Għeżież ħbieb, il-lejla t-tajba!

Wieħed mill-mumenti prinċipali taż-żjara tiegħi huwa dan, hawnhekk, fil-Vjal tal-Indipendenza, imkien fejn twieldu l-Istati Uniti.  Hu f’dan il-post li ġew dikjarati għall-ewwel darba l-libertajiet karatteristiċi ta’ dan il-Pajjiż.  Id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza affermat li l-irġiel u n-nisa kollha inħolqu ndaqs, li huma mogħnijin mill-Ħallieq tagħhom bi drittijiet inaljenabbli, u li l-gvernijiet jeżistu biex iħarsu u jiddefendu dawn id-drittijiet.  Dan il-kliem qawwi għadu jidwi u jispirana llum ukoll, l-istess kif għamel ma’ persuni mid-dinja kollha bl-għan li jissieltu favur il-libertà li jgħixu, b’konformità mad-dinjità tagħhom.

L-istorja wkoll turina li din il-verità, bħalma hi kull verità, għandna nibqgħu nġedduha, nagħmluha tagħna u niddefenduha.  L-istorja ta’ dan in-nazzjon hi waħda ta’ sforz ma jaqta’ xejn, saż-żminijiet tagħna, biex jitlaħħmu dawn il-prinċipji fil-ħajja soċjali u politika.  Niftakru fit-taqbid kbir li wassal biex tintemm l-iskjavitù, l-estensjoni tad-dritt tal-vot, it-tkabbir tal-moviment tal-ħaddiema, u l-isforz progressiv biex tkun eliminata kull għamla ta’ razziżmu u preġudizzju fil-konfront ta’ mewġiet ta’ Amerikani ġodda li bdew ġejjin waħda wara l-oħra.  Dan juri li pajjiż li jkun determinat li jibqa’ fidil lejn il-prinċipji li sawwruh, mibnijin fuq ir-rispett tad-dinjità umana, jissaħħaħ u jiġġedded. Meta pajjiż iżomm ħajja l-memorja ta’ għeruqu, jikber, jiġġedded u jilqa’ fi ħdanu popli ġodda u nies ġodda li jaslu fih.

Ilkoll għandna x’nirbħu meta nibqgħu niftakru fil-passat tagħna.  Poplu li jiftakar, ma jirrepetix l-iżbalji tal-passat; bil-maqlub, iħares bil-fiduċja lejn l-isfidi tal-preżent u tal-futur.  Il-memorja ssalva r-ruħ tal-poplu minn dan kollu jew minn dawk kollha li jippruvaw jiddominawha jew jużawha għall-interessi tagħhom.  Meta t-tħaddim efettiv tad-drittijiet rispettivi jkun garantit lill-individwi u lill-komunitajiet, dawn mhux biss ikunu ħielsa li jwasslu għall-milja l-potenzjalitajiet tagħhom, imma b’dawn il-ħiliet, bix-xogħol, ikunu ta’ kontribut għall-ġid u l-progress tas-soċjetà kollha.

F’dal-post, li hu simbolu tal-mudell tal-Istati Uniti tal-Amerika, irrid nirrifletti magħkom dwar id-dirtt tal-libertà reliġjuża.  Huwa dritt fundamentali li jimmudella l-mod li bih aħna nġibu ruħna ma’ xulxin soċjalment u personalment, mal-ġirien li l-viżjoni reliġjuża tagħhom tkun differenti minn tagħna.  L-ideal tad-djalogu inter-reliġjuż li bih il-bnedmin kollha ta’ tradizzjonijiet reliġjużi differenti jiddjalogaw mingħajr ġlied.  Dan tippermettih il-libertà reliġjuża.

Ċertament, il-libertà reliġjuża timplika d-dritt tal-adorazzjoni ta’ Alla, individwalment u kollettivament, kif tiddetta l-kuxjenza ta’ dak li jkun.  Imma, min-natura tagħha, il-libertà reliġjuża tittraxxendi l-imkejjen tal-kult kif ukoll l-isfera tal-individwi u l-familji.  Għaliex il-fatt reliġjuż, id-dimensjoni reliġjuża, mhix sottokultura, hija parti mill-kultura ta’ kull poplu u kull nazzjon.

Qabel kollox, it-tradizzjonijiet reliġjużi differenti tagħna huma ta’ servizz għas-soċjetà bis-saħħa tal-messaġġ li jxandru.  Huma jistiednu lill-individwi u lill-komunitajiet biex jaduraw lil Alla, għajn ta’ kull ħajja, tal-libertà u tat-tjubija.  Ifakkruna fid-dimensjoni traxxendenti tal-eżistenza umana u fil-libertà irriduċibbli quddiem kull pretensjoni ta’ kull tip ta’ poter assolut.  Irridu nersqu qrib l-istorja - jgħmlilna tajjeb nersqu lejn l-istorja – speċjalment dik tas-seklu li għadda, biex naraw l-atroċitajiet imwettqa minn sistemi li kienu jippretendu li jibnu din jew dik “il-ġenna tal-art” billi jiddominaw lill-popli, u jqiegħdu fuqhom madmad ta’ prinċipji li fid-dieher huma indiskutibbli, filwaqt li jiċħdulhom kull tip ta’ dritt.  It-tradizzjonijiet reliġjużi għonja tagħna jfittxu li joffru tifsir u direzzjoni, «għandhom fihom qawwa li tagħti skop, li tiftaħ dejjem oriżżonti ġodda, tħeġġeġ il-ħsieb, twessa’ l-moħħ u s-sensibbiltà» (Eż.App. Il-Ferġ tal-Vanġelu, 256).  Huma jsejuħlna għall-konverżjoni, għar-rikonċiljazzjoni, għall-impenn lejn il-futur tas-soċjetà, għas-sagrifiċċju personali biex ikun moqdi l-ġid komuni u għall-kompassjoni lejn min jinsab fil-bżonn.  Fil-qalba tal-missjoni spiritwali tagħhom tinsab it-tħabbira tal-verità u tad-dinjità tal-persuna umana kif ukoll tad-drittijiet umani.

It-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna jfakkruna li bħala bnedmin, aħna msejħin biex nagħrfu ‘l xulxin għax dan jikxef l-identità relazzjonali ta’ bejnietna quddiem kull tentattiv biex tissawwar «uniformità li jippruvaw jimponu fuqna l-egoiżmu ta’ min hu l-aktar b’saħħtu, il-konformiżmu tad-dgħajjef jew l-ideoliġija tal-idealiżmu assolut» (M. De Certeau).

F’dinja fejn id-diversi għamliet ta’ tirannija moderna jippruvaw joħonqu l-libertà reliġjuża jew – kif għidt qabel – jippruvaw jirriduċuha għal sottokultura mingħajr dritt ta’ espressjoni fl-isfera pubblika, jew ukoll, li jużaw ir-reliġjon bħala pretest għall-mibgħeda u l-brutalità, hu dmir tas-segwaċi tad-diversi tradizzjonijiet reliġjużi li jgħaqqdu leħinhom biex jinvokaw il-paċi, it-tolleranza u r-rispett tad-dinjità u d-drittijiet tal-oħrajn.

Qed ngħixu f’epoka ddominata «mill-globaliżżazzjoni tal-paradigma teknokratiku» (Enċ. Laudato si;, 106), li bi proġett, jimmira li jġib uniformità ta’ dimensjoni ewlenija u qed ifittex li jelimina d-differenzi kollha u t-tradizzjonijiet billi b’superfiċjalità jfittex l-unità.  Għalhekk ir-reliġjonijiet għandhom id-dritt u d-dmir li jfehemu li hu possibbli li tinbena soċjetà li fiha jkun hemm «pluraliżmu b’saħħtu li tabilħaqq jirrispetta lill-oħrajn u l-valuri bħala tali» (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 255) u  li huwa «alleat prezzjuż fl-impenn għall-ħarsien tad-dinjità umana (...) triq ta’ paċi għad-dinja miġrugħa tagħna» (ibid, 257) minħabba l-gwerrer.

Il-Kwakkri li waqqfu l-belt ta’ Filadelfja kienu ispirati minn sens evanġeliku profond tad-dinijità ta’ kull persuna u tal-ideal ta’ komunità maqgħuda b’imħabba fraterna.  Din il-konvinzjoni waslithom biex iwaqqfu kolonja li kellha tkun “ġenna” ta’ libertà reliġjuża u tolleranza.  It-tifsira ta’ dan l-impenn fratern għad-dinjità ta’ kulħadd, speċjalment tad-dgħajfa u dawk mingħajr difiża, saret parti essenzjali mill-ispirtu tal-Amerika ta’ Fuq.  Waqt iż-żjara tiegħu fl-Istati Uniti fl-1987, San Ġwanni Pawlu II kien takom ħajr kommoventi meta fakkar lill-Amerikani kollha li «taw prova deċisiva tal-kobor tagħkom u l-mod kif intom tirrispettaw lil kull persuna umana, speċjalment lill-aktar dgħajfa u mingħajr difiża» (Diskors waqt iċ-ċerimonja tat-tluq mill-ajriport ta’ Detroit, 19 ta’ Settmebru, 1987, 3).

Nieħu din l-okkażjoni biex irrodd ħajr li kull min, hi x’inhi r-reliġjon li jħaddan, fittex li jaqdi ‘l Alla, Alla tal-paċi, bil-bini ta’ bliet immexxijin mill-imħabba fraterna, billi ħadu kura tal-proxxmu fil-bżonn, u ddefendew id-dinjità tar-rigal divin, tar-rigal tal-ħajja f’kull fażi tagħha, iddefenda l-kawża tal-foqra u tal-migranti.  Spiss ħafna, l-ilħna ta’ dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna, minn kull naħa, ma jinstemgħux.  Intom il-leħen tagħhom, u ħafna fostkom – irġiel u nisa reliġjużi – ippermettejtu li leħinhom ikun mismugħ.  B’din ix-xhieda li spiss tiltaqa’ ma’ reżistenza kbira, intom tfakkru l-ideali li għalihom ġiet imwaqqfa d-demokrazija tal-Amerika ta’ Fuq, u tfakkru li s-soċjetà tiddgħajjef kull darba li l-inġustizzja toħroġ minn fuq.  Ftit ilu tkellimt dwar it-tendenzatal-globaliżżazzjoni.  Il-globaliżżazzjoni mhix ħaġa ħażina.  Anzi, t-tendenza tal-globaliżżazzjoni hi tajba, tgħaqqadna.  Li hu negattiv hu l-mod kif titwettaq.  Jekk il-globaliżżazzjoni tippretendi li kulħadd ikun ugwali, qiesu fi sfera, din il-globaliżżazzjoni teqred il-karatteristiċi personali ta’ kull persuna u ta’ kull poplu.  Jekk il-globaliżżazzjoni tfittex li tgħaqqad lil kulħadd, imma bir-rispett lejn kull persuna, ir-rikkezza tagħha, il-karatteristiċi tagħha, tirrispetta lil kull poplu bir-rikkezza tiegħu, bil-karatteristiċi tiegħu, allura din il-globaliżżazzjoni hi tajba u tgħinna nikbru lkoll, minbarra li twassal għall-paċi.  Rigward dan nixtieq nuża ftit il-ġometrija.  Jekk il-globaliżżazzjoni tkun sfera, fejn kull punt huwa ndaqs, bl-istess distanza miċ-ċentru, din ixxejjen, mhix tajba.  Jekk il-globaliżżazzjoni tgħaqqad bħal poliedru, fejn kulħadd ikun magħqud imma kulħadd iżomm l-identità tiegħu, din hija tajba u tkabbar lill-poplu, tagħti dinjità lill-bnedmin kollha u ttihom id-dirttijiet tagħhom.

F’nofsna llum hawn membri tal-kbira popolazzjoni Ispanika tal-Istati Uniti, kif ukoll rappreżentanti ta’ immigranti reċenti fl-Istati Uniti.  Grazzi li ftaħtu l-bibien.  Ħafna minnkom – insellmilkom minn qiegħ qalbi – huma immigrati f’dal-pajjiż wara li personalment ħallsu prezz għoli,imma ġew bit-tama li jibnu ħajja ġdida. Taqtgħux qalbkom minħabba d-diffikjultajiet li għandkom quddiemkom, huma x’inhuma.  Nitlobkom biex ma tinsewx li, bħal dawk li ġew qabilkom, intom iġġibu magħkom ħafna talenti lil dan in-nazzjon.  Jekk jogħġobkom, tistħux mit-tradizzjonijiet tagħkom!  Tinsewx il-lezzjonijiet li tgħallimtu speċjalment mingħand l-anzjani tagħkom, li huma komtribut li bih intom tistgħu tkomplu tgħanu l-ħajja ta’ dan il-pajjiż Amerikan.  Intenni, tistħux minn dak li hu parti minnkom, id-demm tal-ħajja tagħkom.  Intom imsejħin ukoll biex tkunu ċittadini responsabbli u biex tagħtu kontribut – kif għamlu b’tant qawwa dawk li ġew qabel – biex tagħtu kontribut b’mod li jħalli l-frott lill-ħajja tal-komunitajiet li tgħixu fihom.  Qed naħseb partikolarment għall-fidi ħerqana ta’ ħafna minnkom, għas-sens profond tal-ħajja tal-familja u għall-valuri l-oħrajn kollha li intom writtu.  Meta tagħtu l-kontribut tagħkom mhux biss issibu postkom hawn, imma tgħinu biex is-soċjetà tiġġedded minn ġewwa.  Titilfux il-fakra ta’ dak li ġara hawn aktar minn żewġ sekli ilu.  Titilfux il-fakra ta’ dik Id-Dikjarazzjoni, li pproklamat li l-bnedmin inħalqu kollha ndaqs, li huma mgħonija mill-Ħallieq bi drittijiet inaljenabbli, u li l-gvernijiet qiegħdin hemm biex iħarsu u jiddefendu dawn id-drittijiet.

Għeżież ħbieb, irroddilkom ħajr għal-laqgħa kbira li tajtuni u talli lllum iltqajtu miegħi.  Nikkonservaw il-libertà.  Nikkuraw il-libertà.  Il-libertà tal-kuxjenza, il-libertà reliġjuża, il-libertà ta’ kull persuna, ta’ kull familja, ta’ kull poplu, li hi dik li tagħti wisa’ lid-drittijiet.  Jalla dan in-nazzjon u kull wieħed u waħda minnkom tiġġeddu fil-gratitudni għal tant barkiet u libertajiet li tgawdu.  U jalla tiddefendu dawn id-drittijiet speċjalment il-libertà reliġjuża tagħkom, għax dik ġiet mogħtija lilkom minn Alla nnifsu.  Iberikkom Huwa lilkom ilkoll.  U, jekk jogħġobkom, nitlobkom titolbu ftit għalija.  Grazzi! 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber