IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 3 ta’ Settembru 2014

 

5. Il-Knisja hi Ommna

 

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Fil-katekeżi li għaddew kelli ċ-ċans nirrimarka iżjed minn darba li Nsara ma nsirux waħidna, jiġifieri bis-saħħa tagħna, b’mod awtonomu, lanqas insiru Nsara f’xi laboratorju, imma niġu mnissla u mrawma fil-fidi fi ħdan dan il-ġisem kbir li hu l-Knisja.  F’dan is-sens il-Knisja hi tabilħaqq omm, ommna l-Knisja – kemm hu sabiħ li nsejħulha b’dan il-mod: ommna l-Knisja – omm li tagħtina l-ħajja fi Kristu u flimkien ma’ ħutna l-oħra kollha tgħajjixna f’għaqda waħda ma’ l-Ispirtu s-Santu.

 

1. F’din il-maternità tagħna, il-Knisja għandha bħala mudell quddiemha lill-Verġni Marija, l-isbaħ u l-ogħla mudell li jista’ jkollha.  Dan hu dak li l-ewwel komunitajiet Insara diġà kienu xeħtu dawl fuqu u l-Konċilju Vatikan II esprima b’mod mill-isbaħ (ara Kostituzzjoni Lumen gentium, 63-64).  Il-maternità ta’ Marija bla dubju hi waħda unika, singulari, u seħħet fil-milja taż-żminijiet, meta l-Verġni tat id-dawl lill-Iben ta’ Alla, imnissel bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.  U madankollu, il-maternità tal-Knisja sseħħ sewwa sew f’kontinwità ma’ dik ta’ Marija, bħala l-prolungament tagħha fl-istorja.  Il-Knisja, għammiela fl-Ispirtu, tissokta tnissel ulied ġodda fi Kristu, dejjem fis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u fid-doċilità għall-pjan tiegħu ta’ mħabba.  Il-Knisja hi omm.  Fil-fatt, it-twelid ta’ Ġesù minn ġuf Marija hu preludju għat-twelid ta’ kull Nisrani minn ġuf il-Knisja, ladarba Kristu hu l-ewwel wild fost kotra ta’ aħwa (ara Rum 8:29) u ħuna l-kbira Ġesù twieled minn Marija, hu l-mudell, u aħna lkoll twelidna mill-Knisja.  Hekk nifhmu kif ir-relazzjoni li torbot lil Marija u l-Knisja flimkien hi daqshekk profonda: meta nħarsu lejn Marija, niskopru l-wiċċ l-aktar sabiħ u ħelu tal-Knisja; u meta nħarsu lejn il-Knisja, nagħrfu l-karatteristiċi l-aktar għolja ta’ Marija.  Aħna l-Insara m’aħniex iltiema, għandna ommna, u din hi xi ħaġa kbira!  M’aħniex iltiema!  Il-Knisja hi omm, Marija hi omm.

 

2. Il-Knisja hi ommna għax wilditna fil-Magħmudija.  Kull darba li ngħammdu xi tarbija, din issir iben jew bint tal-Knisja, tidħol tagħmel parti mill-Knisja.  U minn dak in-nhar, bħal omm attenta għalina, trabbina fil-fidi u turina, bil-qawwa tal-Kelma ta’ Alla, il-mixja tas-salvazzjoni, hi u tħarisna mill-ħażin.

 

Il-Knisja rċiviet minn għand Ġesù t-teżor prezzjuż tal-Vanġelu mhux biex iżżommu għaliha, imma biex b’ġenerożità tagħtih lill-oħrajn, kif tagħmel omm.  F’dan is-servizz ta’ evanġelizzazzjoni tidher b’mod partikulari l-maternità tal-Knisja, li tħabrek, bħal omm, biex toffri lil uliedha l-ikel spiritwali li jkabbar u jkattar il-ħajja Nisranija bil-frott tagħha.  Għalhekk, ilkoll kemm aħna msejħin nilqgħu b’moħħ u qalb miftuħa l-Kelma ta’ Alla li l-Knisja tqassam ta’ kuljum, għax din il-Kelma għandha l-ħila tibdilna minn ġewwa.  Il-Kelma ta’ Alla biss għandha l-ħila tibdilna sew minn ġewwa, mill-iktar għeruq fondi tagħna.  Għandha din is-saħħa l-Kelma ta’ Alla.  U min se jagħtina din il-Kelma ta’ Alla?  Ommna l-Knisja.  Sa minn meta nkunu trabi hi treddagħna bil-ħalib ta’ din il-Kelma, tul ħajjitna kollha tisqina din il-Kelma, u kemm hi ħaġa kbira din!  Hi sewwa sew il-Knisja omm li bil-Kelma ta’ Alla tibdilna minn ġewwa.  Il-Kelma ta’ Alla li tagħtina ommna l-Knisja tibdilna, biex l-umanità tagħna jkollha qalb li tħabbat mhux skond il-ġibda tal-ġisem, imma skond l-Ispirtu.

 

Fl-għożża tagħha ta’ omm għal uliedha, il-Knisja tfittex li turi lil min jemmen it-triq li għandu jimxi biex jgħix ħajja li tħalli l-frott, kollha ferħ u sliem.  Imdawlin mid-dawl tal-Vanġelu u mwieżna mill-grazzja tas-Sagramenti, speċjalment l-Ewkaristija, aħna nistgħu norjentaw l-għażliet tagħna lejn it-tajjeb u b’kuraġġ u tama nġarrbu l-mumenti ta’ dalma u l-aktar mogħdijiet imserrpa.  Il-mixja tas-salvazzjoni, li tulha tmexxina l-Knisja u sseħibna bil-qawwa tal-Vanġelu u t-tweżin tas-Sagramenti, tgħinna nħarsu ruħna mill-ħażen.  Il-Knisja għandha l-kuraġġ ta’ omm li taf li għandha tħares lil uliedha mill-perikli li jiġu mill-preżenza ta’ Satana fid-dinja, biex twassalhom għal-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù.  Omm dejjem tipproteġi lil uliedha.  Tħarisna anki billi ssejħilna nishru: nishru kontra l-ingann u l-ġibda tal-ħażin.  Għax anki jekk Alla rebaħ lix-Xitan, dan dejjem jerġa’ jżurna bit-tentazzjonijiet tiegħu; dan aħna nafuh, ilkoll aħna ttentati, ġejna ttentati u niġu ttentati.  Ix-Xitan jiġi “qisu ljun jgħajjat” (1 Piet 5:8), jgħid l-Appostlu Pietru, u minna għandu jiġi li ma nkunux boloh, imma nishru u neqfulu sħaħ fil-fidi.  Neqfulu bil-pariri ta’ ommna l-Knisja, neqfulu bl-għajnuna ta’ ommna l-Knisja, li bħal omm twajba dejjem timxi ma’ wliedha fil-mumenti iebsin.

 

3. Għeżież ħbieb, din hi l-Knisja, din hi l-Knisja li lkoll inħobbu, din hi l-Knisja li nħobb jien: omm li għandha għal qalbha l-ġid ta’ wliedha u li lesta tagħti ħajjitha għalihom.  Imma ma rridux ninsew li l-Knisja m’hix biss is-saċerdoti, jew aħna l-isqfijiet, le, hi lkoll kemm aħna!  Il-Knisja hi aħna lkoll!  Kollox sew?  U anki aħna wlied, imma aħna wkoll ommijiet għal Insara oħra.  L-imgħammdin kollha, irġiel u nisa, flimkien nagħmlu l-Knisja.  Kemm drabi f’ħajjitna ma nagħtux xhieda ta’ din il-maternità tal-Knisja, ta’ dan il-kuraġġ matern tal-Knisja!  Kemm drabi nkunu beżżiegħa!  Għalhekk ejjew nafdaw ruħna f’idejn Marija, biex Hi bħala omm ta’ ħuna l-kbira, Ġesù, tgħallimna jkollna ma’ ħutna l-istess spirtu matern tagħha, bil-kapaċità sinċiera li nilqgħu, naħfru, insaħħu u niżirgħu fiduċja u tama.  Dan hu li tagħmel kull omm.

 

 

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard