Għeżież ħuti fl-Episkopat,

 

Qabel xejn nixtieq nibgħat tislija lill-komunità Lhudija, lil ħutna l-Lhud, li l-lum qed jiċċelebraw il-festa tal-Yom Kippur.  Il-Mulej iberikhom bis-sliem, u jmexxihom fit-triq tal-qdusija, skond dak li għadna kemm smajna l-lum mill-Kelma tiegħu: “Kunu qaddisin, għax jien il-Qaddis” (Lev 19:2).

 

Hu ta’ pjaċir għalija li qed niltaqa’ magħkom f’dan il-mument ta’ missjoni appostolika li ġabni hawn f’pajjiżkom.  Irrodd ħajr minn qalbi lill-Kardinal Wuerl u l-Arċisqof Kurtz tal-kelmtejn ġentili ta’ merħba li għamluli anki f’isimkom ilkoll.  Nitlobkom tilqgħu l-gratitudni tiegħi għal-laqgħa li tajtuni u għad-disponibbiltà ġeneruża li biha ġiet ipprogrammata u organizzata ż-żjara tiegħi.

 

Jiena u nħaddan bil-ħarsa u l-qalb tiegħi l-uċuħ tagħkom ta’ Ragħajja, nixtieq ngħannaq ukoll lill-Knisja li bi mħabba intom qed terfgħu fuq spallejkom; u nitlobkom tiżguraw li l-qrubija umana u spiritwali tiegħi tilħaq, permezz tagħkom, lill-Poplu kollu ta’ Alla mifrux fuq din l-art kbira.

 

Il-qalb tal-Papa titwessa’ biex tinkludi lil kulħadd.  Li jwessa’ qalbu biex jagħti xhieda li Alla hu kbir fi mħabbtu hi s-sustanza tal-missjoni tas-Suċċessur ta’ Pietru, Vigarju ta’ Dak li fuq is-salib ħaddan miegħu lill-bnedmin kollha.  Biex l-ebda membru tal-Ġisem ta’ Kristu fin-nazzjon Amerikan ma jħossu eskluż mit-tgħanniqa tal-Papa.  Kull fejn jixref fuq ix-xofftejn l-isem ta’ Ġesù, ħa jidwi hemm ukoll leħen il-Papa biex jiżgura: “Hu s-Salvatur!”.  Mill-metropoli kbar tagħkom fuq il-kosta tal-lvant għall-pjanuri tal-Midwest, minn isfel nett fin-nofs in-nhar sal-punent immens, kull fejn in-nies tagħna tinġabar fil-ġemgħa Ewkaristika, il-Papa m’hux sempliċi isem li bi drawwa jiġi mlissen, imma kumpanija tanġibbli li l-għan tagħha hu li twieżen il-leħen li jogħla minn qalb l-Għarusa: “Ejja, Mulej!”.

 

Meta id tiġi mnewla biex tagħmel il-ġid u twassal lill-aħwa l-imħabba ta’ Kristu, biex tixxotta demgħa jew tagħmel kumpanija lil min jgħix fis-solitudni, biex turi t-triq lil min intilef jew terfa’ mill-ġdid qalb maqsuma, biex titbaxxa fuq min waqa’ jew tgħallem lil min hu għatxan għas-sewwa, biex toffri l-maħfra jew tmexxi lejn bidu ġdid f’Alla… kunu afu li l-Papa qiegħed magħkom, il-Papa qed iweżinkom, anki Hu jqiegħed fuq idkom l-id tiegħu, issa xwejħa u mkemmxa imma, għall-grazzja ta’ Alla, għadha kapaċi twieżen u tagħmel il-qalb.

 

L-ewwel kelma tiegħi hi ta’ radd il-ħajr lil Alla għad-dinamiżmu tal-Vanġelu li permezz tiegħu kibret mhux ftit il-Knisja ta’ Kristu f’dawn l-artijiet, u bih offriet u tkompli toffri kontribut ġeneruż lis-soċjetà ta’ l-Istati Uniti u lid-dinja.  Tabilħaqq napprezza u, imqanqal, irrodd ħajr lil Alla għall-ġenerożità u solidarjetà tagħkom mas-Sede Appostolika u fl-evanġelizzazzjoni f’tant partijiet tad-dinja li għaddejjin mit-tbatija.  Nifraħ għall-impenn qawwi tal-Knisja tagħkom b’riżq il-kawża tal-ħajja u tal-familja, motiv ewlieni għal din iż-żjara tiegħi.  Insegwi b’attenzjoni l-isforz enormi li bih tfittxu tilqgħu u tintegraw lill-immigranti li għadhom iħarsu lejn l-Amerika bil-ħarsa tal-pellegrini li kienu jaslu jfittxu r-riżorsi promettenti tagħha ta’ libertà u ġid.  Nammira l-ħidma li biha qed tmexxu ’l quddiem il-missjoni edukattiva fl-iskejjel tagħkom u l-opra karitattiva fid-diversi istituzzjonijiet tagħkom.  Huma attivitajiet li spiss isiru mingħajr ma jiġi mifhum biżejjed il-valur tagħhom u bla appoġġ, imma xorta waħda erojkament imwieżna bl-offerta ċkejkna tal-foqra, għax dawn l-inizjattivi ħerġin minn mandat sopranaturali li ma nistgħux ma nobduhx.  Naf bil-kuraġġ li bih affrontajtu mumenti mudlama fil-mixja ekkleżjali tagħkom mingħajr ma bżajtu tikkritikaw lilkom infuskom u lanqas qgħadtu lura mill-umiljazzjonijiet u s-sagrifiċċji, bla ma ċedejtu għall-biża’ li titneżżgħu minn dak li hu sekondarju biex stajtu tiksbu mill-ġdid l-awtorevolezza u l-fiduċja mitluba mill-Ministri ta’ Kristu, kif tixtieq ir-ruħ tal-poplu tagħkom.  Naf kemm taqqlet fuqkom il-ġerħa ta’ l-aħħar snin, u seħibt l-impenn ġeneruż tagħkom biex tfejqu lill-vittmi, għax għaraftu li meta nippruvaw infejqu, dejjem infiqu aħna l-ewwel, u biex tkomplu tistinkaw ħalli krimini bħala dawn ma jsiru qatt iżjed.

 

Qed inkellimkom bħala Isqof ta’ Ruma, li meta ġa kont fi xjuħiti ġejt imsejjaħ minn Alla minn art li hi wkoll Amerikana, biex inħares l-għaqda tal-Knisja Universali u nwettaq fl-imħabba l-mixja tal-Knejjes partikulari kollha, ħalli jikbru fl-għarfien, fil-fidi u fl-imħabba ta’ Kristu.  Jien u naqra l-ismijiet u l-kunjomijiet tagħkom, nosserva l-uċuħ tagħkom, nagħraf il-qies għoli ta’ l-għarfien ekkleżjali tagħkom u l-qima li dejjem urejtu għas-Suċċessur ta’ Pietru, nixtieq ngħidilkom li fostkom ma nħossnix barrani.  Fil-fatt, jien ukoll ġej minn art li hi wkoll kbira, bla qies u ħafna drabi mingħajr konfini preċiżi, li, bħal tagħkom, irċiviet il-fidi mill-bagalja tal-missjunarji.  Naf sew bl-isfida li tiżra’ l-Vanġelu fil-qalb ta’ nies ġejjin minn dinjiet differenti, spiss imwebbsin mill-mixja morra li kellhom iterrqu sa ma waslu.  M’hix barranija għalija l-istorja ta’ tant taħbit biex il-Knisja setgħet tinżera’ qalb pjanuri, muntanji, bliet u rħula ta’ territorju spiss xejn ospitabbli, fejn il-fruntieri huma dejjem proviżorji, it-tweġibiet ovvji ma jtulux u l-muftieħ biex wieħed jidħol ġewwa jitlob li wieħed jagħraf jgħaqqad flimkien l-isforz epiku tal-pjunieri espolaraturi u l-għerf u r-reżistenza prożajka ta’ dawk li marru biex jgħixu f’dawn l-artijiet u kkontrollaw l-ispazju milħuq.  Kif għanna wieħed poeta tagħkom: “ġwienaħ b’saħħithom u ma jegħjewx”, imma anki l-għerf ta’ min “jaf il-muntanji”.*

 

M’iniex inkellimkom waħdi.  Il-vuċi tiegħi hi f’kontinwità ma’ dak li tawkom il-Predeċessuri tiegħi.  Fil-fatt, sa mit-tbexbix tan-“nazzjon Amerikan”, meta, wara r-rivoluzzjoni, twaqqfet l-ewwel Djoċesi f’Baltimore, il-Knisja ta’ Ruma dejjem kienet qrib tagħkom u qatt ma naqsukom l-għajnuna kostanti u l-inkuraġġiment tagħha.  Fl-aħħar għaxriet ta’ snin, tlieta mill-Predeċessuri meqjuma tiegħi għamlulkom żjara, u ħallewlkom wirt kbir ta’ tagħlim li għadu jgħodd sal-lum, li intom għożżejtu biex stajtu torjentaw programmi pastorali fit-tul li bihom tmexxu lil din il-Knisja maħbuba.

 

M’hijiex l-intenzjoni tiegħi nagħti xi programm jew strateġija.  Ma ġejtx biex niġġudikakom jew nagħmlilkom lezzjoni.  Nafda mija fil-mija fil-vuċi ta’ Dak li “jgħallimkom kollox” (ara Ġw 14:26).  Ħalluni biss, bil-libertà ta’ l-imħabba, inkellimkom bħala ħukom.  M’iniex imħabbat biex ngħidilkom x’għandkom tagħmlu, għax ilkoll nafu x’qed jitlob minna l-Mulej.  Pjuttost nippreferi nerġa’ lura lejn dak l-uġigħ ta’ ras – qadim u dejjem ġdid – ta’ min jistaqsi dwar x’toroq għandu jaqbad, dwar is-sentimenti li għandu jgħożż waqt ħidmietu, dwar l-ispirtu li bih għandu jaġixxi.  Mingħajr ma nippretendi li nkopri s-suġġett kollu, naqsam magħkom xi riflessjonijiet li nħosshom opportuni għall-missjoni tagħna.

 

Aħna Isqfijiet tal-Knisja, Ragħajja mqiegħda minn Alla biex nirgħu l-merħla tiegħu.  L-ikbar ferħ tagħna hu li nkunu Ragħajja, xejn iżjed minn Ragħajja, b’qalb sħiħa u għotja sħiħa u irriversibbli tagħna nfusna.  Jeħtieġ inħarsu dan il-ferħ bla ma nħallu lil min jisraqhulna.  Il-ħażin qed jgħajjat bħal iljun li jfittex kif ħa jibilgħu, u hekk jirvina dak li aħna msejħin biex inkunu mhux għalina nfusna, imma b’don, għall-qadi tar-“Ragħaj ta’ ruħna” (1 Piet 2:25).

 

L-essenza ta’ l-identità tagħna għandna nfittxuha fit-talb ta’ kuljum, fil-predikazzjoni (ara Atti 6:4) u f’li nirgħu l-merħla (ara Ġw 21:15-17; Atti 20:28-31).

 

Mhux talb li kien kien, imma l-għaqda familjari ma’ Kristu, fejn ta’ kuljum ħarsitna tiltaqa’ ma’ tiegħu biex nisimgħuh jagħmlilna l-mistoqsija tiegħu: “Min huma ommi u ħuti?” (Mk 3:32).  U nistgħu serenament inweġbuh: “Mulej, hawn, ara, ommok u ħutek!  Nagħtihomlok, huma dawk li Int fdajtli f’idejja”.  Minn din il-kunfidenza ma’ Kristu tixrob il-ħajja tar-Ragħaj.

 

Mhux predikazzjoni ta’ duttrini kumplessi, imma t-tħabbira hienja ta’ Kristu, mejjet u mqajjem mill-imwiet għalina.  L-istil tal-missjoni tagħna jrid iqanqal f’dawk li qed jisimgħuna l-esperjenza ta’ l-“għalina” ta’ din it-tħabbira: il-Kelma tagħti sens u milja lil kull biċċa minn ħajjithom, is-Sagramenti jitimgħuhom b’dak l-ikel li waħidhom ma jistgħux isibu, il-qrubija tar-Ragħaj tqajjem mill-ġdid fihom in-nostalġija tat-tgħanniqa tal-Missier.  Ishru biex il-merħla tagħkom fil-qalb tar-Ragħaj tiltaqa’ dejjem ma’ dik il-parti mill-eternità li ta’ xejn wieħed ifittex bla nifs fil-ħwejjeġ tad-dinja.  Ħa jsibu dejjem fuq fommkom l-apprezzament għall-ħila tagħhom li jagħmlu u jibnu fil-libertà u l-ġustizzja l-ġid li bih tistagħna din l-art.  Imma jalla ma jonqosx fikom il-kuraġġ seren li tistqarru li hemm bżonn nitħabtu “mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:27).

 

Tirgħux lilkom infuskom imma għarfu ersqu pass lura, tbaxxew, warrbu min-nofs, biex lill-familja ta’ Alla titimgħuha bi Kristu.  Ishru bla heda, żommu weqfin fl-għoli biex bil-ħarsa ta’ Alla tilħqu l-merħla li hi tiegħU biss.  Ogħlew sa fuq is-Salib ta’ Ibnu, il-punt waħdieni li minnu r-Ragħaj jista’ jara u jiftaħ qalbu għall-merħla tiegħu.

 

Tħarsux ’l isfel lejkom infuskom, imma dejjem lejn l-ixfqa ta’ Alla, li jmorru lil hemm minn dak li aħna għandna l-ħila naraw jew nippjanaw.  Ngħassu wkoll fuqna nfusna, biex naħarbu t-tentazzjoni tan-narċisiżmu, li tagħmi għajnejn ir-Ragħaj, biha l-vuċi tiegħu ma tibqax tintgħaraf u l-ġest tiegħu jsir sterili.  Fl-għadd ta’ toroq li jinfetħu quddiem l-attenzjoni u l-għożża pastorali tagħkom, ftakru żommu sħiħ u bla mittiefes in-nukleu li jgħaqqad il-ħwejjeġ kollha: “dan għamiltuh miegħi” (Mt 25:31-45).

 

Bla dubju ta’ xejn jiswa li l-Isqof ikollu viżjoni li tara ’l bogħod kif għandu kull mexxej u l-ħażen ta’ amministratur, imma naqgħu kemm-il darba nibdlu l-qawwa ta’ min hu b’saħħtu mas-saħħa ta’ min hu dgħajjef, li permezz tagħha Alla fdiena.  L-Isqof jeħtieġ din il-perċezzjoni ċara tal-battalja bejn dawl u dlam li qed tiġi miġġielda f’din id-dinja.  Ħażin għalina, imma, jekk nagħmlu mis-Salib xi standard ta’ ġlied ta’ din id-dinja, u ninsew li l-kundizzjoni tar-rebħa dejjiema hi li nħallu li niġu miġruħa u nitbattlu minna nfusna (Fil 2:1-11).

 

M’hux barrani għalina l-biża’ ta’ l-ewwel Ħdax, magħluqa bejn il-ħitan tagħhom, assedjati u mifxula, imwerwra bħal nagħaġ imferrxa għax ir-Ragħaj ġie milqut.  Imma nafu li ngħatalna spirtu ta’ kuraġġ u mhux ta’ biża’.  Għalhekk ma nistgħux inħallu l-biża’ jwaqqafna.

 

Naf tajjeb li bosta huma l-isfidi li għandkom, u li spiss l-għalqa li fiha qed tiżirgħu hi ostli, u mhux ftit huma t-tentazzjonijiet li wieħed jingħalaq wara l-ħajt tal-biża’, u joqgħod jilgħaq il-feriti tiegħu, jibki dak iż-żmien li ma jerġax lura u jħejji tweġibiet iebsin għar-reżistenzi diġà morri biżżejjed.

 

U madankollu, aħna l-promuturi tal-kultura tal-laqgħa.  Aħna sagramenti ħajjin tat-tgħanniqa bejn l-għana divin u l-faqar tagħna.  Aħna xhieda ta’ kemm Alla tbaxxa u sar bħalna, hu li dejjem jiġi l-ewwel fl-imħabba, qabel kull tweġiba min-naħa tagħna.

 

Id-djalogu hu l-metodu tagħna, mhux b’xi strateġija għaqlija, imma b’fedeltà lejn Dak li ma jegħja qatt jgħaddi u jerġa’ jgħaddi mill-pjazez tal-bnedmin sal-ħdax-il siegħa biex jipproponi l-istedina ta’ mħabbtu (Mt 20:1-16).

 

It-triq, għalhekk, hi dik tad-djalogu: djalogu bejnietkom, djalogu fil-Presbiterji tagħkom, djalogu mal-lajċi, djalogu mal-familji, djalogu mas-soċjetà.  Ma negħja qatt ninkuraġġikom tiddjalogaw bla biża’.  Iktar ma hu għani l-wirt li b’parresia jeħtieġ taqsmu ma’ l-oħrajn, iktar għandha tkun kbira l-umiltà li biha toffruh.  Tibżgħux tagħmlu l-ħruġ meħtieġ biex taslu għal djalogu awtentiku.  Inkella ma jkunx possibbli tifhmu r-raġunijiet ta’ l-ieħor, u lanqas tifhmu sew li ħukom li jeħtieġ taslu għandu u tifduh, bil-qawwa u l-qrubija ta’ l-imħabba, jiswa iżjed minn kemm jiswew il-pożizzjonijiet li niġġudikawhom imbiegħda miċ-ċertezzi l-iżjed awtentiċi tagħna.  Il-lingwaġġ iebes u ġelliedi tal-firdiet ma joqgħodx fuq fomm ir-Ragħaj, m’għandux dritt ta’ ċittadinanza f’qalbu u, mqar jekk għal waqt wieħed apparentement donnu jiżgura eġemonija, il-faxxinu dejjiemi tat-tjieba u ta’ l-imħabba hu li jibqa’ tassew konviċenti.

 

Hekk bżonn inħallu tidwi għal dejjem fil-qalb tagħna l-kelma tal-Mulej: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom (Mt 11:28-30).  Il-madmad ta’ Ġesù hu madmad ta’ mħabba u għalhekk hu garanzija ta’ serħan.  Xi kultant inħossu ttaqqal fuqna s-solitudni tat-taħbit tagħna, u tant inħossuna mgħobbijin bil-madmad li ma niftakrux iżjed li dan irċivejnieh minn għand il-Mulej.  Jidhirilna li hu biss tagħna u għalhekk nitkaxkru bħal imtaten għajjiena fl-għalqa xotta, mhedda mis-sensazzjoni li ħdimna għalxejn, għax insejna l-milja tas-serħan li hi marbuta b’mod sħiħ ma’ Dak li għamlilna l-wegħda.

 

Nitgħallmu minn Ġesù; jew aħjar, nitgħallmu lil Ġesù, ta’ qalb ħelwa u umli; nidħlu fil-ħlewwa tiegħu u fl-umiltà tiegħu permezz tal-kontemplazzjoni ta’ l-għemil tiegħu.  Nintroduċu lill-Knejjes tagħna u lill-poplu tagħna, mhux darba u tnejn mgħattna taħt l-ansjetà iebsa tal-ħidma tagħhom, għall-ħlewwa tal-madmad tal-Mulej.  Niftakru li l-identità tal-Knisja ta’ Ġesù hi żgurata mhux min-“nar mis-sema li jeqred” (Lq 9:54), imma mis-sħana moħbija ta’ l-Ispirtu li “ifejjaq il-miġruħ, irattab l-ebusija, jiddritta l-imgħawweġ”.

 

Il-missjoni kbira li l-Mulej jafdalna, aħna nwettquha flimkien, b’mod kolleġġjali.  Diġà hi mfarrka u maqsuma biżżejjed id-dinja!  Il-frammentazzjoni l-lum il-ġurnata kullimkien saret komuni.  Għalhekk, il-Knisja, “il-libsa bla ħjata tal-Mulej”, ma tistax tħalli lil min jifridha, jaqsamha jew jikkompeti fiha.

 

Il-missjoni episkopali tagħna hi qabel xejn li nsaħħu l-għaqda, li l-kontenut tagħha hu determinat mill-Kelma ta’ Alla u mill-Ħobż waħdieni tas-Sema, li bih kull waħda mill-Knejjes fdata f’idejna tibqa’ Kattolika, għax miftuħa u f’komunjoni mal-Knejjes Partikulari kollha u ma’ dik ta’ Ruma li “tippresiedi fl-imħabba”.  Għalhekk, huwa kmand dak li tishar biex tikseb din l-għaqda, tħarisha, tiffavoriha, tagħti xhieda tagħha bħala sinjal u strument li, lil hemm minn kull fruntiera, tgħaqqad nazzjonijiet, razez, klassijiet, ġenerazzjonijiet.

 

Is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena li tinsab fil-qrib, hi u ddaħħalna fil-profondità bla tarf tal-qalb divina, fejn ma tgħammar l-ebda firda, ħa tkun għal kulħadd okkażjoni pprivileġġjata biex insaħħu l-komunjoni, nipperfezzjonaw l-għaqda, insewwu d-differenzi, naħfru lil xulxin u negħlbu kull firda, hekk li d-dawl tagħna jiddi bħall-“belt li tkun qiegħda fuq il-muntanja” (Mt 5:14).

 

Dan il-qadi b’riżq l-għaqda hu partikularment importanti għan-Nazzjon maħbub tagħkom, li r-riżorsi vasti ħafna tiegħu, materjali u spiritwali, kulturali u politiċi, storiċi u umani, xjentifiċi u tekonoloġiċi, jimponu responsabbiltà morali li m’hix indifferenti f’dinja mifxula u li qed tfittex, mhux mingħajr tbatija, bilanċi ġodda ta’ paċi, ġid u integrazzjoni.  Għalhekk, hi parti essenzjali tal-missjoni tagħkom li toffru lill-Istati Uniti ta’ l-Amerika l-ħmira ċkejkna imma b’saħħitha tal-komunjoni.  Ħa tkun taf l-umanità li l-preżenza f’nofsha tas-“sagrament ta’ l-għaqda” (Lumen gentium, 1) hi garanzija li d-destin tagħha m’hux mitluq biex jispiċċa u jisfaxxa.

 

U din ix-xhieda hi fanal li ma jistax jintefa.  Fil-fatt, qalb id-dalma ħoxna tal-ħajja, il-bnedmin għandhom bżonn iħallu d-dawl tagħha jmexxihom, biex ikunu ċerti fuq il-port li hemm jistenniehom, żguri li d-dgħajjes tagħhom m’hux sa jinkaljaw fuq is-sikek u lanqas f’ħalq l-imwieġ.  Għalhekk, Ħuti, nagħmlilkom il-qalb biex tħabbtu wiċċkom ma’ l-isfidi ta’ żmienna.  Fil-fond ta’ kull waħda minnhom hemm dejjem il-ħajja bħala don u responsabbiltà.  Il-futur tal-libertà u tad-dinjità tas-soċjetajiet tagħna jiddipendi mill-mod li bih nagħrfu nwieġbu għal sfidi bħal dawn.

 

Il-vittmi innoċenti ta’ l-abort, it-tfal mejtin bil-ġuħ u taħt il-bombi, l-immigranti li jegħrqu huma u jfittxu għada ġdid, l-anzjani jew il-morda li hemm min irid jgħaddi mingħajrhom, il-vittmi tat-terroriżmu, tal-gwerer, tal-vjolenza u tat-traffikar tad-droga, l-ambjent mifni minn relazzjoni ta’ ħakma tal-bniedem fuq in-natura, f’dan kollu dejjem hemm fin-nofs id-don ta’ Alla, li tiegħu aħna amministraturi nobbli, imma mhux sidien.  Għalhekk ma nistgħux naħarbu minn kwistjonijiet bħal dawn jew insikktuhom.  Mhux b’inqas importanti hi t-tħabbira tal-Vanġelu tal-familja li, fil-Laqgħa Dinjija tal-Familji f’Philadelphia li sa tinżamm fil-jiem li ġejjin, sa jkolli mod li nipproklama b’qawwa flimkien magħkom u l-Knisja kollha.

 

Dawn l-aspetti tal-missjoni tal-Knisja li ma nistgħux nerġgħu lura minnhom, huma fil-qalba ta’ dak li għaddielna l-Mulej.  Għalhekk għandna d-dmir li nħarsuhom u nikkomunikawhom, anki meta l-mentalità taż-żmien ma tibqax tagħti kas, anzi ssir ostili għal dan il-messaġġ (ara Evangelii gaudium, 34-39).  Ninkuraġġikom toffru din ix-xhieda, bl-istrumenti u l-kreattività ta’ l-imħabba u bl-umiltà tal-verità.  Hi teħtieġ mhux biss tħabbiriet u xandir minn barra, imma anki li tirbaħ spazju fil-qalb tal-bnedmin u fil-kuxjenza tas-soċjetà.

 

Għal dan il-għan, hu importanti ħafna li l-Knisja fl-Istati Uniti tkun ukoll ħuġġieġa umli li tiġbed lejha l-bnedmin permezz tal-faxxinu tad-dawl u s-sħana ta’ l-imħabba.  Bħala Ragħajja nafu sew id-dlam u l-kesħa li għad hawn f’din id-dinja, is-solitudni u t-telqa ta’ ħafna – anki fejn huma kotrana r-riżorsi ta’ komunikazzjoni u l-għana materjali –, nafu wkoll bil-biża’ quddiem il-ħajja, id-disperazzjoni u l-ħafna ħarbiet.

 

Għalhekk, Knisja li taf tiġbor madwar in-“nar” biss tibqa’ kapaċi tiġbed lejha.  Żgur m’hux nar kien li kien, imma dak li xegħel fl-għodwa ta’ l-Għid.  Hu l-Mulej Irxoxt li jissokta jisfida lir-Ragħajja tal-Knisja permezz tal-vuċi dgħajfa ta’ tant aħwa: “Għandkom xi ħaġa ta’ l-ikel?”.  Nagħrfu leħnu, kif għamlu l-Appostli fuq xatt ix-xmara ta’ Tiberija (ara Ġw 21:4-12).  U iktar u iktar hu essenzjali li l-ġamar tal-preżenza tiegħu, mixgħul min-nar tal-passjoni, jimxi qabilna u ma jintefa qatt.  Jekk tonqsilna din iċ-ċertezza, nirriskjaw li nsiru bdiewa ta’ l-irmied u mhux ħarriesa u qassâma tad-dawl veru u ta’ dik is-sħana li kapaċi tkebbes il-qalb (ara Lq 24:32).

 

Qabel nagħlaq, ħalluni mill-ġdid nagħmlilkom żewġ rakkomandazzjonijiet li huma għal qalbi.  L-ewwel dwar il-paternità episkopali tagħkom.  Kunu Ragħajja qrib tan-nies, Ragħajja qrib u qaddejja.  Din il-qrubija tidher b’mod speċjali mas-saċerdoti tagħkom.  Imxu magħhom biex ikomplu jaqdu lil Kristu b’qalb sħiħa, biex dak li hu sħiħ biss jimla lill-ministri ta’ Kristu.  Nitlobkom, għalhekk, tħallux li jikkuntentaw ruħhom b’nofs xogħol.  Ħudu ħsieb ta’ l-għejun spiritwali li minnhom jixorbu biex ma jaqgħux għat-tentazzjonijiet li jsiru nutara jew burokrati, imma jkunu espressjoni tal-maternità tal-Knisja li tnissel u tgħin lil uliedha jikbru.  Ishru biex huma ma jegħjewx iqumu biex iwieġbu lil min iħabbtilhom bil-lejl, anki meta wieħed jaħseb li għandu dritt għall-mistrieħ (ara Lq 11:5-8).  Ħarrġuhom biex ikunu lesti jieqfu, jitbaxxew, isawbu l-balzmu, jitgħabbew u jagħtu ħajjithom għal min, “kumbinazzjoni”, sab ruħu mneżża’ minn dak li kien jaħseb li għandu (ara Lq 10:29-37).

 

It-tieni rakkomandazzjoni tiegħi hi dwar l-immigranti.  Nitlobkom skuża jekk b’xi mod qed nitkellem kważi “in causa propria”.  Ftit daqs il-Knisja ta’ l-Istati Uniti jafu x’inhuma t-tamiet tal-qlub ta’ l-immigranti.  Sa minn dejjem tgħallimtu l-lingwa tagħhom, weżintu l-kawża tagħhom, integrajtu s-sehem tagħhom, ħaristu d-drittijiet tagħhom, ippromovejtu t-tiftixa tagħhom għall-ġid, żammejtu mixgħula l-fjamma tal-fidi tagħhom.  Anki issa, l-ebda istituzzjoni Amerikana m’hi tagħmel iżjed għall-immigranti milli qed jagħmlu l-komunitajiet Insara.  Mhux biss bħala Isqof ta’ Ruma, imma anki bħala Ragħaj li ġej min-nofs in-nhar, inħoss il-bżonn li nirringrazzjakom u ninkuraġġikom.  Forsi ma jkunx faċli għalikom taqraw ir-ruħ tagħhom; forsi jkollkom tgħaddu mill-prova minħabba d-diversità tagħhom.  Kunu afu, imma, li għandhom ukoll riżorsi x’jaqsmu magħkom.  Għalhekk ilqgħuhom bla biża’.  Offrulhom is-sħana ta’ l-imħabba ta’ Kristu u hekk taqraw il-misteru ta’ qalbhom.  Jiena ċert li, għal darb’oħra, dawn in-nies sa jagħnu lill-Amerika u lill-Knisja tagħha.

 

Il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom!  Grazzi!

 

__________________

* Meta kont għadni żagħżugħ, / kelli ġwienaħ b’saħħithom u ma jegħjewx, / imma ma kontx naf il-muntanji.  /  Meta xjaħt, / sirt naf il-muntanji, / imma l-ġwienaħ għajjiena ma baqgħux jiġru wara l-viżjoni. / Il-ġenju hu għerf u żgħożija (Edgard Lee Masters, Antologia di Spoon River).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard