IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 2 ta’ April 2014

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Il-lum qed nagħlqu ċ-ċiklu ta’ katekeżi fuq is-Sagramenti billi nitkellmu dwar iż-Żwieġ.  Dan is-Sagrament iwassalna fil-qalba tal-pjan ta’ Alla, li hu pjan ta’ patt mal-poplu tiegħu, magħna lkoll, patt ta’ komunjoni.  Fil-ftuħ tal-ktieb tal-Ġenesi, l-ewwel ktieb tal-Bibbja, bħala kuruna tar-rakkont tal-ħolqien, jingħad: “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom…  Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed” (Ġen 1:27; 2:24).  Hi l-koppja miżżewġa x-xbieha ta’ Alla: ir-raġel u l-mara; mhux ir-raġel waħdu, mhux il-mara waħidha, imma t-tnejn li huma flimkien.  Din hi x-xbieha ta’ Alla: l-imħabba, il-patt ta’ Alla magħna jidher f’dak il-patt li jsir bejn raġel u mara.  U din hi ħaġa wisq sabiħa!  Aħna maħluqin biex inħobbu, bħal mera ta’ Alla u ta’ mħabbtu.  U fir-rabta konjugali, ir-raġel u l-mara jwettqu din is-sejħa fis-sinjal tar-reċiproċità u tal-komunjoni ta’ ħajja sħiħa u għal dejjem.

 

1. Meta raġel u mara jiċċelebraw is-sagrament taż-Żwieġ, Alla, biex ngħidu hekk, jidher fihom “bħal f’mera”, inaqqax fihom il-fattizzi tiegħu u l-karattru indelibbli ta’ mħabbtu.  Iż-żwieġ hu l-ikona ta’ l-imħabba ta’ Alla lejna.  Fil-fatt, Alla nnifsu hu komunjoni: it-tliet Persuni tal-Missier, ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu jgħixu sa minn dejjem u għal dejjem f’għaqda perfetta bejniethom.  U hu propju dan il-misteru taż-Żwieġ: miż-żewġ għarajjes miżżewġa Alla jagħmel ħajja waħda.  Il-Bibbja tuża espressjoni qawwija u tgħid “ġisem wieħed”, tant hi intima l-għaqda bejn ir-raġel u l-mara fiż-żwieġ.  U hu sewwa sew dan il-misteru taż-żwieġ: l-imħabba ta’ Alla li tidher fil-koppja li tagħżel li tgħix flimkien.  Għalhekk ir-raġel iħalli daru, id-dar tal-ġenituri tiegħu, u jmur jgħix ma’ martu, u tant jintrabat magħha b’mod qawwi li t-tnejn isiru – tgħidilna l-Bibbja – ġisem wieħed.

 

2. San Pawl, fl-Ittra lill-Efesin, jagħfas fuq il-misteru kbir li jidher fl-għarajjes Insara: ir-relazzjoni li waqqaf Kristu mal-Knisja, rabta taż-żwieġ (ara Efes 5:21-33).  Il-Knisja hi l-għarusa ta’ Kristu.  Din hi r-relazzjoni.  Dan ifisser li ż-Żwieġ iwieġeb għal vokazzjoni speċifika u għandu jitqies bħala konsagrazzjoni (ara Gaudium et spes, 48; Familiaris consortio, 56).  Hu konsagrazzjoni: ir-raġel u l-mara huma kkonsagrati fl-imħabba ta’ bejniethom.  Fil-fatt, grazzi għas-Sagrament, l-għarajjes jitlibbsu b’missjoni vera u propja, biex, ibda mill-ħwejjeġ l-aktar sempliċi u ordinarji, jistgħu jagħmlu viżibbli l-imħabba li biha Kristu jħobb lill-Knisja tiegħu, u jissokta jagħti ħajtu għaliha, fil-fedeltà u l-qadi.

 

Tassew hu pjan sabiħ dak li hu għandu fin-natura tiegħu s-sagrament taż-Żwieġ!  U jitwettaq fis-sempliċità u anki fid-dgħufija tal-qagħda umana.  Nafu tajjeb kemm diffikultajiet u provi jħabbtu wiċċhom magħhom il-miżżewġin…  L-importanti hu li jżommu ħajja r-rabta tagħhom ma’ Alla, li hi fil-bażi tar-rabta taż-żwieġ.  U r-rabta vera dejjem hi mal-Mulej.  Meta l-familja titlob flimkien, din ir-rabta tinżamm sħiħa.  Meta r-raġel jitlob għal martu u l-mara għal żewġha, dik ir-rabta tissaħħaħ; wieħed jitlob għall-ieħor.  Hu minnu li fil-ħajja taż-żwieġ hemm tant diffikultajiet, tant; issa x-xogħol, issa l-flus ma jservux, issa t-tfal bil-problemi.  Tant diffikultajiet.  U tant drabi r-raġel u l-mara jsiru xi ftit nervużi u jitlewmu bejniethom.  Jitlewmu, hekk hu, fiż-żwieġ dejjem ikun hemm it-tilwim, xi drabi jfajru wkoll il-platti.  Imma dan m’għandux isewdilna qalbna, għax din hi l-qagħda umana.  U s-sigriet hu li l-imħabba hi aqwa minn dak il-waqt li fih nitlewmu, u għalhekk jien lill-miżżewġin nagħtihom dejjem dan il-parir: tagħlqux il-ġurnata li fiha tlewwimtu bejnietkom mingħajr ma tagħmlu paċi.  Dejjem!  U biex tagħmlu paċi m’hemmx bżonn iċċemplu lill-Ġnus Magħquda biex jiġu huma d-dar ħalli tagħmlu paċi.  Biżżejjed ġest ċkejken, żegħila, tislima!  U nkomplu għada!  U għada nibdew mill-ġdid.  U din hi l-ħajja, hekk irridu mmexxuha ’l quddiem, nimxu ’l quddiem bil-kuraġġ li rridu ngħixuha flimkien.  U din hi ħaġa kbira, hi sabiħa!  Hi ħaġa sabiħa wisq il-ħajja taż-żwieġ u rridu dejjem inħarsuha, inħarsu l-ulied.  Drabi oħra f’din il-Pjazza jiena għidt xi ħaġa li hi ta’ għajnuna kbira għall-ħajja fiż-żwieġ.  Huma tliet kelmiet li għandna ngħiduhom dejjem, tliet kelmiet li għandhom ikunu dejjem fid-dar tagħna: jekk jogħġbok, grazzi, skużani.  It-tliet kelmiet maġiċi.  Jekk jogħġbok: biex ma nkunux invadenti fil-ħajja miżżewġa tagħna.  Jekk jogħġbok, imma x’taħseb?  Jekk jogħġbok, ippermettili.  Grazzi: tirringrazzja lil martek jew żewġek; grazzi ta’ dak li għamilt għalija, grazzi ta’ din il-ħaġa.  Il-ġmiel li hemm f’li tgħid grazzi!  U billi kollha niżbaljaw, dik il-kelma l-oħra li hi ftit iebsa biex illissnuha, imma hemm bżonn ngħiduha: skużani.  Jekk jogħġbok, grazzi u skużani.  B’dawn it-tliet kelmiet, bit-talb tar-raġel u l-mara għal xulxin, billi nagħmlu paċi dejjem qabel tintemm il-ġurnata, iż-żwieġ jimxi ’l quddiem.  It-tliet kelmiet maġiċi, it-talba u nagħmlu paċi dejjem.  Il-Mulej iberikkom u itolbu għalija.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard