Il-lum il-Kelma ta’ Alla tissorprendina b’lingwaġġ allegoriku qawwi, li jġagħilna naħsbu.  Xbihat qawwija, li jġagħluna nirriflettu u nistaqsu.  Lingwaġġ allegoriku li jisfidana, imma li jħeġġeġ l-entużjażmu tagħna.

 

Fl-Ewwel Qari, Ġożwè jgħid lil Mosè li tnejn mill-poplu qed jipprofetizzaw u jħabbru l-kelma ta’ Alla mingħajr mandat.  Fil-Vanġelu, Ġwanni jgħid lil Ġesù li d-dixxipli ma ħallewx wieħed ikeċċi l-ispirti ħżiena f’isem Ġesù.  U hawn tasal is-sorpriża: Mosè u Ġesù jċanfru lil dawn il-kollaboraturi li kellhom moħħhom daqshekk magħluq.  Mhux li kien kulħadd profeta ta’ Alla!  Jalla kulħadd ikun kapaċi jagħmel il-mirakli f’isem il-Mulej!

 

Imma Ġesù sab ostilità fin-nies li ma kinitx laqgħet dak li kien jagħmel u jgħid.  Ma setgħux jittolleraw il-ftuħ ta’ Ġesù għall-fidi onesta u sinċiera ta’ ħafna persuni li ma kinux jagħmlu parti mill-poplu magħżul ta’ Alla.  Id-dixxipli, min-naħa tagħhom, aġixxew b’intenzjoni tajba: imma t-tentazzjoni li niġu skandalizzati mil-libertà ta’ Alla, li jibgħat ix-xita kemm fuq it-tajbin u kemm fuq il-ħżiena (ara Mt 5:45), u hekk jaqbeż il-burokrazija, l-uffiċjalità u ċ-ċrieki magħluqa, thedded l-awtentiċità tal-fidi u, għalhekk, jeħtieġ li niqfulha bil-qawwa kollha.

 

Meta nintebħu b’dan, imbagħad nistgħu nifhmu għaliex kliem Ġesù fuq l-iskandlu hu hekk iebes.  Għal Ġesù, l-iskandlu intollerrabbli hu dak kollu li jeqred u jħassar il-fiduċja tagħna fil-mod kif jaħdem l-Ispirtu.

 

Alla Missierna ma jħalli lil ħadd jgħaddih fil-ġenerożità, u jiżra’.  Jiżra’ l-preżenza tiegħu fid-dinja tagħna, għax “hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna” l-ewwel (1 Ġw 4:10).  Imħabba li tagħtina ċ-ċertezza qawwija: Hu qed ifittixna, qed jistenniena.  Din hi l-fiduċja li twassal lid-dixxiplu biex jistimola, isieħeb u jgħin jikbru l-inizjattivi tajbin li jeżistu madwaru.  Alla jrid li wliedu kollha jieħdu sehem fil-festa tal-Vanġelu.  Li nxekklu l-ħidma ta’ l-Ispirtu, u hekk nagħtu l-impressjoni li din m’għandha xejn x’taqsam ma’ dawk li m’humiex “mill-grupp tagħna”, li m’humiex “bħalna”, hi tentazzjoni perikuluża.  Mhux biss timblokka l-konverżjoni għall-fidi, imma tmur kontra l-fidi.

 

Il-fidi tiftaħ “tieqa” għall-preżenza ta’ l-Ispirtu li jaħdem, u turina li, bħall-kuntentizza, il-qdusija hi dejjem marbuta ma’ ġesti żgħar.  “Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija”, jgħid Ġesù, ġest ċkejken, “ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu” (Mk 9:41).  Huma ġesti żgħar ħafna, li wieħed jitgħallimhom mid-dar; ġesti ta’ familja mitlufa qalb l-anonimat tal-ħajja ta’ kuljum, imma li jagħmlu kull ġurnata differenti mill-oħra.  Huma ġesti ta’ omm, ta’ nanna, ta’ missier, ta’ nannu, ta’ iben, ta’ wieħed mill-aħwa.  Huma ġesti ta’ ħlewwa, ta’ mħabba, ta’ ħniena.  Ġesti bħall-platt sħun ta’ min jistenna għall-ikel, bħall-ewwel kollazjon kmieni fil-għodu ta’ min jaf jakkumpanja lil min ikollu jqum kmieni mas-sebħ.  Huma ġesti tal-familja.  Hi l-barka qabel wieħed jidħol jorqod u t-tgħanniqa x’ħin jerġa’ lura wara ġurnata twila xogħol.  L-imħabba tesprimi ruħha fi ħwejjeġ ċkejknin, fl-attenzjoni għad-dettalji ta’ kull ġurnata li lill-ħajja jagħtuha dejjem togħma tad-dar.  Il-fidi tikber meta hi megħjuxa u magħġuna mill-imħabba.  Għalhekk il-familji tagħna, id-djar tagħna huma Knejjes domestiċi awtentiċi: huma l-post adatt fejn il-fidi ssir ħajja u l-ħajja tikber fil-fidi.

 

Ġesù jistedinna ma nxekklux dawn il-ġesti żgħar mirakulużi, anzi, irid li nipprovokawhom, li nkabbruhom, li nsieħbu l-ħajja hekk kif tiġi quddiemna, u ngħinu biex jinħolqu dawn il-ġesti żgħar kollha ta’ mħabba, sinjali tal-preżenza ħajja u ħabrieka tiegħu fid-dinja tagħna.

 

Din l-imġiba li lejha aħna mistiedna twassalna biex nistaqsu lilna nfusna, il-lum, hawn, fi tmiem din il-festa: Kif qed inħabirku biex ngħixu din il-loġika fil-familji tagħna u fis-soċjetajiet tagħna?  X’tip ta’ dinja rridu nħallu lil uliedna (ara Laudato si’, 160)?  Ma nistgħux inwieġbu waħidna għal dawn il-mistoqsijiet.  Hu l-Ispirtu li jsejħilna u jisfidana nwieġbu għalihom flimkien mal-familja kbira tal-bnedmin.  Id-dar komuni tagħna ma tistax tittollera iżjed firdiet sterili.  “Fl-isfida urġenti li nħarsu din id-dar komuni tagħna hemm ix-xewqa mħassba tagħna li niġbru l-familja kollha tal-bnedmin ħalli nfittxu żvilupp sostenibbli u sħiħ, għax nafu li l-affarijiet jistgħu jinbidlu” (ibid., 13).  Jalla wliedna jsibu fina punti ta’ riferiment għall-komunjoni, u mhux għall-firda.  Jalla wliedna jsibu fina persuni li kapaċi jissieħbu ma’ oħrajn biex iwarrdu l-ġid kollu li żera’ l-Missier.

 

B’mod dirett, imma bi mħabba u rispett, Ġesù qed jgħidilna: “Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-Smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu?” (Lq 11:13).  X’għerf kbir hemm f’dawn il-kelmiet!  Fil-fatt, f’dawk li huma tjieba u safa tal-qalb, aħna l-bnedmin ma tantx għandna għax niftaħru!  Imma Ġesù jaf li, f’dak li għandu x’jaqsam mat-tfal, aħna kapaċi naslu għal ġenerożità bla qies.  Għalhekk iħeġġiġna: jekk għandna l-fidi, il-Missier jagħtina l-Ispirtu tiegħu.

 

Aħna l-Insara, dixxipli tal-Mulej, nitolbu lill-familji tad-dinja jgħinuna.  Ninsabu ħafna l-lum nieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni, u dan diġà hu fih innifsu xi ħaġa profetika, speċi ta’ miraklu fid-dinja tal-lum, li għejiet tivvinta firdiet ġodda, qasmiet ġodda, diżastri ġodda.  Mhux li konna lkoll profeti!  Mhux li kien kull wieħed u waħda minna jinfetaħ għall-mirakli ta’ l-imħabba għall-ġid tal-familja tiegħu u tal-familji kollha tad-dinja – u qed nitkellem fuq mirakli ta’ mħabba –,biex hekk nistgħu negħlbu l-iskandlu ta’ mħabba miskina u bla tama, magħluqa fiha nfisha, bla sabar ma’ l-oħrajn!  Inħallikom b’mistoqsija, biex kulħadd iwieġeb hu – għax għidt il-kelma “bla sabar”: Id-dar ngħollu leħinna, jew nitkellmu ma’ xulxin bi mħabba u ħlewwa?  Dan hu mod tajjeb kif inkejlu mħabbitna.

 

Kemm kienet tkun ħaġa sabiħa kieku kullimkien, anki lil hemm mill-konfini tagħna, nistgħu ninkuraġġixxu u napprezzaw din il-profezija u dan il-miraklu!  Inġeddu l-fidi tagħna fil-kelma tal-Mulej li jistieden lill-familji tagħna għal dan il-ftuħ; li jistieden lil kulħadd jieħu sehem fil-profezija tal-patt bejn ir-raġel u l-mara, li jnissel il-ħajja u juri min hu Alla.  Ħa jagħtina sehem mill-profezija tal-paċi, tal-ħlewwa u ta’ l-imħabba fil-familja.  Ħa jgħinna nieħdu sehem fil-ġest profetiku li nieħdu ħsieb tat-tfal u n-nanniet tagħna bi ħlewwa, b’sabar u bi mħabba.

 

Kull persuna li tixtieq issawwar f’din id-dinja familja li tgħallem lil uliedha jifirħu għal kull azzjoni li tiġi quddiemhom biex jirbħu l-ħażen – familja li turi li l-Ispirtu hu ħaj u qed jaħdem –, issib il-gratitudni u l-istima, ikun xi jkun il-poplu, ir-reliġjon jew ir-reġjun li minnhom ġejja.

 

Ħa jagħti Alla lil kull wieħed u waħda minna li nkunu profeti tal-ferħ tal-Vanġelu, tal-Vanġelu tal-familja, ta’ l-imħabba tal-familja, inkunu profeti u dixxipli tal-Mulej, u jagħtina l-grazzja li nkunu denji ta’ dan is-safa tal-qalb li ma jiskandalizzax ruħu mill-Vanġelu.  Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard