ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠUBILARI

Pjazza San Pietru

Is-Sibt 20 ta’ Frar 2016

Ħniena u impenn

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-Ġublew tal-Ħniena hu opportunità vera biex nidħlu fil-fond ġewwieni tal-misteru tat-tjieba u ta’ l-imħabba ta’ Alla.  F’dan iż-żmien tar-Randan, il-Knisja qed tistedinna nsiru nafu dejjem iżjed lill-Mulej Ġesù, u ngħixu b’mod koerenti l-fidi bi stil ta’ ħajja li jesprimi l-ħniena tal-Missier.  Hu impenn li aħna msejħin nieħdu biex noffru lil dawk kollha li magħhom niltaqgħu s-sinjal konkret ta’ kemm Alla hu qrib tagħna.  Ħajti, l-imġiba tiegħi, il-mod kif ngħix għandu jkun sewwa sew sinjal konkret tal-fatt li Alla hu qrib tagħna.  Ġesti żgħar ta’ mħabba, ta’ ħlewwa, ta’ għożża, li juru li l-Mulej hu magħna, hu qrib tagħna.  U hekk jinfetaħ il-bieb tal-ħniena.

 

Il-lum nixtieq fil-qosor nieqaf nirrifletti magħkom fuq it-tema ta’ din il-kelma li għidt: it-tema ta’ l-impenn.  Xi jkun impenn?  U xi jfisser timpenja ruħek?  Meta nimpenja ruħi, ifisser li nassumi responsabbiltà, naħdem b’riżq xi ħadd; u jfisser ukoll l-istil, l-atteġġjament ta’ fedeltà u ta’ għotja, ta’ attenzjoni parikulari li bih inwettaq din il-ħidma.  Kull jum hu mitlub minna li nimpenjaw ruħna fl-affarijiet li nagħmlu: fit-talb, fix-xogħol, fl-istudju, imma anki fl-isport, fl-attivitajiet tal-ħin liberu…  Insomma, nimpenjaw ruħna jfisser inħaddmu r-rieda tajba tagħna u l-isforzi tagħna biex intejbu l-ħajja.

 

Għax anki Alla impenja ruħu magħna.  L-ewwel impenn tiegħu kien dak li joħloq id-dinja, u minkejja t-tentattivi tagħna biex nirvinawha – u huma ħafna –, Hu għadu jimpenja ruħu biex iżommha ħajja.  Imma l-ikbar impenn tiegħu kien dak li tana lil Ġesù.  Dan hu l-impenn kbir ta’ Alla!  Iva, Ġesù hu sewwa sew l-ogħla impenn li Alla ħa magħna.  Dan ifakkarhulna wkoll San Pawl meta jikteb li Alla “lanqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll” (Rum 8:32).  U għalhekk, flimkien ma’ Ġesù, il-Missier se jagħtina kull ħaġa li għandna bżonn.

 

U kif deher dan l-impenn ta’ Alla għalina?  Sempliċi ħafna nikkonfermawh fil-Vanġelu.  F’Ġesù, Alla impenja ruħu b’mod sħiħ biex irodd it-tama lill-foqra, lil dawk li kienu mċaħħda mid-dinjità, lill-barranin, lill-morda, lill-ħabsin, u lill-midinbin li kien jilqa’ b’tant tjieba.  F’dan kollu, Ġesù kien espressjoni ħajja tal-ħniena tal-Missier.  U nixtieq ngħid dan: Ġesù kien jilqa’ lill-midinbin bi tjieba kbira.  Jekk aħna naħsbu b’mod uman, il-midneb suppost hu għadu ta’ Ġesù, għadu ta’ Alla, imma Hu resaq lejhom bi tjieba, ħabbhom u bidlilhom qalbhom.  Aħna lkoll midinbin: kollha kemm aħna!  Kollha għandna xi ħtija quddiem Alla.  Imma ma rridux naqtgħu qalbna: Hu jersaq lejna propju biex ifarraġna, jagħtina l-ħniena u l-maħfra tiegħu.  Dan hu l-impenn ta’ Alla u għalhekk hu bagħat lil Ġesù: biex jersaq qrib tagħna, tagħna lkoll u jiftħilna l-bieb ta’ mħabbtu, ta’ qalbu, tal-ħniena tiegħu.  U din hi ħaġa sabiħa ħafna.  Sabiħa ħafna!

 

Fuq ix-xempju ta’ din l-imħabba ħanina li biha Ġesù esprima l-impenn ta’ Alla, anki aħna nistgħu u għandna nikkorrispondu għal imħabbtu bl-impenn tagħna.  U dan fuq kollox fis-sitwazzjonijiet ta’ l-ikbar bżonn, fejn hemm l-aktar għatx għat-tama.  Naħseb – ngħidu aħna – fl-impenn tagħna mal-persuna mitluqa, ma’ dawk li għandhom diżabbiltajiet iebsin ħafna, mal-morda serjament, mal-moribondi, ma’ dawk li ma jistgħux jesprimu r-rikonoxxenza tagħhom…  F’dawn ir-realtajiet kollha aħna nwasslu l-ħniena ta’ Alla permezz ta’ impenn fil-ħajja tagħna, li hu xhieda tal-fidi tagħna fi Kristu.  Dejjem għandna nwasslu dik iż-żegħila ta’ Alla – għax Alla mellisna lkoll bil-ħniena tiegħu – inwassluha lill-oħrajn, lil dawk li għandhom bżonnha, lil dawk li qed iġorru xi tbatija fil-qalb tagħhom jew huma mdejqin: nersqu b’dik iż-żegħila ta’ Alla, li hi l-istess waħda li Hu ta lilna.

 

Jalla dan il-Ġublew jgħin lil moħħna u lil qalbna biex imissu b’idejhom l-impenn li Alla ħa għal kull wieħed u waħda minna, u hekk jista’ jibdel il-ħajja tagħna f’impenn ta’ ħniena għal kulħadd.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard