Għeżież ħuti, Il-Jum it-Tajjeb!

Inkomplu l-katekeżi, wara l-vakanzi ta’ Awwissu; imma llum nixtieq nitkellem magħkom dwar il-vjaġġ tiegħi fil-Brażil fl-okkażżjoni  tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Ġa għadda aktar minn xahar, imma jidhirli li huwa important nħarsu ftit lejn dan l-avveniment u issa li għadda daż-żmien nistgħu nifhmu aktar it-tifsira tiegħu.

L-ewwel u qabel kollox nixtieq inrodd ħajr lil Alla, għax kien Hu li mexxa kollox bil-Provvidenza tiegħu.  Għalija, li ġej mill-kontinent Amerikan, kien rigal tassew sabiħ!  U ta’ dan inrodd ħajr ukoll lil Sidtna Marija tal-Aparecida li akkumpanjatna tul il-vjaġġ kollu: għamilt il-pellegrinaġġ lejn is-Santwarju kbir nazzjonali tal-Brażil, u x-xbiha venerabbli tagħha kienet dejjem preżenti fuq il-palk tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Jien kuntent ħafna b’dan għaliex Sidtna Marija tal-Aparecida hija importanti ħafna għall-istorja tal-Knisja fil-Brażil, imma wkoll għall-Amerka Latina kollha; f’Aparecida l-Isqfijiet Latino-Amerikani u dawk tal-Caraibi konna għexna Assemblea ġenerali ma’ Papa Benedetto: mument b’tifsira kbira fil-mixja pastorali f’dik il-parti tad-dinja fejn tgħix l-ikbar parti tal-Knisja Kattolika.

 

Għalkemm ġa għamiltu, nixtieq inġedded ir-radd il-ħajr lill-Awtoritajiet ċivili u ekklesjatiċi, lill-voluntieri, lis-servizzi tas-sigurta’, lill-komunita’ parrokkjali ta’ Rio de Janeiro u ta’ bliet oħra fil-Brażil, fejn il-pellegrini ġew milqugħa bi fraternita’ kbira.  Effettivament, l-akkoljenza tal-familji Brażiljani u tal-parroċċi kienet waħda mill-karatteristiċi l-iktar sbieħ ta’ dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Bravi tassew dawn in-nies Brażiljani.  Bravi dawn in-nies!  Għandhom tassew qalb kbira.  Il-pellegrinaġġ dejjem iġib miegħu xi tbatijiet, imma l-akkoljenza tgħin biex dawn jintrebħu u, anzi,  li tibdilhom f’okkażżjoni ta’ għarfien ta’ xulxin u ta’ ħbiberija.  Jitwieldu rabtiet li mbagħad jibqgħu, fuq kollox fit-talb.  B’hekk ukoll tikber il-Knisja fid-dinja kollha, bħala xibka ta’ ħbiberiji veri f’Ġesu’ Kristu, xibka li fil-waqt li taqbdek fiha, tagħmlek ħieles.  Għalhekk, akkoljenza: din l-ewwel kelma li toħroġ mill-esperjenza tal-vjaġġ fil-Brażil.  Akkoljenza!

Kelma oħra li tiġbor fiha fil-qosor ħafna hija festa.  Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ huwa dejjem festa, għaliex meta belt timtela’ bil-ġuvintur u bit-tfajliet li jiġru mat-toroq  bil-bnadar tal-pajjiżi kollha tad-dinja, isellmu lil xulxin, jgħannqu lil xulxin, din hija festa tassew.  Hija sinjal għal kulħadd, mhux biss għal dawk li jemmnu.  Imma mbagħad hemm il-festa l-aktar kbira li hija l-festa tal-fidi, meta flimkien infaħħru lill-Mulej, meta nkantaw, nisimgħu l-Kelma t’Alla, meta nibqgħu fis-skiet tal-adorazzjoni: dan kollu huwa l-quċċata tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ; dan huwa l-veru skop ta’ dan il-pellegrinaġġ kbir, u għixnieh b’mod partikulari fil-Velja kbira tas-Sibt fil-għaxija u fil-Quddiesa tal-għeluq.  Hekku: din hija l-festa kbira, il-festa tal-fidi u tal-fraternita’, li tibda f’din id-dinja u ma jkollha qatt tmiem.  Imma dan ikun possibbli biss mal-Mulej!  Mingħajr imħabba t’Alla m’hemmx festa tassew għall-bniedem!

Akkoljenza, festa.  Imma ma jistax jonqos it-tielet element: missjoni.  Dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ kien ikkaratteriżżat b’tema missjunarju: “Morru u agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha”.  Smajna l-kelma ta’ Ġesu’:  hija l-missjoni li Huwa jagħti lil kulħadd!  Huwa l-kmand ta’ Kristu Mqajjem mill-Imwiet lid-dixxipli tiegħu: “Morru”, oħorġu minnkom infuskom, minn kull għeluq biex twasslu d-dawl u l-imħabba tal-Evanġelju lil kulħadd, sal-periferiji estremi tal-eżistenza!  U kien proprju dan il-kmand ta’ Ġesu’ li jien afdajt liż-żgħażagħ li mlew kull rokna tax-xtut ta’ Copacabana.  Post simboliku, ix-xatt tal-oċean, li fakkritna fix-xatt tal-għadira tal-Galilea.  Iva, għaliex illum ukoll il-Mulej qiegħed itenni: “Morru...” u jżid: “Jiena nkun magħkom il-jiem kollha...".  Dan huwa fundamentali!  Huwa biss flimkien ma’ Kristu li aħna nistgħu nwasslu l-Evanġelju. Mingħajr Kristu ma nistgħu nagħmlu xejn – qalulna Huwa stess (ara Ġw 15, 5).  Iżda ma’ Kristu, mgħaqudin miegħU, nistgħu nagħmlu ħafna.  Anke tifel, tifla, li quddiem għajnejn id-dinja jiswa ftit jew xejn, quddiem Alla huwa appostlu tas-Saltna, huwa tama għal Alla!  Liż-żgħażagħ kollha rrid nitlobhom bil-qawwa kollha, imma llum ma nafx jekk fil-Pjazzja hawnx żgħażagħ: Hawn żgħażagħ fil-Pjazza?  Hawn xi ftit minnhom? Nixtieq lilkom ilkoll nitlobkom bil-qawwa:  tridu tkunu tama għal Alla?  Tridu tkunu tama, intom?  [Iż-Żgħażagħ:  “Iva”].  Tridu tkunu intom tama għall-Knisja [Iż-Żgħażagħ:  “Iva”].  Qalb żgħażugħa, li tilqa’ l-imħabba ta’ Kristu, tinbidel f’tama għall-oħrajn u tkun qawwa kbira ħafna.!  Imma intom tfajliet u ġuvintur, intom ilkoll żgħażagħ, intom jeħtieġilkom tbiddlu lilna u lilkom infuskom f’tama!  Iftħu l-bibien għal dinja ġdida ta’ tama.  Dan hu dmir tagħkom.  Tridu tkunu tama għalina lkoll?  [Iż-Żgħażagħ:  “Iva”].  Naħsbu xi tfisser dik il-folla kbira ta’ żgħażagħ li ltaqgħu ma’ Kristu Mqajjem mill-Imwiet f’Rio de Janeiro, u jġorru imħabbtu fil-ħajja ta’ kuljum, jgħixuh, jgħadduh lill-oħrajn,  Dawn ma jispiċċawx fuq il-ġurnali, għax ma jwettqux atti vjolenti, ma jwettqux skandli, u għalhekk ma jagħmlux aħbar.  Imma jekk jibqgħu magħqudin ma’ Ġesu’, jibnu s-Saltna tiegħu, jibnu l-fraternita’, jaqsmu mal-oħrajn, jibnu opri ta’ ħniena, huma qawwa ta’ saħħa li jagħmlu dinja iktar ġusta u iktar sabiħa, biex ibiddluha!  Irrid insaqsi lit-tfajliet u lill-ġuvintur li hawn fil-Pjazza: għandkom il-kuraġġ li tilqgħu din l-isfida? [Iż-Żgħażagħ:  “Iva”].  Għandkom dan il-kuraġġ jew le? [Iż-Żgħażagħ:  “Iva”].  Tanimaw lilkom infuskom biex tkunu din il-qawwa ta’ mħabba u ħniena li għandha l-kuraġġ li tkun tixtieq tibdel id-dinja? [Iż-Żgħażagħ:  “Iva”].   

Għeżież ħbieb, l-esperjenza tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ifakkarna fil-vera aħbar kbira tal-istorja, il-Bxara t-Tajba, anke jekk din ma tidhirx fil-ġurnali u fuq it-televiżjoni: aħna maħbubin minn Alla, li huwa Missierna u li bagħat lil Ibnu Ġesu’ biex ikun qrib ta’ kull wieħed u waħda minna u jsalvana.  Huwa bagħat lil Ġesu’ biex isalvana, biex jaħfrilna kollox, għaliex huwa dejjem jaħfer: Huwa dejjem jaħfer, għaliex huwa tajjeb u huwa ħanin.  Ftakru: Akkoljenza, festa u missjoni.  Tlitt kelmiet: akkoljenza, festa u missjoni.  Dawn il-kelmiet mhumiex biss tifkira ta’ dak li sar f’Rio, imma j’Alla jkunu ruħ ta’ ħajjitna u r-ruħ tal-komunitajiet tagħna.  Grazzi! 


Appell

Is-Sibt li ġej ser ngħixu flimkien ġurnata speċjali ta’ sawm u ta’ talb għall-paċi fis-Sirja, fil-Lvant Qrib u fid-dinja kollha.  U wkoll għall-paċi fil-qlub tagħna, għaliex il-paċi tibda mill-qalb!  Inġedded l-istedina lill-Knisja kollha biex tgħix b’mod intensiv dan il-jum u, sa minn issa, nesprimi r-radd il-ħajr lil ħutna l-insara, lil ħutna ta’ reliġjonijiet oħra u lill-irġiel u n-nisa ta’ rieda tajba li jridu jingħaqdu flimkien, fil-postijiet u modi tagħhom proprji, għal dan il-waqt.  Inħeġġeġ b’mod speċjali lill-insara f’Ruma u l-pellegrini biex jieħdu sehem fil-velja ta’ talb li ser issir hawn, fi Pjazza San Pietru mis-7.00 p.m. biex nitolbu l-Mulej id-don kbir tal-paċi.  J’Alla mill-art kollha titla bil-qawwa l-għajta tal-paċi! 

Tislim:

Nagħti merħba bil-qalb lill-pellegrin Taljan, lill-parroċċi numerużi, l-assoċjazzjonijiet u l-gruppi varji; b’mod partikulari nsellem lil-dawk li ġew mid-Djoċesijiet ta’Ivrea, Ivrea, Alba, Lodi, Padova, Crema, Volterra, Massa Carrara, Pontremoli, San Miniato, Spoleto, Norcia u Lucca, li huma akkumpanjati mill-Isqfijiet tagħhom.  Din il-laqgħa tkun għal kulħadd spinta biex nimxu f’komunjoni dejjem aktar profonda, f’impenn missjunarju, li jixprunana li noħorġu mill-ħitan li jdawwruna biex niltaqgħu u nisimgħu bl-imħabba kull persuna.  Kunu komunitajiet mgħaquda fil-fidi, miftuħin biex tiltaqgħu tassew u tagħtu xhieda sabiex twasslu lil kulħadd l-aħbar ta’ ferħ u ta’ paċi tal-Evanġelju.

Ħsieb ta’ mħabba lis-sorijiet li hawn preżenti, kif ukoll liż-żgħażagħ, lill-morda, u lill-għarajjes ġodda.  Inħeġġeġ lil kulħadd biex nilqgħu dejjem aktar l-imħabba t’Alla, għajn u motiv tal-ferħ tassew tagħna.  Fuq kollox mal-persuni l-aktar fraġli u dawk fil-bżonn jeħtieġilna naqsmu din l-imħabba li tbiddel il-ħajja.  L-imħabba t’Alla tbiddel il-ħajja!  Tbiddel lilna lkoll, tagħmilna aktar tajbin u aktar ferħanin.  Tinsewx li meta kull wieħed u waħda minna nxerrdu l-imħabba divina, inkunu qed nagħtu sehemna biex nibnu dinja iktar ġusta u solidali.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap