Dal-għodu tgħallimt xi ħaġa fuq l-istorja ta’ dan il-Katidral sabiħ.  L-istorja li hemm wara l-ħitan għoljin u t-twieqi tiegħu.  Madankollu, nieħu gost naħseb li l-istorja tal-Knisja f’din il-belt u f’dan l-Istat fir-realtà hi storja li ma tiġborx fiha biss il-bini ta’ ħitan, imma anki t-twaqqigħ tagħhom.  Hi storja li tkellimna fuq ġenerazzjonijiet u ġenerazzjonijiet ta’ Kattoliċi impenjati li ħarġu lejn il-periferiji u bnew komunitajiet għall-kult, għall-edukazzjoni, għall-karità u l-qadi tas-soċjetà b’mod ġenerali.

 

Din l-istorja tidher fl-għadd ta’ santwarji mxerrda ma’ din il-belt, u l-ħafna knejjes parrokkjali li l-kampnari tagħhom jitkellmu dwar il-preżenza ta’ Alla f’nofs il-komunitajiet tagħna.  Tidher fl-isforz ta’ dawk is-saċerdoti, reliġjużi u lajċi kollha li, b’dedikazzjoni, għal iżjed minn żewġ sekli, ħadu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali tal-foqra, ta’ l-immigranti, tal-morda u tal-ħabsin.  U tidher fil-mijiet ta’ skejjel fejn patrijiet u sorijiet reliġjużi għallmu lit-tfal jaqraw u jiktbu, iħobbu lil Alla u l-proxxmu, u jikkontribwixxu b’ċittadini tajbin fil-ħajja tas-soċjetà ta’ l-Istati Uniti.  Dan kollu hu wirt kbir li intom irċivejtu, u li intom imsejħin tagħnu u tgħaddu.

 

Ħafna minnkom jafuha l-istorja ta’ Santa Katarina Drexel, waħda mill-akbar qaddisin nisa li tat din il-Knisja lokali.  Meta marret tkellem lill-Papa Ljun XIII dwar il-ħtieġa tal-missjonijiet, il-Papa – kien Papa għaref ħafna – staqsieha apposta: “U int?  X’se tagħmel?”.  Dawk il-kelmiet bidlu l-ħajja ta’ Katarina, għax fakkruha li fl-aħħar mill-aħħar kull Nisrani, raġel jew mara, bil-Magħmudija, irċieva missjoni.  Kull wieħed u waħda minna jrid iwieġeb mill-aħjar li jista’ għas-sejħa tal-Mulej biex jibni l-Ġisem tiegħu, il-Knisja.

 

“U int?”.  Nixtieq nisħaq fuq żewġ aspetti ta’ dawn il-kelmiet fil-kuntest tal-missjoni speċifika tagħna li ngħaddu l-ferħ tal-Vanġelu u nibnu l-Knisja, bħala saċerdoti, djakni, jew membri, irġiel u nisa, ta’ istituti ta’ ħajja kkonsagrata.

 

L-ewwel nett, dawk il-kelmiet – “U int?” – intqalu lil persuna żagħżugħa, lil xebba żagħżugħa b’ideali għolji, u bidlulha ħajjitha.  Ġagħluha taħseb fuq il-ħidma kbira ħafna li kien hemm xi ssir, u wassluha biex tintebaħ li kienet imsejħa biex tagħmel xi ħaġa f’dan is-sens.  Kemm żgħażagħ fil-parroċċi u l-iskejjel tagħna għandhom l-istess ideali għoljin, ġenerożità ta’ l-ispirtu, u mħabba għal Kristu u għall-Knisja!  Nistaqsikom: Aħna qed noffrulhom sfidi?  Qed nagħtuhom spazju u ngħinuhom iwettqu l-ħidma tagħhom?  Qed insibu mod kif l-entużjażmu u d-doni tagħhom ngħinuhom jaqsmuhom mal-komunitajiet tagħna, fuq kollox fil-prattika ta’ l-opri tal-ħniena u fl-attenzjoni lejn l-oħrajn?  Naqsmu l-ferħ tagħna u l-entużjażmu tagħna fil-qadi tal-Mulej?

 

Waħda mill-ikbar sfidi għall-Knisja bħalissa hi li tkabbar fil-fidili kollha s-sens ta’ responsabbiltà personali fil-missjoni tal-Knisja, u tagħmilhom kapaċi jwettqu din ir-responsabbiltà bħala dixxipli missjunarji, bħala ħmira tal-Vanġelu fid-dinja tagħna.  Dan jitlob kreattività biex nadattaw ruħna għall-bidla tas-sitwazzjonijiet, u ngħaddu l-wirt ta’ l-imgħoddi, mhux biss billi nżommu weqfin strutturi u istituzzjonijiet, li huma siewja, imma fuq kollox billi ninfetħu għall-possibbiltajiet li l-Ispirtu jagħtina li niskopru u permezz tal-komunikazzjoni tal-ferħ tal-Vanġelu, ta’ kuljum u fil-fażijiet kollha ta’ ħajjitna.

 

“U int?”.  Hu sinifikattiv li dawn il-kelmiet tal-Papa anzjan intqalu lil mara lajka.  Nafu li l-futur tal-Knisja, f’soċjetà li qed tinbidel malajr, jitlob diġà minn issa sehem iktar attiv tal-lajċi.  Il-Knisja ta’ l-Istati Uniti dejjem impenjat ruħha bil-kbir fil-katekeżi u fl-edukazzjoni.  L-isfida tagħna l-lum hi li nibnu fuq dak il-qafas sod u nkabbru sens ta’ kollaborazzjoni u responsabbiltà maqsuma fil-programmazzjoni tal-futur tal-parroċċi u l-istituzzjonijiet tagħna.  Dan ma jfissirx li ma nassumux dik l-awtorità spiritwali li ngħatatilna; pjuttost, ifisser li niddixxernu u nivvalorizzaw b’mod għaref l-għadd ta’ doni li l-Ispirtu jsawwab fuq il-Knisja.  B’mod partikulari, ifisser li nistmaw il-kontribut immens li n-nisa, lajċi u reliġjużi, taw u għadhom jagħtu fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna.

 

Għeżież ħuti, nirringrazzjakom għall-mod kif kull wieħed u waħda minnkom wieġeb għall-mistoqsija ta’ Ġesù li nebbħet il-vokazzjoni personali tagħkom: “U int?”.  Inħeġġiġkom iġġeddu l-ferħ, l-għoġba ta’ dik l-ewwel laqgħa tagħkom ma’ Ġesù u minn dak il-ferħ tfittxu ssibu l-fedeltà u l-qawwa mġedda.  B’ħeġġa kbira nixtieq naqsam magħkom dawk il-jiem u nitlobkom twasslu t-tislima tiegħi kollha mħabba lil dawk kollha li ma setgħux ikunu hawn magħna, speċjalment l-għadd ta’ saċerdoti u reliġjużi anzjani li jinsabu magħqudin magħna spiritwalment.

 

Matul dawn il-jiem tal-Laqgħa Dinjija tal-Familji, nitlobkom b’mod speċjali tirriflettu fuq is-servizz tagħna lill-familji, lill-koppji li qed jitħejjew għaż-żwieġ, u liż-żgħażagħ tagħna.  Naf li fil-Knejjes partikulari qed isir ħafna biex jiġu mwieġba l-ħtiġijiet tal-familji u jiġu mwieżna fil-mixja tagħhom ta’ fidi.  Nitlobkom titolbu mill-qalb għalihom, kif ukoll għad-deċiżjonijiet tas-Sinodu li ġej fuq il-familja.

 

Bi gratitudni għal dak kollu li rċivejna, u b’fiduċja żgura qalb il-ħtiġijiet tagħna, induru lejn Marija, l-Omm Imqaddsa tagħna.  Bi mħabbitha ta’ omm hi tidħol għall-Knisja fl-Amerika, biex tkompli tikber fix-xhieda profetika tal-qawwa tas-Salib ta’ Binha u ġġib ferħ, tama u qawwa lid-dinja tagħna.  Nitlob għal kull wieħed u waħda minnkom, u nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex tagħmlu hekk intom għalija.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard