Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Fl-aħħar jiem għamilt l-ewwel Vjaġġ appostoliku tiegħi fl-Afrika.  Kemm hi sabiħa l-Afrika!  Irrodd ħajr lill-Mulej għal dan id-don kbir li tani, fejn stajt inżur tliet pajjiżi: l-ewwel il-Kenja, imbagħad l-Uganda u fl-aħħar ir-Repubblika ta’ l-Afrika Ċentrali.  Nesprimi mill-ġdid ir-rikonoxxenza tiegħi lejn l-Awtoritajiet ċivili u l-Isqfijiet ta’ dawn il-pajjiżi li laqgħuni, u nirringrazzja lil dawk kollha li b’ħafna modi kkollaboraw.  Grazzi mill-qalb!

 

Il-Kenja hi pajjiż li jirrappreżenta tajjeb l-isfida globali ta’ żmienna: li nieħdu ħsieb tal-ħolqien u nirriformaw il-mudell ta’ żvilupp biex ikun iżjed ekwu, inklużiv u sostenibbli.  Dan kollu tista’ tarah f’Nairobi, l-ikbar belt ta’ l-Afrika orjentali, fejn jgħixu flimkien għana u miżerja: imma dan hu skandlu!  Mhux biss fl-Afrika: anki hawn, kullimkien.  Il-konvivenza bejn għana u miżerja hi skandlu, hi ħaġa li għandha ġġiegħel lill-bniedem jistħi.  F’Nairobi għandu s-sede propja tiegħu l-Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda għall-Ambjent, li żort.  Fil-Kenja ltqajt ma’ l-Awtoritajiet u d-Diplomatiċi, u anki ma’ dawk li joqogħdu fi kwartier popolari; iltqajt mal-mexxejja tad-diversi konfessjonijiet Insara u tar-reliġjonijiet l-oħra, is-saċerdoti u l-ikkonsagrati, u ltqajt maż-żgħażagħ, ħafna żgħażagħ!  F’kull okkażjoni qawwejtilhom qalbhom biex jgħożżu l-għana kbir ta’ dan il-pajjiż: għana naturali u spiritwali, minħabba fir-riżorsi ta’ l-art, il-ġenerazzjonijiet ġodda u l-valuri li jsawru l-għerf tal-poplu.  F’dan il-kuntest hekk drammatikament attwali fraħt li stajt inwassal il-kelma kollha tama ta’ Ġesù: “Żommu sħaħ fil-fidi, la tibżgħux”.  Dan hu l-motto taż-żjara.  Kelma li jgħixuha kuljum tant persuni umli u sempliċi, b’dinjità għolja; kelma li xehdu għaliha b’mod traġiku u erojku ż-żgħażagħ ta’ l-Università ta’ Garissa, maqtula fit-2 ta’ April li għadda għax kienu Nsara.  Demmhom hu żerriegħa ta’ paċi u ta’ fraternità għall-Kenja, għall-Afrika u għad-dinja kollha.

 

Imbagħad, fl-Uganda ż-żjara tiegħi seħħet fis-sinjal tal-Martri ta’ dak il-pajjiż, ħamsin sena mill-kanonizzazzjoni storika tagħhom mill-Beatu Pawlu VI.  Għalhekk il-motto kien: “Tkunu xhieda tiegħi” (Atti 1:8).  Motto li jippresupponi l-kliem li jiġi dritt qabel: “Intom tirċievu l-qawwa mill-Ispirtu s-Santu”, għax hu l-Ispirtu li jaħji lill-qalb u jmexxi d-dirgħajn tad-dixxipli missjunarji.  U ż-żjara kollha fl-Uganda seħħet f’dan il-fervur tax-xhieda li l-Ispirtu s-Santu jkebbes.  Xhieda f’sens espliċitu hi s-servizz tal-katekisti, li rringrazzjajt u inkuraġġejt għall-impenn tagħhom, li spiss jinvolvi wkoll lill-familji tagħhom.  Xhieda hi dik tal-karità, li missejt b’idejja fid-Dar ta’ Nalukolongo, imma li tara impenjati tant komunitajiet u għaqdiet fil-qadi ta’ l-iżjed foqra, tad-diżabbli, tal-morda.  Xhieda hi dik taż-żgħażagħ li, minkejja d-diffikultajiet, iħarsu d-don tat-tama u jfittxu jgħixu skond il-Vanġelu u mhux skond id-dinja, imorru kontra l-kurrent.  Xhieda huma s-saċerdoti, l-irġiel u nisa kkonsagrati li jum wara l-ieħor iġeddu l-“iva” totali tagħhom lil Kristu u jiddedikaw ruħhom bil-ferħ għall-qadi tal-poplu qaddis ta’ Alla.  U hemm grupp ieħor ta’ xhieda, imma dwar dan nitkellem iżjed tard.  Din ix-xhieda taħt diversi għamliet, immexxija dejjem mill-Ispirtu s-Santu, hi ħmira għas-soċjetà kollha, kif turi l-ħidma effikaċi li qed titwettaq fl-Uganda kontra l-AIDS u fil-merħba mogħtija lir-rifuġjati.

 

It-tielet waqfa tal-vjaġġ tiegħi kienet fir-Repubblika ta’ l-Afrika Ċentrali, fil-qalba ġeografika tal-kontinent: sewwa sew, hi l-qalb ta’ l-Afrika.  Din iż-żjara fil-verità kienet l-ewwel waħda li kelli f’moħħi, għax dak il-pajjiż qed ifittex li joħroġ minn perjodu iebes ħafna, ta’ ġlied vjolenti u tant tbatija fost il-poplu.  Għalhekk xtaqt niftaħ propju hemm, f’Bangui, ġimgħa qabel iż-żmien, l-ewwel Bieb Imqaddes tal-Ġublew tal-Ħniena, bħala sinjal ta’ fidi u ta’ tama għal dak il-poplu, u simbolikament għall-popli kollha Afrikani li l-iktar għandhom bżonn jinħelsu u jitfarrġu.  L-istedina ta’ Ġesù lid-dixxipli: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor ta’ l-għadira” (Lq 8:22), kienet il-motto għall-Afrika Ċentrali.  “Naqsmu għax-xatt l-ieħor”, f’sens ċivili, ifisser inħallu wara daharna l-gwerra, il-qasmiet, il-miżerja, u nagħżlu l-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, l-iżvilupp.  Imma dan jitlob “passaġġ” li jseħħ l-ewwel fil-kuxjenzi, fl-imġibiet u fil-fehmiet tal-persuni.  U fuq dan il-livell hu deċiżiv is-sehem tal-komunitajiet reliġjużi.  Għalhekk iltqajt mal-Komunitajiet Evanġeliċi u dik Musulmana, u qsamt magħhom it-talb u l-impenn sħiħ għall-paċi.  Mas-saċerdoti u l-persuni kkonsagrati, imma anki maż-żgħażagħ, qsamna l-ferħ li l-Mulej Rxoxt jinsab magħna fuq id-dgħajsa, u Hu li jmexxiha lejn ix-xatt l-ieħor.  U fl-aħħar nett, fl-aħħar Quddiesa, fl-istadju ta’ Bangui, fil-festa ta’ l-Appostlu Indrì, ġeddidna l-impenn tagħna li nimxu wara Ġesù, it-tama tagħna, is-sliem tagħna, Wiċċ tal-Ħniena Divina.  Dik l-aħħar Quddiesa kienet tal-ġenn: mimlija żgħażagħ, stadju mimli żgħażagħ!  Għax fuq nofs il-popolazzjoni tar-Repubblika ta’ l-Afrika Ċentrali hi minorenni, għandhom inqas minn tmintax-il sena: x’wegħda għall-futur!

 

Nixtieq ngħid kelma fuq il-missjunarji.  Irġiel u nisa li ħallew pajjiżhom, kollox…  Marru hemm żgħażagħ, u għexu ħajja ta’ tant tant ħidma, xi drabi jorqdu ma’ l-art.  F’Bangui sibt soru, Taljana.  Kienet tidher anzjana: “Kemm għandek żmien?”, staqsejtha.  “81” – “Mela mhux ħafna, sentejn ikbar minni”.  Din is-soru kienet ilha hemm sa minn meta kellha 23-24 sena: ħajja sħiħa!  U bħalha, tant oħrajn.  Kienet ma’ tifla ċkejkna.  U t-tifla, bit-Taljan, kienet qed tgħajtilha: “Nanna”.  U s-soru qaltli: “Imma jien propju m’iniex minn hawn, imma minn pajjiż tal-qrib, il-Kongo; imma ġejt bil-kenura, ma’ din it-tifla”.  Dawn huma l-missjunarji: qalbiena.  “U int x’tagħmel, Swor?” – “Jiena infermiera u mbagħad studjajt ftit hawnhekk u sirt ostetrika u wellidt 3,280 tarbija”.  Hekk qaltli.  Ħajja sħiħa mogħtija għall-ħajja, għall-ħajja ta’ l-oħrajn.  U bħal din is-soru, hemm tant oħrajn, ħafna: tant sorijiet, tant saċerdoti, tant reliġjużi li jaħarqu ħajjithom biex ixandru lil Ġesù Kristu.  Kemm hi ħaġa sabiħa tara dan.  Xi ġmiel!

 

Jien nixtieq ngħid kelma liż-żgħażagħ.  Imma ftit hawn, għax donnu r-rata tat-twelid saret lussu fl-Ewropa: ir-rata hi żero, ir-rata hi 1%.  Imma jien sa ndur fuq iż-żgħażagħ: Aħsbu x’ħa tagħmlu b’ħajjitkom.  Aħsbu f’din is-soru u f’tant oħrajn bħalha, li taw ħajjithom u ħafna minnhom mietu hemm.  Il-missjonarjetà m’hix li tagħmel proselitiżmu: qaltli din is-soru li n-nisa Musulmani jmorru għandhom għax jafu li s-sorijiet huma infermiera bravi li jieħdu ħsiebhom tajjeb, u ma jagħmlulhom l-ebda katekeżi biex jikkonvertuhom!  Jagħtu xhieda; imbagħad lil min jixtieq, jagħtuh il-katekeżi.  Imma x-xhieda: din hi l-missjonarjetà kbira u erojka tal-Knisja.  Inxandru lil Ġesù Kristu b’ħajjitna stess!  Indur fuq iż-żgħażagħ: aħseb xi trid tagħmel b’ħajtek.  Issa hu l-waqt li taħseb u titlob lill-Mulej jurik ir-rieda tiegħu.  Imma nitolbok, teskludix din il-possibbiltà li ssir missjunarju, biex twassal l-imħabba, l-umanità, il-fidi f’pajjiżi oħra.  Mhux biex tagħmel proselitiżmu: le.  Dak jagħmluh oħrajn li jfittxu ħaġa oħra.  Il-fidi l-ewwel nippriedkawha bix-xhieda u mbagħad bil-kelma.  Bil-mod.

 

Infaħħru flimkien lill-Mulej għal dan il-pellegrinaġġ fl-art ta’ l-Afrika, u nħallu jmexxuna l-kelmiet-muftieħ tiegħu: “Kunu sħaħ fil-fidi, la tibżgħux”; “Tkunu xhieda tiegħi”; “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard