ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠUBILARI

Pjazza San Pietru

Is-Sibt 9 ta’ April 2016

Ħniena u Karità

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

Il-Vanġelu li għadna kemm smajna jgħinna niskopru aspett essenzjali tal-ħniena: l-elemożina, il-karità. Tista’ tidher ħaġa faċli li tagħmel il-karità, imma rridu noqogħdu attenti li ma nbattlux lil dan il-ġest mill-kontenut kbir li għandu. Fil-fatt, it-terminu “elemożina” ġej mill-Grieg u jfisser sewwa sew “ħniena”. L-elemożina, mela, għandha ġġorr magħha l-għana kollu tal-ħniena. U kif il-ħniena għandha elf triq, elf mod, hekk l-elemożina nesprimuha b’ħafna modi, biex intaffu mit-tbatija ta’ min ikun fil-bżonn.

 

Id-dmir li wieħed jagħmel l-elemożina hu qadim daqs il-Bibbja. Is-sagrifiċċju u l-karità kienu żewġ dmirijiet li persuna reliġjuża kellha twettaq. Insibu paġni importanti fit-Testment il-Qadim, fejn Alla jesiġi attenzjoni partikulari għall-foqra: dawk li m’għandhom xejn tagħhom, il-barranin, l-iltiema u r-romol. U fil-Bibbja dan hu ritornell kontinwu: min hu fil-bżonn, l-armla, il-barrani, il-frustier, l-iltim… ritornell. Għax Alla jrid li l-poplu tiegħu jħares lejn dawn ħutna; anzi, ngħid li huma propju fil-qalba tal-messaġġ: ifaħħar lil Alla bis-sagrifiċċju u jfaħħar lil Alla bil-karità.

 

Flimkien ma’ l-obbligu li wieħed jiftakar fihom, tingħata wkoll indikazzjoni preċiża: “Int għandek tagħtih, u la ssewwidx qalbek meta tagħtih” (Dewt 15:10). Dan ifisser li l-karità titlob, qabel xejn, atteġġjament ta’ ferħ minn ġewwa. Meta toffri l-ħniena dan ma jistax ikun piż jew dwejjaq li rridu neħilsu minnu kemm jista’ jkun malajr. U kemm nies tiġġustifika ruħha biex ma tagħtix l-elemożina billi tgħid: “Imma kif inhi din? Dak li se nagħtih il-flus, forsi jmur jixtrihom inbid biex jisker”. Imma jekk hu jisker, dan għax m’għandux triq oħra! U int, x’tagħmel fil-moħbi, li ħadd ma jarah? U forsi inti l-imħallef ta’ dak il-fqajjar li qed jitolbok munita għal tazza nbid? Nieħu gost niftakar fl-episodju tax-xwejjaħ Tobija li, wara li rċieva somma kbira ta’ flus, sejjaħ lil ibnu u għallmu b’dawn il-kelmiet: “Mill-ġid li jkollok agħmel il-karità. […] Iddawwarx ħarstek mill-ebda fqir, biex ma titwarrabx minnek il-ħarsa ta’ Alla” (Tob 4:7-8). Hu kliem tassew għaref li jgħinna nifhmu l-valur ta’ l-elemożina.

 

Kif smajna, Ġesù ħallielna tagħlim essenzjali dwar dan. Qabel xejn, jitlobna biex ma nagħmlux karità biex il-bnedmin ifaħħruna jew jammirawna minħabba fil-ġenerożità tagħna: agħmel mod li idek tal-lemin ma tkunx taf x’inhi tagħmel tax-xellug (ara Mt 6:3). Mhux id-dehra li tgħodd, imma l-ħila li nieqfu biex inħarsu f’wiċċ il-persuna li qed titlobna l-għajnuna. Kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi: “Jien kapaċi nieqaf u nħares f’wiċċ u f’għajnejn il-persuna li qed titlobni ngħinha? Għandi ħila?”. Mela m’għandniex nidentifikaw l-elemożina mas-sempliċi munita li noffru bl-għaġla, bla ma nħarsu lejn il-persuna u bla ma nieqfu nkellmuha biex nifhmu x’teħtieġ tassew. Fl-istess ħin, jeħtieġ nagħżlu bejn il-foqra u dawk li hu mistier tagħhom jittallbu l-karità, u li m’humiex jagħmlu ġid lill-veri foqra. Insomma, l-elemożina hi ġest ta’ mħabba li nagħmlu ma’ dawk li magħhom niltaqgħu; hi ġest ta’ attenzjoni sinċiera lejn min joqrob lejna u jitlobna ngħinuh, magħmul fil-moħbi fejn Alla waħdu jara u jifhem il-valur ta’ dak l-għemil.

 

Imma li nagħmlu l-karità għalina għandu jkun ukoll sagrifiċċju. Niftakar waħda omm: kellha tliet ulied, ta’ sitt snin, ħamsa u tlieta, bejn wieħed u ieħor. U dejjem kienet tgħallem lil uliedha li kellhom jagħmlu karità ma’ min jitlobhom. Kienu mal-mejda ta’ l-ikel: kull wieħed kellu quddiemu biċċa laħam tajba, kif ngħidu f’pajjiżi, “impanata” [bil-biċċiet tal-ħobż fuqha]. Jisimgħu tisbita fuq il-bieb. Il-kbir mar jiftaħ u ġie lura: “Ma, hemm fqir ġie jittallab xi ħaġa ta’ l-ikel”. “X’ħa nagħmlu?”, tistaqsi l-omm. “Nagħtuh”, iwieġbu kollha, “nagħtuh!”. “Tajjeb: abqad nofs il-laħam tiegħek, int aqbad in-nofs l-ieħor, int in-nofs l-ieħor, u nagħmlulu żewġ panini”. “Hekk le, ma, le!”. “Le? Int agħtih minn tiegħek, minn dak li jiswielek”. Hekk ifisser tinvolvi ruħek fil-ħajja tal-fqir. Jien niċċaħħad minn xi ħaġa tiegħi biex nagħtiha lilek. U lill-ġenituri ngħidilhom: edukaw lil uliedkom biex hekk jagħtuha l-karità, biex ikunu ġenerużi b’dak li għandhom huma.

 

Mela ejjew nagħmlu tagħna l-kelmiet ta’ l-Appostlu Pawlu: “F’kollox urejtkom li b’xogħol iebes bħal dan tagħna għandna nieħdu ħsieb ngħinu lil min hu fil-bżonn, waqt li niftakru fi kliem il-Mulej Ġesù li qal: ‘Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu!’” (Atti 20:35; ara 2 Kor 9:7). Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard