IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 1 ta’ Ġunju 2016

 

21. It-talba umli tikseb il-ħniena (ara Lq 18:9-14)

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba! 

 

L-Erbgħa li għaddiet smajna l-parabbola ta’ l-imħallef u l-armla, fuq il-ħtieġa li nitolbu b’perseveranza. Il-lum, b’parabbola oħra, Ġesù jrid jgħallimna kif għandha tkun l-imġiba tagħna biex nitolbu u nittallbu l-ħniena tal-Missier; kif għandna nitolbu; l-atteġġjament it-tajjeb għat-talb. Hi l-parabbola tal-Fariżew u l-Pubblikan (ara Lq 18:9-14).

 

Iż-żewġ protagonisti jitilgħu t-Tempju biex jitolbu, imma jġibu ruħhom b’modi differenti ħafna minn xulxin, hekk li jiksbu riżultati differenti. Il-Fariżew jitlob “wieqaf” (v. 11), u jpaċpaċ ħafna. Tiegħu hi, iva, talba ta’ radd il-ħajr lil Alla, imma fir-realtà hi żvog fuq il-merti tiegħu, b’sens ta’ superjorità fuq il-“bqija tal-bnedmin”, li hu jsejjaħ “ħalliela, inġusti, żienja”, bħal, ngħidu aħna – u jippunta sebgħu lejn l-ieħor li kien jinsab hemm – “dan il-Pubblikan” (v. 11). Imma sewwa sew hawn qiegħda l-problema: dak il-Fariżew jitlob lil Alla, imma fil-verità qed iħares biss lejh innifsu. Qed jitlob lilu nnifsu! Flok għandu lil Alla quddiem għajnejh, għandu mera. Anki jekk jinsab fit-Tempju, ma jħossx il-bżonn li jitbaxxa quddiem il-maestà ta’ Alla; jibqa’ bil-wieqfa, iħossu fiż-żgur, qisu kien hu sid it-Tempju! Joqgħod isemmi l-opri tajba li għamel: hu bla tiċpisa, josserva l-Liġi iktar milli suppost, isum “darbtejn fil-ġimgħa” u jħallas “l-għexur” ta’ dak kollu li jdaħħal. Insomma, iktar milli jitlob, il-Fariżew moħħu mimli b’kif hu josserva l-preċetti kollha. Imma l-imġiba tiegħu u kliemu huma mbiegħda mill-mod kif jaġixxi u jitkellem dwar Alla, li jħobb lill-bnedmin kollha u ma jistmerrx lill-midinba. Għall-kuntrarju, dak il-Fariżew jistmerr lill-midinbin, anki meta jipponta sebgħu lejn l-ieħor li jinsab hemm. Insomma, il-Fariżew, li jqis ruħu ġust, qed jittraskura l-iktar kmandament importanti: l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.

 

Għalhekk m’hux biżżejjed nistaqsu lilna nfusna kemm qed nitolbu, jeħtieġ nistaqsu wkoll kif qed nitolbu, jew aħjar, kif inhi l-qalb tagħna: importanti neżaminawha biex niżnu l-ħsibijiet, is-sentimenti, u nxejnu kull xorta ta’ arroganza u wiċċ b’ieħor. Imma nistaqsi: Tista’ titlob b’arroganza? Le. Tista’ titlob b’wiċċ b’ieħor? Le. Biss, għandna nitolbu billi nersqu quddiem Alla hekk kif aħna. Mhux bħall-Fariżew li kien jitlob b’arroganza u wiċċ b’ieħor. Ilkoll aħna aljenati mill-ġenn tar-ritmu tal-ħajja ta’ kuljum, spiss vittmi ta’ sensazzjonijiet, mifxula, imħawda. Jeħtieġ nitgħallmu kif nerġgħu nsibu triqtna lejn qalbna, nirbħu mill-ġdid il-valur ta’ l-intimità u tas-skiet, għax huwa hemm li Alla jiltaqa’ magħna u jkellimna. Minn hemm biss nistgħu mbagħad aħna niltaqgħu ma’ l-oħrajn u nitkellmu magħhom. Il-Fariżew mexa lejn it-Tempju, hu żgur minnu nnifsu, imma ma jintebaħx li tilef it-triq tal-qalb tiegħu.

 

Imma l-Pubblikan – l-ieħor – jersaq fit-Tempju b’qalb imċekkna u niedma: “bil-wieqfa fil-bogħod, anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru” (v. 13). It-talba tiegħu hi qasira ħafna, m’hix hekk twila bħal dik tal-Fariżew: “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!”. Xejn iżjed. X’talba sabiħa! Fil-fatt, dawk li kienu jiġbru t-taxxi – għalhekk imsejħa “pubblikani” – kienu meqjusa persuni impuri, li joqogħdu għall-ħakkiema barranin, in-nies kienet tħares lejhom bl-ikrah u ġeneralment tassoċjahom mal-“midinbin”. Il-parabbola tgħallimna li aħna ġusti jew midinbin mhux skond l-appartenenza soċjali tagħna, imma skond kif nirrelataw ma’ Alla u kif inġibu ruħna ma’ ħutna. Il-ġesti ta’ penitenza u l-ftit kliem sempliċi tal-Pubblikan huma xhieda biżżejjed ta’ kemm kien konxju mill-qagħda msejkna tiegħu. It-talba tiegħu hi essenzjali. Iġib ruħu ta’ bniedem umli, żgur biss li hu midneb bżonn il-ħniena. Jekk il-Fariżew ma talab xejn għax kellu diġà kollox, il-Pubblikan jista’ biss jittallab il-ħniena ta’ Alla. U din hi ħaġa sabiħa: jittallab il-ħniena ta’ Alla! Meta jersaq quddiemu “b’idejh vojta”, b’qalbu mneżżgħa u konxju li hu midneb, il-Pubblikan qed juri lilna lkoll il-kundizzjoni meħtieġa biex nistgħu nirċievu l-maħfra ta’ Alla. Fl-aħħar ta’ l-istorja propju hu, tant mistmerr, li jsir l-ikona ta’ min tassew jemmen.

 

Ġesù jagħlaq il-parabbola b’sentenza: “Ngħidilkom jien li dan”, jiġifieri l-Pubblikan, “u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar” (v. 14). Minn dawn it-tnejn, min huwa l-korrott? Il-Fariżew. Il-Fariżew hu sewwa sew l-ikona tal-korrott li jagħmel ta’ bir-ruħu li qed jitlob, imma jirnexxielu biss joqgħod jiffanfra quddiem mera. Hu korrott taparsi qed jitlob. Hekk, fil-ħajja min jaħseb li hu ġust u joqgħod jiġġudika lill-oħrajn u jbaxxihom, hu korrott u wiċċ b’ieħor. Is-suppervja tikkomprometti kull għemil tajjeb, tbattal it-talb mill-essenza tiegħu, tbiegħed minn Alla u mill-oħrajn. Jekk Alla jippreferi l-umiltà, dan mhux biex jaqtgħalna qalbna: l-umiltà pjuttost hi kundizzjoni meħtieġa biex nerġgħu nħalluH iqajjimna fuq riġlejna, biex hekk nistgħu nduqu l-ħniena li tiġi biex timla l-vojt tagħna. Jekk it-talba tas-supperv ma tilħaqx il-qalb ta’ Alla, l-umiltà ta’ l-imsejken tiftaħhielu beraħ. Alla dgħufija waħda għandu: jaqa’ għall-umli. Quddiem qalb umli, Alla jiftaħ għal kollox il-qalb tiegħu. Din hi l-umiltà li tesprimi l-Verġni Marija fl-għanja tal-Magnificat: “Xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. […] il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:48,50). Ħa tgħinna hi, l-Omm tagħna, biex nitolbu b’qalb umli u mċekkna. U aħna ejjew intennu għal tliet darbiet dik it-talba sabiħa: “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb”.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard