Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Għada Ħamis ix-Xirka.  Fil-għaxija, bil-Quddiesa “ta’ l-Ikla tal-Mulej”, jiftaħ it-Tridu ta’ l-Għid tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, li hu l-qofol tas-sena liturġika kollha u anki tal-ħajja Nisranija tagħna.

 

It-Tridu jiftaħ bit-tifkira ta’ l-Aħħar Ċena.  Ġesù, lejlet il-Passjoni tiegħu, offra lill-Missier ġismu u demmu taħt l-ispeċi tal-ħobż u l-inbid u, meta tahom bħala ikel u xorb lill-Appostli, ordnalhom li jibqgħu jagħmlu din l-offerta b’tifkira tiegħu.  Il-Vanġelu ta’ din iċ-ċelebrazzjoni, li jfakkar il-ħasil tar-riġlejn, jesprimi l-istess tifsira ta’ l-Ewkaristija minn perspettiva oħra.  Ġesù – bħal qaddej – jaħsel riġlejn Xmun Pietru u l-ħdax-il dixxiplu l-ieħor (ara Ġw 13:4-5).  B’dan il-ġest profetiku, Hu jesprimi s-sens ta’ ħajtu u tal-passjoni tiegħu, bħala servizz lil Alla u lill-aħwa: “Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10:45).

 

Dan seħħ ukoll fil-Magħmudija tagħna, meta l-grazzja ta’ Alla naddfitna mid-dnub u rġajna lbisna lil Kristu (ara Kol 3:10).  Dan iseħħ kull darba li nagħmlu t-tifkira tal-Mulej fl-Ewkaristija: nidħlu f’komunjoni ma’ Kristu Qaddej biex nobdu l-kmandament tiegħu, dak li nħobbu lil xulxin kif ħabbna Hu (ara Ġw 13:34; 15:12).  Jekk nersqu lejn it-Tqarbin imqaddes bla ma nkunu sinċerament disposti li naħslu saqajn xulxin, aħna ma nagħrfux il-Ġisem tal-Mulej.  Dan hu s-servizz ta’ Ġesù li jingħata, kollu kemm hu.

 

Imbagħad, pitgħada, fil-liturġija tal-Ġimgħa l-Kbira nimmeditaw il-misteru tal-mewt ta’ Kristu u nqimu s-Salib imqaddes.  Fl-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu, qabel radd ruħu lill-Missier, Ġesù qal: “Kollox mitmum!” (Ġw 19:30).  Xi tfisser din il-kelma li jgħid Ġesù: “Kollox mitmum!”?  Tfisser li l-opra tas-salvazzjoni issa twettqet, li l-kitbiet kollha ta’ l-Iskrittura jsibu l-milja sħiħa tagħhom fl-imħabba ta’ Kristu, il-Ħaruf issagrifikat.  Ġesù, bis-Sagrifiċċju tiegħu, biddel l-ikbar ħażen fl-ikbar imħabba.

 

Matul is-sekli kellna rġiel u nisa li bix-xhieda ta’ ħajjithom jirriflettu raġġ ta’ din l-imħabba perfetta, sħiħa, m’hix mimsusa.  Nieħu gost niftakar f’xhud erojku ta’ żmienna, Dun Andrea Santoro, saċerdot tad-Djoċesi ta’ Ruma u missjunarju fit-Turkija.  Xi jum qabel ġie maqtul fi Trebisonda, kiteb hekk: “Ninsab hawn biex ngħix qalb dawn in-nies u nħalli lil Ġesù jgħix fosthom billi nagħtih ġismi…  Nistgħu nsalvaw biss jekk noffru ġisimna.  Il-ħażen tad-dinja rridu nerfgħuh u l-uġigħ irridu naqsmuh, billi nagħmluh tagħna f’ġisimna, kif għamel Ġesù” (A. Polselli, Don Andrea Santoro, le eredità, Città Nuova, Roma 2008, p. 31).  Dan l-eżempju ta’ bniedem ta’ żmienna, u ta’ tant oħrajn, iweżinna fl-offerta ta’ ħajjitna bħala don ta’ mħabba lill-aħwa, fuq ix-xebh ta’ Ġesù.  U anki l-lum għandna ħafna rġiel u nisa, veri martri li qed joffru ħajjithom ma’ Ġesù biex jistqarru l-fidi, sempliċement għal din ir-raġuni.  Hu servizz, servizz ta’ xhieda Nisranija sal-punt tad-demm, servizz li għamlilna Kristu: fdiena sa l-aħħar.  U din hi t-tifsira ta’ din il-kelma: “Kollox mitmum”.  Kemm tkun ħaġa sabiħa jekk ilkoll kemm aħna, fi tmiem ħajjitna, bl-iżbalji tagħna, bid-dnubiet tagħna, anki bl-opri tajba tagħna, bl-imħabba tagħna lejn il-proxxmu, inkunu nistgħu ngħidu lill-Missier bħalma qallu Ġesù: “Kollox mitmum”; mhux bil-perfezzjoni li biha qalha Hu, imma ngħidulu: “Mulej, għamilt dak kollu li stajt.  Kollox mitmum”.  Aħna u nqimu s-Salib, u nħarsu lejn Ġesù, ejjew naħsbu fl-imħabba, fil-qadi, f’ħajjitna, fil-martri Nsara, u nagħmlu sew ukoll naħsbu fi tmiem ħajjitna.  Ħadd minna ma jaf dan meta ħa jseħħ, imma nistgħu nitolbu l-grazzja li nkunu nistgħu ngħidu: “Missier, għamilt dak li stajt.  Kollox mitmum”.

 

Sibt il-Għid hu l-jum li fih il-Knisja tikkontempla l-“mistrieħ” ta’ Kristu fil-qabar wara l-battalja rebbieħa tas-salib.  F’Sibt il-Għid il-Knisja, għal darb’oħra, tidentifika ruħha ma’ Marija: il-fidi kollha tagħha hi miġbura fiHa, l-ewwel dixxiplu perfett, l-ewwel waħda li emmnet b’mod perfett.  Fid-dalma li tkebbeb il-ħolqien, Hi tibqa’ waħidha żżomm mixgħula l-fjamma tal-fidi, tittama kontra kull tama (ara Rum 4:18) fil-Qawmien ta’ Ġesù.

 

U fil-Velja ta’ l-Għid, li fiha tidwi mill-ġdid l-Hallelujah, niċċelebraw lil Kristu Rxoxt, li hu ċ-ċentru u l-fini tal-kożmu u ta’ l-istorja; nishru sħaħ fit-tama aħna u nistennewh jerġa’ jiġi, meta l-Għid għad jimmanifesta ruħu b’mod sħiħ.

 

Kull tant id-dalma tal-lejl tidher donnha qed tinfed ir-ruħ; kull tant naħsbu: “Issa m’għadx fadal x’tagħmel”, u l-qalb ma ssibx iżjed il-qawwa li tħobb…  Imma sewwa sew f’dik id-dalma Kristu jixgħel in-nar ta’ l-imħabba ta’ Alla: raġġ qawwi jikser id-dalma u jħabbar bidu ġdid, jibda xi ħaġa ġdida qalb l-eħrex dalma.  Ma nafux li l-lejl hu “iżjed lejl”, u iżjed imdallam eżatt qabel ifiġġ il-jum!  Imma propju f’dik id-dalma hu Kristu li jirbaħ u li jixgħel in-nar ta’ l-imħabba.  Il-blata tan-niket u t-tbatija hi mgerrba biex tagħmel wisa’ għat-tama.  Dan hu l-misteru kbir ta’ l-Għid!  F’dan il-lejl qaddis il-Knisja tagħtina d-dawl ta’ l-Irxoxt, biex ma jkunx hemm fina d-diqa ta’ min jgħid: “Issa kollu għalxejn…”, imma t-tama ta’ min jinfetaħ għal preżent mimli futur: Kristu rebaħ il-mewt, u aħna miegħU.  Il-ħajja tagħna ma tintemmx quddiem il-blata tal-qabar, tagħna tmur lil hemm bit-tama ta’ Kristu li qam propju minn dan il-qabar.  Bħala Nsara aħna msejħa nkunu għassiesa ta’ l-għodwa, li jafu jilmħu mqar mill-bogħod is-sinjali ta’ l-Irxoxt, kif għamlu n-nisa u d-dixxipli li ġrew lejn il-qabar ma’ sbiħ l-ewwel jum tal-ġimgħa.

 

Għeżież ħuti, f’dawn il-jiem tat-Tridu Mqaddes ejjew ma nillimitawx ruħna għal li nfakkru l-Passjoni tal-Mulej, imma nidħlu fil-misteru, nagħmlu tagħna s-sentimenti tiegħu, l-atteġġjamenti tiegħu, kif jistedinna nagħmlu l-Appostlu Pawlu: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Fil 2:5).  Hekk dan tagħna jkun tassew “Għid tajjeb”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard