ta’ l-anzjani.  F’ċiviltà fejn m’hemmx post għall-anzjani jew dawn jiġu skartati għax huma meqjusa problema, din is-soċjetà ġġorr magħha l-marda tal-mewt.

 

Fil-Punent, l-istudjużi jippreżentaw is-seklu li qegħdin fih bħala s-seklu tax-xjuħija: l-ulied qed jonqsu, ix-xjuħ qed jiżdiedu.  Dan in-nuqqas ta’ bilanċ iġibna naħsbu, anzi, hu sfida kbira għas-soċjetà tal-lum.  U minkejja dan, għandna kultura tal-profitt li tkompli tinsisti li x-xjuħ jidhru bħala toqol, piż inutli.  Mhux biss m’humiex produttivi, taħsibha din il-kultura, imma huma toqol: insomma, x’inhu r-riżultat ta’ dan it-tip ta’ ħsieb?  Jiġu mormija.  Kemm hi ħaġa kerha tara l-anzjani jintremew, hi ħaġa tassew kerha, dnub!  Ħadd ma jindenja jgħid dan b’mod miftuħ, imma hekk nagħmlu!  Hemm ċerta viltà f’dan il-vizzju tal-kultura ta’ l-iskart.  Imma aħna issa drajna narmu n-nies.  Donna rridu nneħħu dak il-biża’ li dejjem jikber fina mid-dgħufija u l-vulnerabbiltà; imma aħna u nagħmlu dan, spiċċajna nżidu fl-anzjani l-weġgħa li ħadd m’għadu jissaportihom u huma abbandunati.

 

Diġà fil-ministeru tiegħi fi Buenos Aires missejt b’idejja din ir-realtà bil-problemi tagħha: “L-anzjani huma abbandunati, u mhux biss fil-prekarjetà materjali.  Huma abbandunati fin-nuqqas ta’ ħila egoista li naċċettaw il-limiti tagħhom li fl-aħħar mill-aħħar jirriflettu l-limiti tagħna, fl-għadd bla qies ta’ diffikultajiet li l-lum ikollhom jegħlbu biex jistgħu jsaddu f’ċiviltà li ma tħallihomx jieħdu sehem, jgħidu dak li jħossu, u lanqas li jkunu punt ta’ riferiment, għax timxi skond il-mudell konsumistiku ta’ ‘iż-żgħażagħ biss jistgħu jkunu utli u jistgħu jgawdu’.  Suppost dawn l-anzjani għandhom ikunu, għas-soċjetà kollha, ir-riserva ta’ l-għerf għall-poplu tagħna.  L-anzjani huma r-riserva ta’ l-għerf tal-poplu tagħna!  Meta m’hemmx imħabba, kemm isir aktar faċli għalina nraqqdu l-kuxjenza tagħna!” (Solo l’amore ci può salvare, Città del Vaticano 2013, p. 83).  U hekk qed jiġri.  Niftakar meta kont inżur id-djar ta’ l-anzjani, kont nitkellem ma’ kull wieħed u waħda minnhom, u ħafna drabi smajtha din: “Kif int?  U t-tfal? – Tajjeb, tajjeb. – Kemm għandek tfal? – Ħafna. – U jiġu jżuruk? – Iva, iva, dejjem, iva, jiġu. – Meta ġew l-aħħar?”.  Niftakar kien hemm anzjana li qaltli: “Ħeqq, għall-Milied”.  Konna f’Awwissu!  Tmien xhur bla żjara minn uliedha, tmien xhur abbandunata!  Dan hu dnub mejjet, fhimtu?  Darba meta kont għadni żgħir, in-nanna rrakkuntatilna storja ta’ nannu anzjan li kien iħammeġ huwa u jiekol għax ma setax iżomm tajjeb f’idejh l-imgħarfa bil-minestra ma’ ħalqu.  U ibnu, jew aħjar missier il-familja, kien iddeċieda li jwarrbu mill-mejda komuni u għamillu mejda ċkejkna fil-kċina, fejn ma jidhirx, biex joqgħod jiekol hemm waħdu.  U hekk ma kienx iwaqqgħalhom wiċċhom l-art meta kienu jiġu għandhom il-ħbieb għall-pranzu jew iċ-ċena.  Ftit tal-jiem wara, wasal id-dar u sab lil ibnu ż-żgħir jilgħab bl-injam u l-martell u l-imsiemer, qed jagħmel xi ħaġa, u qallu: “Hemm x’qed tagħmel? – Qed nagħmel mejda, pa. – Mejda, għaliex? – Biex tkun lesta għal meta tixjieħ int, biex int tkun tista’ tiekol fuqha”.  It-tfal għandhom kuxjenza iżjed minna!

 

Fit-tradizzjoni tal-Knisja hemm bagalja ta’ għerf li dejjem żammet ħajja kultura ta’ qrubija lejn l-anzjani, dispożizzjoni għall-akkumpanjament mimli mħabba u solidali f’din l-aħħar fażi tal-ħajja.  Din it-tradizzjoni għandha għeruqha fl-Iskrittura Mqaddsa, kif, ngħidu aħna, juruna dawn l-espressjonijiet mill-Ktieb ta’ Bin Sirak: “Tonqosx tagħti kas ta’ kliem ix-xjuħ, għax huma wkoll tgħallmu minn għand missirijiethom; minn għandhom titgħallem tkun bil-għaqal, u meta jenħtieġ, tkun tistatagħti tweġiba (Sir 8:9).

 

Il-Knisja ma tistax u ma tridx taqa’ għall-mentalità ta’ nuqqas ta’ sabar, u wisq inqas ta’ indifferenza u ta’ disprezz, fil-konfront tax-xjuħija.  Jeħtieġ inqajmu mill-ġdid is-sens kollettiv ta’ gratitudni, ta’ apprezzament, ta’ ospitalità, li lil min hu anzjan jagħmlu jħossu parti ħajja mill-komunità tiegħu.

 

L-anzjani huma rġiel u nisa, missirijiet u ommijiet li kienu diġà qabilna fl-istess triq tagħna, fl-istess dar tagħna, fil-ġlieda tagħna ta’ kuljum għal ħajja xierqa.  Huma rġiel u nisa li minn għandhom irċivejna ħafna.  L-anzjan m’hux xi aljen.  L-anzjan hu aħna: minn hawn u ftit taż-żmien ieħor, ħafna żmien ieħor, hu x’inhu, inevitabbilment, anki jekk ma rridux naħsbu fuq hekk.  U jekk aħna ma nitgħallmux nittrattaw tajjeb lill-anzjani, hekk jittrattaw lilna.

 

Kollha kemm aħna xi ftit dgħajfin, ix-xjuħ.  Xi wħud, imma, huma partikularment dgħajfa, ħafna huma waħidhom, u milquta mill-mard.  Xi wħud jiddipendu minn kura indispensabbli u mill-attenzjoni ta’ l-oħrajn.  Allura se nagħmlu pass lura?  Se nitilquhom għal riħhom?  Soċjetà li ma tafx tkun qrib ta’ dak li jkun, fejn il-gratwità u l-imħabba bla ħlas – anki fost persuni li ma jafux lil xulxin – qed jisfaw fix-xejn, hi soċjetà perversa.  Il-Knisja, fidila għall-Kelma ta’ Alla, ma tistax tippermetti din it-triq tan-niżla.  Komunità Nisranija fejn il-qrubija u l-gratwità m’għadhomx meqjusa indispensabbli, magħhom titlef ukoll ruħha.  Fejn m’hemmx ġieħ għall-anzjani, m’hemmx futur għaż-żgħażagħ.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard