ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠUBILARI

Is-Sibt 12 ta’ Novembru 2016

Ħniena u Inklużjoni

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

F’din l-aħħar Udjenza Ġubilari tas-Sibt, nixtieq nippreżentalkom aspett importanti tal-ħniena: l-inklużjoni. Fil-fatt, Alla, fil-pjan tiegħu ta’ mħabba, ma jrid jeskludi lil ħadd, imma jrid jinkludi lil kulħadd. Ngħidu aħna, permezz tal-Magħmudija, jagħmilna wliedu fi Kristu, membri tal-ġisem tiegħu li hu l-Knisja. U aħna l-Insara mistednin nimxu bl-istess kriterju tiegħu: il-ħniena hi dak il-mod ta’ kif naġixxu, dak l-istil, li bih nippruvaw ninkludu lill-oħrajn fil-ħajja tagħna, u nevitaw li ningħalqu fina nfusna u fiċ-ċertezzi egoistiċi tagħna.

 

Fis-silta tal-Vanġelu ta’ Mattew li għadna kemm smajna, Ġesù jagħmel stedina tassew universali: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (11:28). Ħadd mhu eskluż minn din is-sejħa, għax il-missjoni ta’ Ġesù hi dik li juri lil kull persuna l-imħabba tal-Missier. Aħna rridu niftħu qlubna, nafdaw f’Ġesù u nilqgħu dan il-messaġġ ta’ mħabba, li jdaħħalna fil-misteru tas-salvazzjoni.

 

Dan l-aspett tal-ħniena, l-inklużjoni, jidher meta niftħu dirgħajna beraħ biex nilqgħu bla ma nħallu lil ħadd barra; bla ma nikklassifikaw lill-oħrajn skont il-qagħda soċjali, l-ilsien, ir-razza, il-kultura, ir-reliġjon tagħhom: quddiemna hemm biss persuna li għandna nħobbuha kif iħobbha Alla. Dik li nsib quddiemi fuq ix-xogħol, fil-post fejn noqgħod, hi persuna li rrid inħobbha, kif iħobbha Alla. “Imma dan minn dak il-pajjiż, mill-pajjiż l-ieħor, minn din ir-reliġjon, mill-oħra… Hi persuna li tħobb lil Alla u jien jeħtieġ li nħobbha”. Dan ifisser ninkludu, u din hi l-inklużjoni.

 

Kemm persuni għajjiena u mifnija niltaqgħu magħhom illum! Fit-triq, fl-uffiċċji pubbliċi, fil-kliniċi… Il-ħarsa ta’ Ġesù tistrieħ fuq kull wieħed minn dawk l-uċuħ, anki permezz ta’ għajnejna. U qalbna kif inhi? Ħanina xejn? U l-mod kif aħna naħsbu u naġixxu hu inklużiv? Il-Vanġelu qed isejħilha biex fl-istorja tal-bnedmin nagħrfu l-pjan ta’ opra kbira ta’ inklużjoni, li tirrispetta b’mod sħiħ il-libertà ta’ kull persuna, ta’ kull komunità, ta’ kull poplu, u hekk issejjaħ lil kulħadd biex isawwar familja ta’ aħwa, fil-ġustizzja, fis-solidarjetà u fil-paċi, u biex jagħmel parti mill-Knisja, li hi l-ġisem ta’ Kristu.

 

Kemm hu minnu kliem Ġesù li jistieden lil kull min hu mħabbat u mtaqqal biex imur għandu ħa jsib is-serħan! Dirgħajh miftuħa beraħ fuq is-salib juru li ħadd mhu eskluż minn imħabbtu u mill-ħniena tiegħu, lanqas l-ikbar midneb: ħadd! Aħna lkoll inklużi fi mħabbtu u fil-ħniena tiegħu. L-espressjoni l-iżjed immedjata li biha nħossuna milqugħa u inklużi fih hi dik tal-maħfra tiegħu. Ilkoll għandna bżonn niġu maħfura minn Alla. U lkoll għandna bżonn niltaqgħu ma’ ħutna li jgħinuna mmorru għand Ġesù, biex ninfetħu għad-don li għamlilna minn fuq is-salib. Ejjew ma nfixklux lil xulxin! Ma neskludu lil ħadd! Anzi, b’umiltà u sempliċità nsiru għodda tal-ħniena inklużiva tal-Missier. Il-ħniena inklużiva tal-Missier: hekk hi. L-omm imqaddsa tagħna l-Knisja twessa’ fid-dinja t-tgħanniqa kbira ta’ Kristu li miet u rxoxta. Anki din il-Pjazza, bil-kolonnat tagħha, tesprimi din it-tgħanniqa. Ħa nsiru aħna wkoll parti minn dan il-moviment ta’ inklużjoni tal-oħrajn, biex inkunu xhieda tal-ħniena li biha Alla laqa’ u jilqa’ lil kull wieħed u waħda minna.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard