Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum nixtieq nirrifletti fil-qosor fuq il-Vjaġġ Appostoliku li għamilt fl-aħħar jiem fil-Polonja.

 

L-okkażjoni tal-Vjaġġ kienet il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, ħamsa u għoxrin sena wara dak storiku ċċelebrat f’Chęstochowa ftit wara l-waqgħa tal-“purtiera tal-ħadid”. F’dawn il-ħamsa u għoxrin sena nbidlet il-Polonja, inbidlet l-Ewropa u nbidlet id-dinja, u dan il-JDŻ kien sinjal profetiku għall-Polonja, għall-Ewropa u għad-dinja. Il-ġenerazzjoni ġdida ta’ żgħażagħ, werrieta u kontinwaturi tal-pellegrinaġġ mibdi minn San Ġwanni Pawlu II, tat tweġiba għall-isfidi ta’ żmienna, taw sinjal ta’ tama, u din il-ħolma tissejjaħ fraternità. Għax, propju f’din id-dinja li tinsab fi gwerra, għandna bżonn tal-imħabba bejn l-aħwa, li nkunu qrib ta’ xulxin, niddjalogaw, għandna bżonn tal-ħbiberija. U dan hu s-sinjal tat-tama: meta hemm il-fraternità.

 

Nibdew propju miż-żgħażagħ, li kienu l-ewwel raġuni tal-Vjaġġ. Għal darb’oħra huma wieġbu għas-sejħa: ġew mid-dinja kollha – xi wħud minnhom għadhom hawn! [juri fejn huma l-pellegrini fl-Awla] – festa ta’ lwien, ta’ wċuħ differenti, ta’ ilsna, ta’ stejjer differenti. Jien ma nafx kif jagħmlu: jitkellmu ilsna differenti, imma jirnexxielhom jifhmu lil xulxin! U għaliex? Għax għandhom din ir-rieda li jkunu ma’ xulxin, li jibnu pontijiet bejniethom, li jwettqu l-fraternità. Ġew ukoll bil-ġrieħi tagħhom, bil-mistoqsijiet u d-dubji tagħhom, imma fuq kollox ferħanin li ħa jiltaqgħu; u għal darb’oħra ħolqu mużajk ta’ fraternità. Nistgħu nitkellmu propju fuq mużajk ta’ fraternità. Xbieha emblematika tal-Jiem Dinjija taż-Żgħażagħ hi l-firxa kollha lwien ta’ bnadar imxejra miż-żgħażagħ: fil-fatt, fil-JDŻ, il-bnadar tal-pajjiżi jidhru isbaħ, biex ngħidu hekk “jissaffew”, u anki bnadar ta’ pajjiżi fi ġlied u gwerer bejniethom jittajru biswit xulxin. U din hi ħaġa sabiħa! Anki hawn għandna l-bnadar… uruhomlna!

 

Hekk, f’din il-laqgħa kbira ġubilari tagħhom, iż-żgħażagħ tad-dinja laqgħu l-messaġġ tal-Ħniena, biex iwassluh ma’ kullimkien fl-għemejjel spiritwali u korporali. Nirringrazzja liż-żgħażagħ kollha li ġew Krakovja! U nirringrazzja lil dawk li ngħaqdu magħna minn kull rokna tad-dinja! Għax f’tant pajjiżi saru Jiem żgħar taż-Żgħażagħ f’għaqda ma’ dak ta’ Krakovja. Ħa jsir id-don li rċivejtu tweġiba fil-ħajja ta’ kuljum għas-sejħa tal-Mulej. Niftakru b’mod speċjali f’Susanna, it-tfajla Rumana minn din id-Djoċesi, li mietet dritt wara li ħadet sehem fil-JDŻ, fi Vjenna. Il-Mulej, li żgur laqagħha għandu fis-Sema, ifarraġ lill-familjari u l-ħbieb tagħha.

 

F’dan il-Vjaġġ żort ukoll is-Santwarju ta’ Chęstochowa. Quddiem l-ikona tal-Madonna, irċivejt id-don tal-ħarsa tal-Omm, li hi b’mod partikulari Omm tal-poplu Pollakk, ta’ dak in-nazzjoni nobbli li bata tant u li, bil-qawwa tal-fidi u d-dirgħajn tagħha ta’ omm, dejjem reġa’ qam fuq saqajh. Sellimt lil xi Pollakki hawn [fl-Awla]. Bravi, kemm intom bravi! Hemm, taħt dik il-ħarsa, tifhem it-tifsira spiritwali tal-mixja ta’ dan il-poplu, li l-istorja tiegħu hi hekk marbuta b’mod li ma jinħallx mas-Salib ta’ Kristu. Hemm tmiss b’idejk il-fidi tal-poplu fidil u qaddis ta’ Alla, li mqar fit-tiġrib iħares it-tama li għandu; u jsorr ukoll dak l-għerf li hu bilanċ bejn tradizzjoni u innovazzjoni, bejn memorja u futur. U l-Polonja llum qed tfakkar lill-Ewropa kollha li ma jistax ikun hemm futur għall-kontinent mingħajr il-valuri li fuqhom iserraħ, li min-naħa tagħhom għandhom fil-qalba tagħhom il-viżjoni Nisranija tal-bniedem. Fost dawn il-valuri hemm il-ħniena, li tagħha kienu appostli speċjali żewġ ulied kbar tal-art Pollakka: Santa Fawstina Kowalska u San Ġwanni Pawlu II.

 

U fl-aħħar nett, anki dan il-Vjaġġ kellu quddiemu ­x-xefaq tad-dinja, dinja msejħa twieġeb għall-isfida ta’ gwerra miġġielda “f’biċċiet” li qed theddidha. U hawn is-skiet il-kbir taż-żjara f’Auschwitz-Birkenau tkellem iżjed minn kull kelma. F’dak is-skiet jiena smajt, smajt il-preżenza tal-erwieħ kollha li għaddew minn hemm; ħassejt il-kompassjoni, il-ħniena ta’ Alla, li xi persuni qaddisa għarfu jġorru magħhom anki f’dak l-abbiss. F’dak is-skiet il-kbir tlabt għall-vittmi kollha tal-vjolenza u tal-gwerra. U hemm, f’dak l-imkien, fhimt iżjed minn qatt qabel il-valur tal-memorja, mhux biss bħala tifkira tal-ġrajjiet l-imgħoddija, imma bħala twissija u responsabbiltà għal-lum u għal għada, biex iż-żerriegħa tal-mibegħda u tal-vjolenza ma tnibbet qatt fix-xquq tal-istorja. U f’din il-memorja tal-gwerer u ta’ tant ġrieħi, ta’ tant tbatija, hemm ukoll ħafna rġiel u nisa tal-lum, li qed ibatu minħabba fil-gwerer, tant ħutna. Meta rajt dik il-kefrija, f’dak il-kamp tal-konċentrament, ħsiebi dlonk mar fuq il-kefrija ta’ żmienna, li tixbahha: mhux hekk ikkonċentrata bħal f’dak il-post, imma ma’ kullimkien fid-dinja; din id-dinja li hi marida bil-ħruxija, bit-tbatija, bil-gwerra, bil-mibegħda, bid-diqa. U għalhekk nitlobkom titolbu dejjem: biex il-Mulej iroddilna l-paċi!

 

Ta’ dan kollu, irrodd ħajr lill-Mulej u lill-Verġni Marija. U nesprimi mill-ġdid il-gratitudni tiegħi għall-President tal-Polonja u għall-Awtoritajiet l-oħra, għall-Kardinal Arċisqof ta’ Krakovja u għall-Isqfijiet Pollakki kollha, u għal dawk kollha li, b’elf mod, għamlu possibbli din il-ġrajja, li offriet sinjal ta’ fraternità u ta’ paċi lill-Polonja, lill-Ewropa u lid-dinja. Nixtieq nirringrazzja wkoll liż-żgħażagħ volutiera, li għal iżjed minn sena ħadmu biex iħejju għal din il-ġrajja; u anki lill-midja, lil dawk li jaħdmu fil-midja: grazzi ħafna li ħdimtu biex id-dinja kollha tara dan il-Jum. U hawn ma nistax ninsa lil Anna Maria Jacobini, ġurnalista Taljana li mietet hemm, f’daqqa. Nitolbu għaliha wkoll: ħallietna hi u twettaq is-servizz tagħha.

 

Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard