IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 3 ta’ Ġunju 2015 

Il-Familja – 17. Familja u faqar

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

F’dawn l-Erbgħat irriflettejna fuq il-familja u ħa nibqgħu mexjin fuq din it-tema, nirriflettu fuq il-familja.  U mil-lum il-katekeżi tagħna se titwessa’ iżjed, bir-riflessjoni tagħna tmur fuq il-vulnerabbiltà tal-familja, fil-kundizzjonijiet tal-ħajja li jippruvawha.  Il-familja għandha ħafna problemi li jgħadduha mill-prova.

 

Waħda minn dawn il-provi hi l-faqar.  Naħsbu f’tant familji li jimlew il-periferiji tal-bliet il-kbar, imma anki fiz-zoni rurali  Din il-miżerja, dan il-faqar kbir!  U mbagħad, biex taggrava s-sitwazzjoni, f’xi postijiet hemm ukoll il-gwerra.  Il-gwerra hi dejjem ħaġa tassew kerha.  Barra minn hekk, hi tolqot b’mod speċjali lill-popolazzjonijiet ċivili, il-familji.  Tassew li l-gwerra hi “omm il-faqar kollu”, il-gwerra tfaqqar lill-familja, taħsad il-ħajjiet, l-erwieħ, u l-imħabbiet l-iżjed qaddisa u għeżież.

 

Minkejja dan kollu, hemm ħafna familji foqra li b’dinjità jfittxu li jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum, spiss jafdaw b’mod miftuħ fil-barka ta’ Alla.  Din il-lezzjoni, imma, m’għandhiex tiġġustifika l-indifferenza tagħna, jekk xejn għandha ġġagħalna nistħu iżjed għall-fatt li hawn tant faqar!  Għoddu miraklu li, anki qalb il-faqar, il-familja tkompli tissawwar, u saħanistra tikkonservakif tista’ – l-umanità speċjali tar-rabtiet tagħha.  Dan il-fatt jirrita lil dawk il-pjanifikaturi tal-benessri li jqisu l-affetti, it-tnissil, ir-rabtiet familjari bħala varjabbli sekondarju għall-kwalità tal-ħajja.  Ma fehmu xejn!  Imma aħna għandna ninżlu għarkubbtejna quddiem dawn il-familji, li huma skola vera ta’ umanità li tista’ ssalva lis-soċjetà mill-atti barbariċi.

 

Fil-fatt, x’jibqgħalna jekk inċedu għar-rikatt ta’ Ċesri u Mammona, tal-vjolenza u tal-flus, u nwarrbu anki l-istess imħabba fil-familja?  Nistgħu naslu għal etika ġdida ċivili biss meta dawk responsabbli mill-ħajja pubblika jerġgħu jfittxu r-rabta soċjali, billi qabel xejn jibdew jeħduha kontra l-ispirali’ perversa bejn familja u faqar, li sa tixħitna fl-abbiss.

 

L-ekonomija tal-lum spiss tfittex li tispeċjalizza fil-pjaċir tal-ġid individwali, imma tisfrutta b’mod wiesa’ r-rabtiet familjari.  Hi kontradizzjoni gravi, din!  Il-ħidma immensa tal-familja naturalment ma tiġix ikkwotata fil-bilanċi!  Fil-fatt l-ekonomija u l-politika huma xħaħ meta jiġu biex jirrikonoxxu dan.  U safrattant, it-tiswir ġewwieni tal-persuna u ċ-ċirkulazzjoni soċjali ta’ l-affetti propju hemm għandhom il-pilastru tagħhom.  Jekk tneħħih, jogħtor kollox.

 

Din mhix biss kwistjoni ta’ ħobż.  Qed nitkellmu fuq xogħol, fuq tagħlim, fuq saħħa.  Importanti li dan nifhmuh sew.  Dejjem nitqanqlu meta jaslulna l-istampi u l-filmati ta’ tfal bil-ġuħ jew morda minn ħafna rkejjen tad-dinja.  Fl-istess ħin, imissulna wkoll ħafna qalbna l-għajnejn jixegħlu ta’ tant tfal, imċaħħda minn kollox, li qegħdin fi skejjel mibnija mix-xejn, meta juruna kollhom imkabbra l-lapes u l-pitazz tagħhom.  U b’liema mħabba jħarsu lejn l-għalliem jew għalliema tagħhom!  Tassew li t-tfal jafu li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix!  Anki l-imħabba fil-familja; fejn hemm il-faqar it-tfal ibatu, għax huma jridu l-imħabba, ir-rabtiet fil-familja.

 

Aħna l-Insara għandna nħossuna dejjem eqreb lejn il-familji li l-faqar qed jippruvahom.  Imma aħsbu ftit, kollha kemm intom tafu lil xi ħadd: missier bla xogħol, omm bla xogħol… u l-familja tbati, ir-rabtiet jiddgħajfu.  Kemm hi ħaġa kerha din!  Fil-fatt, il-miżerja soċjali tolqot lill-familja u xi drabi teqridha.  In-nuqqas jew it-telfa tax-xogħol, jew il-prekarjetà qawwija tiegħu, iħallu effett terribbli fuq il-ħajja tal-familja, u jgħaddu lir-relazzjonijiet minn prova qawwija.  Il-kundizzjonijiet tal-ħajja fil-kwartieri l-aktar foqra, bil-problemi ta’ għixien u ta’ trasport, kif ukoll dawk ta’ nuqqas ta’ servizzi soċjali, ta’ saħħa jew skolastiċi, jikkawżaw aktar diffikultajiet.  Ma’ dawn il-fatturi materjali nżidu l-ħsara kkawżata lill-familji mill-mudelli foloz, imxerrda mill-medja tal-massa msejsa fuq il-konsumiżmu u l-kult tad-dehra, li jinfluwenzaw il-klassijiet soċjali l-aktar foqra u jkabbru l-firdiet familjari.  Ejjew inħarsu l-familji, nieħdu ħsieb ta’ l-imħabba, meta l-miżerja tgħaddi lill-familja mill-prova!

 

Il-Knisja hi omm, u ma tridx tinsa din it-traġedja li għaddejjin minnha wliedha.  Anki hi għandha tkun fqira, biex issir għammiela u kapaċi twieġeb għal tant faqar.  Knisja fqira hi Knisja li tipprattika minn jeddha s-sempliċità fil-ħajja tagħhafl-istess istituzzjonijiet tagħha, fl-istil ta’ ħajja tal-membri tagħhabiex tfarrak kull ħajt li jifred, fuq kollox mill-foqra.  Huma meħtieġa t-talb u l-azzjoni.  Nitolbu bil-qawwa lill-Mulej, biex jheżżiżna ftit, biex jagħmel lill-familji Nsara tagħna protagonisti ta’ din ir-rivoluzzjoni tal-qrubija familjari, li issa hi hekk meħtieġa għalina!  Minnha, minn din il-qrubija lejn il-familja, sa mill-bidu tagħha, hi magħmula l-Knisja.  U ma ninsewx li l-ġudizzju ta’ min hu fil-bżonn, taċ-ċkejknin u tal-foqra jiġi qabel il-ġudizzju ta’ Alla (Mt 25:31-46).  Ma ninsewhx dan u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinu lill-familji jibqgħu mexjinil quddiem minkejja l-prova tal-faqar u tal-miżerja li qed jolqtu l-imħabbiet, ir-rabtiet familjari.  Nixtieq naqra għal darb’oħra s-silta tal-Bibbja li smajna fil-bidu, u kull wieħed u waħda minna jaħseb fil-familji li għaddejjin mill-prova tal-miżerja u tal-faqar, għax il-Bibbja tgħid hekk: “Ibni, iċċaħħadx lill-fqir mill-għajxien tiegħu, u l-bniedem fil-bżonn li jħares lejk tħallihx jistenna għal xejn.  Lil min hu bil-ġuħ tnikkitx, u tkiddx lill-bniedem fil-bżonn.  Qalb mikduda tkomplix tkiddha, u ’l min hu fil-bżonn tħallihx jistenna l-għotja tiegħek.  Tiċħadx lil tallab fil-għaks, u ddawwarx wiċċek mill-fqir.  Iddawwarx wiċċek minn wieħed fil-bżonn, u tagħti ’l ħadd l-okkażjoni li jisħtek” (Sir 4:1-5a).  Għax dan hu dak li jagħmel il-Mulej – jgħidu hu fil-Vanġelu – jekk aħna ma nagħmlux dawn il-ħwejjeġ.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard