L-għodwa t-tajba!

 

Intom il-lum qegħdin hawn għax it-temp hu ikrah, u hawn ma tinżilx xita, għall-grazzja ta’ Alla…  U wara intom tkunu tistgħu ssegwu l-udjenza fuq l-iskrin.  Grazzi ħafna taż-żjara tagħkom, u nitlobkom titolbu għalija.

 

[Il-Papa jinżel qalb il-morda.  Fl-aħħar iżid:]

 

Issa intom ibqgħu hawn, segwu l-udjenza fuq l-iskrin, bla xita, hawn, fil-kwiet.  Issa nitolbu lill-Madonna biex tberikna: Sliema għalik, Marija…

 

[Barka]

 

U nitħejjew għall-Milied, naħsbu fuq Ġesù li ġej.  Nawguralkom li Ġesù jiġi fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnkom, u jberikkom u jagħtikom il-qawwa biex tibqgħu mexjin.  U itolbu għalija!  Grazzi!

 

Il-Vjaġġ Appostoliku fit-Turkija

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.  Imma ma tantx tidher daqshekk tajba l-ġurnata, hi xi ftit kerha…  Imma intom kuraġġjużi u ġejtu, avoja l-ġurnata kerha.  Mela ejjew nimxu!  Din l-udjenza qed tinżamm f’żewġ postijiet differenti, kif nagħmlu meta tagħmel ix-xita: hawn fil-pjazza u mbagħad hemm il-morda fl-Awla Pawlu VI.  Jien diġà ltqajt magħhom, sellimtilhom, u huma qed isegwu l-udjenza minn fuq l-iskrin kbir, għax huma morda u ma jistgħux joqogħdu fix-xita.  Insellmulhom minn hawn b’applaws.

 

Il-lum nixtieq naqsam magħkom xi aspetti tal-pellegrinaġġ li għamilt fit-Turkija mill-Ġimgħa sal-Ħadd li għadda.  Kif kont tlabt li nħejju għalih u sseħbuh bit-talb, issa nistedinkom irroddu ħajr lil Alla għat-twettiq tiegħu u biex jista’ joħroġ frott ta’ djalogu kemm fir-relazzjonijiet tagħna ma’ ħutna l-Ortodossi, kemm f’dawk mal-Musulmani, u kemm fil-mixja lejn il-paċi fost il-popli.  Inħoss l-ewwel nett li għandi nġedded l-espressjoni tar-rikonoxximent tiegħi lejn il-President tar-Repubblika Tork, lejn il-Prim Ministru, lejn il-President għall-Affarijiet Reliġjużi u l-Awtoritajiet l-oħrajn, li laqgħuni b’rispett u żguraw il-bon ordni fl-avvenimenti kollha.  Dan jitlob ċertu xogħol, u huma dan għamluh minn qalbhom.  Nirringrazzja fraternament lill-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika fit-Turkija, il-President tal-Konferenza Episkopali, tassew bravu, u nirringrazzja lill-komunitajiet Kattoliċi tal-ħidma tagħhom, kif nirringrazzja wkoll lill-Patrijarka Ekumeniku, il-Qdusija Tiegħu Bartilmew I, għal-laqgħa sabiħa li tani.  Il-Beatu Pawlu VI u San Ġwanni Pawlu II, li t-tnejn li huma żaru t-Turkija, u San Ġwann XXIII, li kien Delegat Pontifiċju f’dak il-pajjiż, ħarsu mis-Sema l-pellegrinaġġ tiegħi, li seħħ tmien snin wara dak tal-predeċessur tiegħi Benedittu XVI.  Dik l-art hi għażiża għal kull Nisrani, speċjalment għax kienet art twelid l-Appostlu Pawlu, laqgħet fiha l-ewwel sitt Konċilji, u minħabba fil-preżenza, qrib ta’ Efesu, tad-“dar ta’ Marija”.  It-tradizzjoni tgħidilna li hemm għexet il-Madonna, wara l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu.

 

Fl-ewwel ġurnata tal-vjaġġ appostoliku sellimt lill-Awtoritajiet tal-pajjiż, fil-parti l-kbira tiegħu Musulman, imma li fil-Kostituzzjoni tiegħu jafferma l-lajċità ta’ l-Istat.  U ma’ l-Awtoritajiet tkellimna dwar il-vjolenza.  Hu propju meta Alla jiġi mwarrab, u mhux meta jiġi gglorifikat, li tinħoloq il-vjolenza.  Għalhekk insistejt fuq l-importanza li Nsara u Musulmani jħabirku flimkien għas-solidarjetà, għall-paċi u l-ġustizzja, u jaffermaw li kull Stat għandu jiżgura liċ-ċittadini u lill-komunitajiet reliġjużi l-libertà vera tal-kult.

 

Il-lum, qabel mort insellem lill-morda, kont ma’ grupp ta’ Nsara u Musulmani li qegħdin f’laqgħa organizzata mid-Dikasteru għad-Djalogu Interreliġjuż, taħt it-tmexxija tal-Kardinal Tauran, u anki huma esprimew din ix-xewqa li jissoktaw f’dan id-djalogu fratern bejn Kattoliċi, Insara u Musulmani.

 

Fit-tieni jum żort xi mkejjen li jissimbolizzaw id-diversi konfessjonijiet reliġjużi preżenti fit-Turkija.  Jien u nagħmel dan, stajt inħoss ħierġa minn qalbi talba lill-Mulej, Alla tas-Sema u ta’ l-art, Missier ħanin ta’ l-umanità kollha.  Fil-qalba tal-ġurnata kien hemm iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika li ġabret fil-Katidral rgħajja u fidili tad-diversi Riti Kattoliċi preżenti fit-Turkija.  Assistew fiha anki l-Patrijarka Ekumeniku, il-Vigarju Patrijarkali Appostoliku Armen, il-Metropolita Siro-Ortodoss u esponenti Protestanti.  Flimkien tlabna lill-Ispirtu s-Santu, dak li jġib l-għaqda fil-Knisja: għaqda fil-fidi, għaqda fl-imħabba, għaqda fil-koeżjoni interjuri.  Il-Poplu ta’ Alla, fl-għana tat-tradizzjonijiet u l-artikulazzjonijiet tiegħu, hu msejjaħ iħalli l-Ispirtu s-Santu jmexxih, f’atteġġjament kontinwu ta’ ftuħ, ta’ doċilità u ta’ ubbidjenza.  Fil-mixja tagħna ta’ djalogu ekumeniku u anki ta’ l-għaqda tagħna, tal-Knisja Kattolika tagħna, Dak li jagħmel kollox hu l-Ispirtu s-Santu.  Minna jiġi issa li nħalluh jaħdem, nilqgħuh u nimxu skond it-tnebbiħ tiegħu.

 

It-tielet u l-aħħar jum, festa ta’ Sant’Indrija, Appostlu, offra l-kuntest ideali biex insaħħu r-relazzjonijiet ta’ aħwa bejn l-Isqof ta’ Ruma, Suċċessur ta’ Pietru, u l-Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli, suċċessur ta’ l-Appostlu Indrija, ħu Xmun Pietru, li waqqaf dik il-Knisja.  Ġeddidt flimkien mal-Qdusija Tiegħu Bartilmew I l-impenn reċiproku li nibqgħu mexjin fit-triq lejn it-twaqqif mill-ġdid tal-komunjoni sħiħa bejn Kattoliċi u Ortodossi.  Flimkien iffirmajna Dikjarazzjoni Konġunta, pass ieħor ’il quddiem f’din il-mixja.  Kien partikularment ta’ tifsira għanja li dan l-att seħħ fi tmiem il-Liturġija Solenni tal-Festa ta’ Sant’Indrija, li għaliha assistejt b’ferħ kbir, u li warajha ngħatat il-Barka doppja mill-Patrijarka ta’ Kostantinopli u mill-Isqof ta’ Ruma.  Fil-fatt it-talb hu l-bażi għal kull djalogu ekumeniku li jħalli l-frott, imdawwal mill-Ispirtu s-Santu, li kif għidt, hu Dak li jġib l-għaqda.

 

L-aħħar laqgħa – ta’ ferħ imma wkoll ta’ wġigħ il-qalb – kienet dik ma’ grupp ta’ tfal refuġjati, li jieħdu ħsiebhom is-Salesjani.  Għalija kien importanti ħafna niltaqa’ mar-rifuġjati miz-zoni ta’ gwerra tal-Lvant Nofsani, kemm biex nurihom li jien u l-Knisja aħna qrib tagħhom, u kemm biex nagħfas fuq il-valur ta’ l-akkoljenza, li fih anki t-Turkija impenjat ħafna ruħha.  Nerġa’ nirringrazzja lit-Turkija li laqgħet fi ħdanha lil tant rifuġjati u nirringrazzja minn qalbi lis-Salesjani ta’ Istanbul.  Dawn is-Salesjani jaħdmu mar-rifuġjati, huma bravi!  Iltqajt ukoll ma’ patrijiet oħra u Ġiżwita Ġermaniż u oħrajn li jaħdmu mar-rifuġjati, imma dak l-oratorju Salesjani tar-rifuġjati hu opra sabiħa, hu ħidma moħbija.  Nirringrazzja ħafna lil dawk il-persuni kollha li jaħdmu mar-rifuġjati.  U nitolbu għall-immigranti u r-rifuġjati kollha, u li jitneħħew il-kawżi ta’ din il-pjaga ta’ swied il-qalb.

 

Għeżież ħuti, Alla li jista’ kollox u ħanin jissokta jħares il-poplu tat-Turkija, il-gvernijiet tiegħu u r-rappreżentanti tad-diversi reliġjonijiet.  Ħa jibnu flimkien futur ta’ paċi, hekk li t-Turkija tista’ tirrappreżenta post ta’ koeżistenza paċifika bejn reliġjonijiet u kulturi differenti.  Barra dan, nitolbu biex, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, l-Ispirtu s-Santu joħroġ il-frott minn dan il-vjaġġ appostoliku u jkattar fil-Knisja l-ħeġġa missjunarja, biex tħabbar lill-ġnus kollha, bir-rispett u fi djalogu fratern, li l-Mulej Ġesù hu verità, paċi u mħabba.  Hu biss il-Mulej.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard