IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 2 ta’ Marzu 2016

 

9. Ħniena u korrezzjoni

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

 

Aħna u nitkellmu dwar il-Ħniena divina, kemm-il darba ftakarna fil-figura tal-missier ta’ familja, li jħobb lil uliedu, jgħinhom, jieħu ħsiebhom, jaħfrilhom.  U bħala missier, jedukahom u jikkoreġihom meta jiżbaljaw, u hekk jgħinhom jikbru f’dak li hu tajjeb.

 

Hekk jiġi ppreżentat Alla fl-ewwel kapitlu tal-Profeta Isaija, fejn il-Mulej, bħal missier li jħobb imma hu wkoll attent u kapaċi jkun iebes, idur fuq Israel u jakkużah b’infedeltà u korruzzjoni, biex ireġġgħu lura fit-triq tal-ġustizzja.  Hekk jiftaħ it-test tagħna:

 

“Isimgħu, smewwiet!  Agħti widen, art!

Għax tkellem il-Mulej:

‘Ulied rabbejt u kabbart,

u huma qamu kontrija.

Il-gendus jagħraf lil sidu,

u l-ħmar il-maxtura ta’ sidu;

imma Israel ma jagħrafx,

il-poplu tiegħi ma jifhimx’” (1:2-3).

 

Permezz tal-profeta, Alla jkellem lill-poplu bid-diqa ta’ missier deluż: hu rabba lil uliedu, u issa huma ħaduha kontriH.  Anki l-annimali huma fidili lejn sidhom u jagħrfu dik l-id li titmagħhom; imma l-poplu m’għadux jagħraf lil Alla, u ma jridx jifhem.  Anki jekk iħossu mweġġa’, Alla jħalli l-imħabba titkellem, u jdur fuq il-kuxjenza ta’ dawn l-ulied imħassra biex jitlobhom isewwu triqathom u jħalluh iħobbhom mill-ġdid.  Dan hu li jagħmel Alla.  Jiġi jiltaqa’ magħna biex aħna nħalluH iħobbna, hu li hu Alla tagħna.

 

Ir-relazzjoni bejn missier u iben, li għaliha spiss jirriferu l-profeti biex jispjegaw ir-relazzjoni ta’ patt bejn Alla u l-poplu tiegħu, ġiet maqlugħa min-natura tagħha.  Il-missjoni edukattiva tal-ġenituri għandha l-għan li tgħinhom jikbru fil-libertà, u tagħmilhom responsabbli, kapaċi jwettqu għemejjel ta’ ġid għalihom infushom u għall-oħrajn. Min-naħa l-oħra, minħabba d-dnub, il-libertà ssir pretensjoni ta’ awtonomija, pretensjoni ta’ kburija, u l-kburija twassal lill-bniedem biex jeħodha kontra Alla u jimla moħħu li jista’ jagħmel kollox waħdu.

 

Hawn mela li Alla jiġbed l-attenzjoni tal-poplu tiegħu: “Żbaljajtu t-triq”.  Bi mħabba u b’diqa jgħid: il-poplu “tiegħi”. Alla qatt ma jiċħadna; aħna l-poplu tiegħu, l-eħżen fost l-irġiel, l-eħżen fost in-nisa, l-iżjed ħżiena fost il-popli huma wliedu.  U dan hu Alla: qatt, qatt ma jiċħadna!  Jgħidilna dejjem: “Ibni, ejja”.  U din hi l-imħabba ta’ Missierna; din hi l-ħniena ta’ Alla.  Li għandna missier hekk jimliena bit-tama, jimliena bil-fiduċja.  Din l-appartenenza għandna ngħixuha fil-fiduċja u fl-ubbidjenza, għax nafu li kollox huwa don li ġej mill-imħabba tal-Missier.  Imma min-naħa l-oħra, araw il-vanità, ir-ras iebsa u l-idolatrija.

 

Għalhekk issa l-profeta jdur dritt fuq dan il-poplu bi kliem iebes biex jgħinu jifhem il-gravità tal-ħtija tiegħu:

 

Jaħasra għalik, ġens midneb, […] ulied imħassrin!

Telqu lill-Mulej;

maqdru l-Qaddis ta’ Israel,

inġibdu lura minnu” (v. 4).

 

Il-konsegwenza tad-dnub hi stat ta’ tbatija, li l-effetti tiegħu jbatihom ukoll il-pajjiż, mitluq u miġjub qisu deżert, sal-punt li Sijon – jiġifieri Ġerusalemm – issir post fejn ħadd ma jista’ jgħammar iżjed.  Fejn hemm iċ-ċaħda ta’ Alla, tal-paternità tiegħu, ma jistax ikun hemm iżjed ħajja, il-ħajja titlef għeruqha, kollox jidher marid u meqrud.  Madankollu, anki dan il-mument ta’ tbatija nħarsu lejh fid-dawl tas-salvazzjoni.  Il-poplu jgħaddi mill-prova biex jista’ jduq id-diqa ta’ min jitlaq lil Alla, u hekk jiġi wiċċ imb’wiċċ mal-vojt qerriedi ta’ għażla li ġġib il-mewt.  It-tbatija, konsegwenza inevitabbli ta’ deċiżjoni li teqred lil min jeħodha, għandha tgħin lill-midneb jirrifletti biex jista’ jinfetaħ għall-konverżjoni u għall-maħfra.

 

U din hi l-mixja tal-Ħniena divina: Alla ma jimxix magħna skond ħżunitna (ara Salm 103:10).  Il-kastig isir l-istrument li jwassalna biex nirriflettu.  Hekk nifhmu li Alla jaħfer lill-poplu tiegħu, jagħti l-grazzja u ma jeqridx kollox, imma jħalli dejjem miftuħ il-bieb tat-tama.  Is-salvazzjoni timplika d-deċiżjoni li wieħed jisma’ u jħalli qalbu tikkonverti, imma dejjem tibqa’ don mogħti b’xejn.  Il-Mulej, għalhekk, fil-ħniena tiegħu, jurina triq li m’hix dik tas-sagrifiċċji ritwali, imma pjuttost tal-ġustizzja.  Il-kult hu kkritikat mhux għax ma fihx siwi fih innifsu, imma għax, flok jesprimi l-konverżjoni, jippretendi li jeħdilha postha; u hekk ifittex jiġġustifika ruħu, b’dik il-konvinzjoni qarrieqa li huma s-sagrifiċċji li jsalvaw, u mhux il-Ħniena divina li taħfer id-dnub.  Biex nifhmuha sew: meta wieħed hu marid, imur għand it-tabib; meta wieħed iħossu midneb, imur għand il-Mulej.  Imma jekk flok imur għand it-tabib, imur għand is-saħħar, ma jfiqx.  Ħafna drabi ma mmorrux għand il-Mulej, imma nippreferu ngħaddu minn toroq żbaljati, infittxu ġustifikazzjoni, ġustizzja, paċi ’l barra minnU.  Alla, jgħid il-Profeta Isaija, ma jogħġbux id-demm tal-barrin u l-ħrief (v. 11), iktar u iktar jekk l-offerta ssir b’idejn imċappsa bid-demm ta’ l-aħwa (v. 15).  Hawn jiġuni f’moħħi ċerti benefatturi tal-Knisja li jiġu għandna bl-offerta tagħhom – “Ħu din l-offerta għall-Knisja” – li hi frott tad-demm ta’ tant nies li ġew abbużati, ittrattati ħażin, imjassra bix-xogħol imħallas ħażin!  Lil dawn in-nies jien ngħidilhom: “Jekk jogħġbok, ħu ċ-ċekk tiegħek lura, aħarqu”.  Il-poplu ta’ Alla, jiġifieri l-Knisja, m’għandux bżonn ta’ flus maħmuġa; imma li għandu bżonn hu ta’ qlub miftuħa għall-ħniena ta’ Alla.  Hemm bżonn nersqu lejn Alla b’idejn imsoffija, u naħarbu l-ħażen u nipprattikkaw it-tjieba u l-ġustizzja.  Kemm hu sabiħ il-kliem li bih jagħlaq il-profeta:

 

“Ieqfu mill-ħażen.

Tgħallmu għamlu t-tajjeb,

fittxu d-dritt,

sewwu l-inġustizzji,

iddefendu l-iltim,

aqbżu għall-armla” (vv. 16-17).

 

Aħsbu f’tant rifuġjati li qed jaslu l-Ewropa u ma jafux fejn ħa jaqbdu jagħtu rashom.  Imbagħad, jgħid il-Mulej, id-dnubiet, imqar jekk ikunu ħomor daqs l-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ, u bħas-suf, u l-poplu jkun jista’ jiekol mill-ġid ta’ l-art u jgħix fis-sliem (v. 19).

 

Dan hu l-miraklu tal-maħfra ta’ Alla; il-maħfra li Alla bħala Missier irid jagħti lill-poplu tiegħu.  Il-ħniena ta’ Alla hu joffriha lil kulħadd, u dan il-kliem tal-profeta jgħodd ukoll il-lum għalina lkoll, li aħna msejħin ngħixu bħala wlied Alla.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard