Il-jum it-tajjeb!

Sur President,

Inħossni grat għall-merħba li tajtni f’isem l-Amerikani kollha.  Bħala iben ta’ familja ta’ emigranti, inħossni hieni li nkun il-mistieden ta’ dan in-Nazzjon, li fil-bċċa l-kbira tiegħu kien mibni minn familji ta’ din ix-xorta.  Jien lest biex bil-ferħ ngħix dal-jiem ta’ laqgħa u djalogu, li tulhom nittama li nisma’ u naqsam ħafna mill-ħolm u t-tamiet tal-poplu Amerikan.

F’diż-żjara tiegħi se jkolli l-unur li nindirizza l-Kngress, fejn, nittama, bħala wieħed mill-aħwa ta’ dan il-Pajjiż, inkun nista’ ngħid kelma ta’ inkoraġġiment lil kul min hu msejjaħ biex imexxi l-futur politiku tan-nazzjon bil-fedeltà lejn il-prinċipji li sawwruh.  Se mmur ukoll Filadelfja għat-8 Laqgħa Dinjija tal-Familji, li l-iskop tagħha hu li tiċċelebra u ssostni l-istityzzjonijiet taż-żwieġ u tal-familja, f’mument kritiku tal-istorja taċ-ċiviltà tagħna.

Sur President, flimkien maċ-ċittadini l-oħra sħabhom, il-Kattoliċi Amerikani huma mpenjati biex jibnu soċjetà li tkun verament tolleranti u inklussiva, li tiddefendi d-drittijiet tal-individwi u tal-komunitajiet u li tirrifjuta kull għamla ta’ diskriminazzjoni inġusta.  Flimkien ma’ għadd kbir ta’ personalitajiet oħra ta’ rieda tajba li hawn f’din id-demokrazija, il-Kattoliċi jistennew li fl-isforzi biex tinbena soċjetà ġusta u ordnata b’mod għaqli, ikunu rispettati l-preokkupazzjonijiet l-aktar profondi tagħhom u d-drittijiet li jolqtu l-libertà reliġjuża. Din il-libertà tibqa’ waħda mill-aktar kisbiet prezzjużi tal-Amerika.  U kif fakkruna ħuti l-Isqfijiet tal-Istati Uniti, ilkoll aħna msejħin biex nishru, propju għaliex aħna ċittadini tajbin, biex nippreservaw u niddefendu din il-libertà minn kull ħaġa li tista’ tikkompromettiha jew tqiegħda fil-periklu.

Sur President, nara li hu promettenti li inti pproponejt inizjattiva biex jitnaqqas it-taħsir tal-arja.  Meta nqisu l-urġenza, jidhirli li hu ċar ukoll li t-tibdil fil-klima hija problema li ma nistgħux inħalluha lill-ġenerazzjoni tal-futur.  L-istorja qiegħed lilna f’mument kruċjali biex nieħdu kura  tad-“dar komuni tagħna”.  Però għadna fil-ħin biex naffrontaw tibdil li jiżgura «żvilupp sostenibbli u integrali, għax nafu li l-affarijiet jistgħu jinbidlu» (Enċ. Laudato si’, 13).  Tibdil li min-naħa tagħna jesiġi li nagħrfu bis-serjetà u bir-responsabbliltà xi kwalità ta’ dinja rridu nħallu mhux biss għal uliedna, imma wkoll għall-miljuni ta’ persuni li huma dominati minn sistema li tathom il-ġenb.  Id-dar komuni tagħna tifforma parti minn dan il-grupp ta’ esklużi li jgħollu leħinhom lejn is-sema u li llum qed iħabbat bil-qawwa fuq il-bieb ta’ darna, tal-ibliet tagħna u tas-soċjetà.  Nagħmel tiegħi il-kliem għaref tar-Reverendu Martin Luther King billi ngħid li aħna ma għamilniex dak li kellna nagħmlu f’ċerti impenji u issa wasal il-waqt li nonoraw dawn l-impenji.

Bil-fidi tagħna aħna nemmnu li «l-Ħallieq ma jabbandunaniex, qatt ma jerġa’ lura mill-proġett ta’ mħabba tiegħu, ma jisgħobx bih li ħalaqna.  L-umanità għad għandha l-ħila li tikkollabora biex tibni d-dar komuni tagħna» (ibid. 13).  Bħala Nsara mħeġġin minn din iċ-ċertezza, nippruvaw nimpenjaw ruħna biex nieħdu ħsieb din id-dar komuni bil-konsapevolezza u r-responsabbiltà.

Sur President l-isforzi li saru dan l-aħħar biex issir rikonċiljazzjoni tar-relazzjonijiet li kienu ilhom miksurin u l-ftuħ ta’ toroq ġodda ta’ koperazzjoni fi ħdan il-familja umana jirrappreżentaw passi pożittivi ‘l quddiem fil-mixja lejn ir-rikonċiljazzjoni, il-ġustizzja u l-libertà.  Nawgura li l-irġiel u n-nisa ta’ rieda tajba ta’ dan in-nazzjon kbir u prosperu jirfdu l-isforzi tal-komunità internazzjonali biex tħares lill-aktar dgħajfa tad-dinja tagħna u biex tmexxi ‘l quddiem mudelli integrali u inklussivi ta’ żvilupp, ħalli ħutna, jinsabu fejn jinsabu, jkollhom il-barka tal-paċi u tal-prosperità li Alla jrid għal uliedu kollha.       

Sur President, mill-ġdid nirringrazzjak għall-merħba li tajtni u qed inħares bil-fiduċja lejn dal-jiem li se nqatta’ f’pajjiżek.  Alla jbierek lill-Amerika!                                                 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber