Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Illum nixtieq inkellimkom dwar il-Vjaġġ Appostoliku li, bl-għajnuna ta’ Alla, għamilt fl-aħħar jiem fl-Eġittu. Mort f’dak il-pajjiż wara erba’ stediniet li saruli: mill-President tar-Repubblika, mill-Qdusija Tiegħu l-Patrijarka Kopt Ortodoss, mill-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar, u mill-Patrijarka Kopt Kattoliku. Nirringrazzja lil kull wieħed minnhom tal-merħba li tawni, tassew mill-qalb. U nirringrazzja lill-poplu kollu Eġizzjan tas-sehem u l-imħabba li bihom għex din iż-żjara tas-Suċċessur ta’ San Pietru.

 

Il-President u l-Awtoritajiet ċivili impenjaw ruħhom mhux ftit biex dan l-avveniment seta’ jseħħ bl-aħjar mod; biex seta’ jkun sinjal ta’ paċi, sinjal ta’ paċi għall-Eġittu u għal dak ir-reġjun kollu, li b’xorti ħażina qed ibati tant minħabba l-ġlied u t-terroriżmu. Fil-fatt, il-motto tal-Vjaġġ kien “Il-Papa tal-paċi f’Eġittu ta’ paċi”.

 

Iż-żjara tiegħi lill-Università Al-Azhar, l-eqdem università Islamika u l-ogħla istituzzjoni akkademika tal-Islam Sunnita, kellha tifsira doppja: dik tad-djalogu bejn l-Insara u l-Musulmani u, fl-istess waqt, dik tal-promozzjoni tal-paċi fid-dinja. F’Al-Azhar seħħet il-laqgħa mal-Imam il-Kbir, laqgħa li mbagħad twessgħet għall-Konferenza Internazzjonali għall-Paċi. F’dan il-kuntest offrejt riflessjoni li tat valur lill-istorja tal-Eġittu bħala art ta’ ċivilità u art ta’ pattijiet. Quddiem l-umanità kollha l-Eġittu hu sinonimu ma’ ċiviltà antika, ma’ teżori tal-arti u tal-għerf; u dan ifakkarna li l-paċi nibnuha permezz tal-edukazzjoni, it-tiswir tal-ħsieb, umaniżmu li jġorr bħala parti integrali fih id-dimensjoni reliġjuża, ir-relazzjoni ma’ Alla, kif fakkar l-Imam il-Kbir fid-diskors tiegħu. Il-paċi tinbena wkoll billi nerġgħu lura għall-patt ta’ Alla mal-bniedem, fundament tal-patt bejn il-bnedmin kollha, imsejjes fuq id-Dekalogu miktub fuq it-twavel tal-ġebla tas-Sinaj, imma b’mod iżjed profond fil-qalb ta’ kull bniedem ta’ kull żmien u post, liġi li tinġabar fiż-żewġ kmandamenti tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.

 

Dan l-istess fundament jinsab ukoll fil-bażi tal-bini tal-ordni soċjali u ċivili, li fih imsejħin jieħdu sehem iċ-ċittadini kollha, ta’ kull oriġni, kultura u reliġjon. Din il-viżjoni ta’ lajċità sana ħarġet fid-diskorsi tiegħi u tal-President tar-Repubblika tal-Eġittu, fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-pajjiż u tal-Korp diplomatiku. Il-wirt kbir storiku u reliġjuż tal-Eġittu u r-rwol tiegħu fir-reġjun tal-Lvant Nofsani jagħtuh missjoni partikulari fil-mixja lejn paċi stabbli u fit-tul, li sserraħ mhux fuq il-liġi ta’ min hu b’saħħtu, imma fuq is-saħħa tal-liġi.

 

L-Insara fl-Eġittu, bħal f’kull nazzjon ieħor ta’ din l-art, huma msejħa jkunu ħmira ta’ fraternità. U dan hu possibbli jekk jgħixu fosthom stess il-komunjoni fi Kristu. Sinjal qawwi ta’ komunjoni, għall-grazzja ta’ Alla, stajna nagħtuh flimkien mal-għażiż ħija l-Papa Tawadros II, Patrijarka tal-Kopti Ortodossi. Ġeddidna l-impenn tagħna, billi ffirmajna wkoll Dikjarazzjoni Komuni, li nimxu flimkien u nimpenjaw ruħna biex ma nirrepetux il-Magħmudija li tkun ġa ngħatat minn xi waħda mill-Knejjes rispettivi. Flimkien tlabna għall-martri tal-aħħar attentati li laqtu traġikament dik il-Knisja għażiża; u d-demm tagħhom għamel iktar għammiela dik il-laqgħa ekumenika, li fiha ħa sehem ukoll il-Patrijarka ta’ Kostantinopli Bartilmew: il-Patrijarka Ekumeniku, ħija l-għażiż.

 

It-tieni jum tal-vjaġġ kien iddedikat lill-fidili Kattoliċi. Il-Quddiesa ċċelebrata fl-Istadju li qegħdulna għad-dispożizzjoni tagħna l-awtoritajiet Eġizzjani kienet festa ta’ fidi u ta’ fraternità, fejn ħassejna l-preżenza ħajja ta’ Kristu Rxoxt. Jiena u nikkummenta l-Vanġelu, sejjaħt lill-komunità ċkejkna Kattolika fl-Eġittu biex tgħix mill-ġdid l-esperjenza tad-dixxipli ta’ Għemmaws: biex issib dejjem fi Kristu, Kelma u Ħobż tal-ħajja, il-ferħ tal-fidi, il-ħeġġa tat-tama u l-qawwa li fl-imħabba tixhed li “rajna l-Mulej!”.

 

U l-aħħar mument għixtu flimkien mas-saċerdoti, ir-reliġjużi u s-seminaristi, fis-Seminarju Maġġuri. Hemm ħafna seminaristi: dan kien ta’ faraġ kbir! Kienet Liturġija tal-Kelma, li fiha ġeddidna l-wegħdiet tal-ħajja kkonsagrata. F’din il-komunità ta’ rġiel u nisa li għażlu li jagħtu ħajjithom lil Kristu għas-Saltna ta’ Alla, ilmaħt il-ġmiel tal-Knisja fl-Eġittu, u tlabt għall-Insara kollha tal-Lvant Nofsani, biex, immexxija mir-ragħajja tagħhom u msieħba mill-ikkonsagrati, ikunu melħ u dawl f’dawk l-artijiet, qalb dawk il-popli. L-Eġittu għalina kien sinjal ta’ tama, ta’ kenn, ta’ għajnuna. Meta dik il-parti tad-dinja kienet bil-ġuħ, Ġakobb, flimkien ma’ wliedu, mar hemm; imbagħad, meta Ġesù kien ippersegwitat, mar hemm. Għalhekk, fir-rakkont tiegħi ta’ dan il-vjaġġ, inħossni miexi fit-triq tat-tama: għalina l-Eġittu hu dak is-sinjal ta’ tama kemm fl-istorja u kemm illum, ta’ din il-fraternità li xtaqt nirrakkontalkom.

 

Nirringrazzja mill-ġdid lil dawk li għamlu possibbli dan il-Vjaġġ u lil dawk kollha li b’modi diversi taw is-sehem tagħhom, speċjalment tant persuni li offrew it-talb u t-tbatijiet tagħhom. Il-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret, li emigrat lejn ix-xtut tan-Nil biex taħrab mill-vjolenza ta’ Erodi, tbierek u tħares dejjem il-poplu Eġizzjan u tmexxih fit-triq tal-ġid, tal-fraternità u tas-sliem.

 

Grazzi!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard