Qegħdin fil-Ġnien ta’ Pjazza Madison, post emblematiku ta’ din il-belt, sede ta’ laqgħat sportivi, artistiċi, mużikali importanti, li jiġbor persuni ġejjin minn diversi partijiet, u mhux biss ta’ din il-belt, imma tad-dinja kollha.  F’dan il-post li jirrappreżenta d-diversi wċuħ tal-ħajja taċ-ċittadini li jinġabru għal interessi komuni, għadna kemm smajna: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam, ra dawl kbir” (Is 9:1).  Il-poplu li kien miexi, il-poplu qalb l-attivitajiet tiegħu, il-ħidmiet tiegħu ta’ kuljum; il-poplu li kien miexi mgħobbi bis-suċċessi u l-iżbalji tiegħu, bil-biżgħat u l-opportunitajiet tiegħu; dak il-poplu ra dawl kbir.  Il-poplu li kien miexi bil-ferħ u t-tamiet tiegħu, bid-delużjonijiet u l-imrar tiegħu, dak il-poplu ra dawl kbir.

 

Il-Poplu ta’ Alla hu msejjaħ f’kull żmien biex jikkontempla dan id-dawl.  Dawl li jrid idawwal il-ġnus: hekk, mimli bl-hena, xandru x-xwejjaħ Xmun.  Dawl li jrid jilħaq kull rokna ta’ din il-belt, liċ-ċittadini sħabna, f’kull wesgħa ta’ ħajjitna.

 

“Il-poplu li kien miexi fid-dlam, ra dawl kbir”.  Waħda mill-karatteristiċi tal-Poplu li jemmen hi l-ħila tiegħu li jara, li jikkontempla, qalb id-“dlamijiet” tiegħu, id-dawl li Kristu jiġi jwassal.

 

Il-poplu li jemmen u jaf jara, jaf jiddixxerni, li jaf jikkontempla l-preżenza ħajja ta’ Alla f’ħajtu, fil-belt tiegħu.  Mal-profeta l-lum nistgħu ngħidu: il-poplu li jimxi, jieħu n-nifs u jgħix qalb id-“duħħan”, ra dawl kbir, daq arja ta’ ħajja.

 

Li tgħix f’belt hi xi ħaġa pjuttost kumplessa: kuntest multikulturali bi sfidi kbar li mhux faċli ssolvihom.  L-ibliet il-kbar ifakkruna fl-għana moħbi fid-dinja tagħna: il-varjetà ta’ kulturi, tradizzjonijiet u stejjer.  Il-varjetà ta’ ilsna, ta’ ħwejjeġ, ta’ ikel.  Il-bliet il-kbar isiru postijiet li donnhom jippreżentaw il-pluralità tal-modi li aħna l-bnedmin sibna li jwieġbu għas-sens tal-ħajja fiċ-ċirkustanzi li fihom insibu ruħna.  Min-naħa tagħhom, il-bliet il-kbar jaħbu l-wiċċ ta’ ħafna li donnhom m’għandhomx ċittadinanza jew li huma ċittadini tat-tieni kategorija.  Fil-bliet il-kbar, qalb l-istorbju tat-traffiku, fir-“ritmu tal-bidliet”, jibqgħu moħbija l-ilħna ta’ tant uċuħ li m’għandhomx “dritt” għaċ-ċittadinanza, m’għandhomx dritt jagħmlu parti mill-belt – il-barranin, uliedhom (u mhux biss) li ma jmorrux skola, il-persuni mċaħħda mill-għajnuna medika, dawk bla saqaf, l-anzjani waħidhom – imwarrba għall-ġnub tat-toroq tagħna, fuq il-bankini tagħna f’anonimat li jtarrax.  U jidħlu jagħmlu parti minn pajsaġġ urban li naqra naqra jsir naturali quddiem għajnejna u speċjalment fil-qalb tagħna.

 

Meta nafu li Ġesù għadu jimxi fit-triqat tagħna, jitħallat b’mod ħaj mal-poplu tiegħu, jidħol fl-istorja tal-persuni u jdaħħal lill-persuni fl-istorja waħdanija tas-salvazzjoni, dan jimliena bit-tama, tama li teħlisna minn dik il-qawwa li ġġagħilna niżolaw ruħna, ninjoraw il-ħajja ta’ l-oħrajn, il-ħajja tal-belt tagħna.  Tama li teħlisna mir-“rabtiet” vojta, mill-analiżijiet astratti, jew mill-bżonn ta’ sensazzjonijiet qawwija.  Tama li ma tibżax tidħol u taħdem bħala ħmira fil-postijiet fejn għandna ngħixu u naħdmu.  Tama li ssejħilna biex minn qalb id-“duħħan” naraw il-preżenza ta’ Alla li jissokta jimxi fl-ibliet tagħna.  Għax Alla hu fil-belt.

 

Kif inhu dan id-dawl li jgħaddi mit-toroq tagħna?  Kif insibuh lil Alla li jgħix magħna qalb dan id-“duħħan” tal-bliet tagħna?  Kif niltaqgħu ma’ Ġesù ħaj u li jaħdem il-lum fl-ibliet multikulturali tagħna?

 

Il-profeta Isaija jmexxina hu u “jgħallimna naraw”.  Tkellem fuq id-dawl, li hu Ġesù.  U issa jippreżentalna lil Ġesù bħala “Kunsillier ta’ l-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem” (9:5).  B’dan il-mod, idaħħalna fil-ħajja ta’ l-Iben, biex tkun ukoll il-ħajja tagħna.

 

Kunsillier ta’ l-għaġeb.  Il-Vanġeli jirrakkuntawlna kif ħafna marru jistaqsuh: Mgħallem, x’għandna nagħmlu?…  L-ewwel ċaqliqa li Ġesù joħloq bit-tweġiba tiegħu hi li jipproponi, iqanqal, jimmotiva.  Jipproponi dejjem lid-dixxipli tiegħu li jmorru, joħorġu.  Jimbuttahom biex imorru jiltaqgħu ma’ l-oħrajn, fejn tabilħaqq jinsabu u mhux fejn jixtequhom ikunu.  Morru, darba, darbtejn, tliet darbiet, morru bla biża’, morru bla ma tibqgħu lura, morru u ħabbru dan il-ferħ li hu għall-poplu kollu.

 

Alla setgħan.  F’Ġesù, Alla sar l-Għimmanu-El, Alla magħna, Alla li jimxi magħna, li tħallat ma’ l-affarijiet tagħna, fid-djar tagħna, mat-“twaġen” tagħna, kif kienet tħobb tgħid Santa Teresa ta’ Ġesù.

 

Missier għal dejjem.  Xejn u ħadd ma jista’ jifridna minn Imħabbtu.  Morru u ħabbru, morru u għixu l-fatt li Alla jinsab fostkom bħal Missier ħanin li kull fil-għodu u fil-għaxija joħroġ jara jekk ibnu reġax lura d-dar, u malli jilmħu ġej, jiġri għal fuqu jgħannqu.  Xi ġmiel!  Tgħanniqa li trid tilqa’, trid tippurifika u tgħolli d-dinjità ta’ wliedu.  Missier li fit-tgħanniqa tiegħu hemm l-aħbar it-tajba għall-foqra, is-serħan għall-maħqurin, il-ħelsien għall-imjassrin, il-faraġ għall-imnikktin (ara Is 61:1).

 

Prinċep tas-sliem. Immorru niltaqgħu ma’ l-oħrajn biex naqsmu magħhom l-aħbar it-tajba li Alla hu Missierna.  Li hu miexi magħna, jeħlisna mill-anonimat, minn ħajja bla wiċċ, ħajja vojta, u jdaħħalna fl-iskola tal-laqgħa.  Jeħlisna mill-gwerra tal-kompetizzjonijiet, mill-awtoreferenzjalità, biex ninfetħu għall-mixja tal-paċi.  Dik il-paċi li titnissel mill-għarfien tal-persuna l-oħra, dik il-paċi li timla l-qalb meta nħarsu speċjalment lejn min hu l-iktar fil-bżonn bħala ħuna.

 

Alla jgħammar fl-ibliet tagħna, il-Knisja tgħix fl-ibliet tagħna.  U Alla u l-Knisja li jgħixu fl-ibliet tagħna jridu jkunu ħmira fil-massa, iridu jitħalltu ma’ kulħadd, isieħbu lil kulħadd, iħabbru l-għeġubijiet ta’ Dak li hu Kunsillier ta’ l-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem.

 

“Il-poplu li kien miexi fid-dlam, ra dawl kbir”, u aħna, l-Insara, aħna xhieda ta’ dan.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard