Il-fatt li ninsab fi “Ground Zero” fejn eluf ta’ ħajjiet inqerdu f’att bla sens ta’ distruzzjoni, iqanqal fija diversi sentimenti u emozzjonijiet.  Hawnhekk id-djieqa tmissha b’idejk.  L-ilma li qed naraw inixxi lejn iċ-ċentru vojt tal-vaska, ifakkarna f’dawk il-ħajjiet kollha li kienu jinsabu taħt il-poter ta’ min jasħeb li l-qerda hi l-uniku mod kif jissolvew il-kunflitti.  Huwa l-għajta silenzjuża ta’ kull min sofra fil-ġisem il-loġika tal-vjolenza, tal-mibgħeda, tal-vendetta.  Loġika li tnissel biss uġigħ, tbatija, qerda, dmugħ.  L-ilma li nieżel ‘l isfel hu wkoll simbolu tad-dmugħ tagħna.  Dmugħ minħabba l-qerda tal-bieraħ, li jingħaqad ma dak tal-qerda tal-lum.  Hawnhekk hu mkien fejn nibku, nibku bin-niket għax inħossu li ma nistgħu nagħmlu xejn quddiem l-inġustizzja, il-fratriċidju, quddiem in-nuqqas ta’ ħila li nsolvu d-differenzi ta’ bejnietna bid-djalogu.  F’dal-post nibku t-telfa inġusta u gratwita tal-innoċenti għax ma nafux insibu soluzzjonijiet għall-ġid komuni.  U l-ilma jfakkarna fid-dmugħ tal-bieraħ u tal-lum.

Ftit tal-minuti ilu ltqajt ma’ xi familji tal-ewwel nies li taw l-għajnuna u li tilfu ħajjithom fil-qadi ta’ dmirhom.  Waqt il-laqgħa stajt nara mill-ġdid kif il-qerda qatt mhi impersonali, astratta jew tal-affarijiet biss; imma li aktar minn kollox għandha wiċċ it-tbatija, hija konkreta, fiha l-ismijiet.  Fil-familjari jidher il-wiċċ tan-niket, niket li jħallina bla kliem u jgħajjat lis-sema.

Imma, min-naħa tagħhom, għarfu juruni l-wiċċ l-ieħor ta’ dan l-attentat, il-wiċċ l-ieħor tan-niket tagħhom: il-qawwa tal-imħabba u tat-tifkira.  Tifkira li ma tħallix vojt.  L-ismijiet ta’ tant persuni għeżież huma miktubin hawn fejn kien hemm il-pedamenti tat-torrijiet, u b’hekk nistgħu narawhom, immissuhom u qatt aktar ma ninsewhom.

Hawnhekk, fil-post fejn hemm niket li jċarrat il-qlub, nistgħu mmissu b’idejna l-ħila tat-tjubija erojka li jaf jasal għaliha l-bniedem, il-qawwa moħbija li dejjem għandna nfittxuha.  Fil-waqt tal-akbar niket, tbatija, intom xhieda tal-akbar atti ta’ dedikazzjoni u ta’ għajnuna.  Idejn maħruġa, ħajjiet offruti.  F’metropoli li tista’ tidher impersonali, anonima, ta’ solitudni kbira, intom għandkom ħila turu s-solidarjetà qawwija tal-għajnuna reċiproka, tal-imħabba u tas-sagrifiċċju personali.  F’dak il-ħin ma kinitx kwistjoni ta’ demm, ta’ oriġini, ta’ kwartier, ta’ reliġjon jew ta’ għażla politika: kienet kwistjoni ta’ solidarjetà, ta’ emerġenza, ta’ fraternità.  Kienet kwistjoni ta’ umanità.  Il-ħaddiema tat-tifi tan-nar ta’ New York daħlu fit-torrijiet li kienu qed jiġġarfu mingħajr ma tant taw każ ħajjithom.  Ħafna ntilfu, huma u jagħtu s-servizz u bis-sagrifiċċju tagħhom salvaw il-ħajja ta’ tant oħrajn.

Dan l-imkien ta’ mewt jinbidel ukoll f’imkien tal-ħajja, ta’ ħajjiet salvati, innu li jwassalna naffermaw li l-ħajja hi dejjem destinata li tittrijonfa fuq il-profeti tal-qerda, fuq il-mewt, li t-tajjeb dejjem se jirbaħ lill-ħażen, li r-rikonċiljazzjoni u l-għaqda jgħelbu l-mibgħeda u l-firda.

F’dal-post ta’ niket u tifkira, timlina bit-tama l-opportunità li ningħaqad mal-mexxejja li jirrappreżentaw ħafna reliġjonijiet li jgħanu l-ħajja ta’ din il-belt.  Nittama li l-preżenza tagħna hawnhekk tkun sinjal qawwi tar-rieda tagħna li naqsmu u naffermaw mil-ġdid ix-xewqa li nkunu forza ta’ paċi u ġustizzja f’dil-komunità u f’kull rokna tad-dinja.  Bid-differenzi, minkejja d-diskrepanzi, hu possibbli li ngħixu f’dinja ta’ paċi.  Quddiem kull attentat li jrid iġib l-uniformità, hu possibbli u meħtieġ li mill-lingwi differenti, mill-kulturi u mir-reliġjonijiet, ningħaqdu biex nagħtu leħen lil dak lkollu li ma jridx li dan iseħħ.  Ilkoll flimkien, illum, aħna mistednin ngħidu: “le” għal kull tentattiv li jġibna lkoll l-istess u “iva” għad-differenza aċċettata u rikonċiljata.

Għal dan il-għan għadna bżonn inbarru s-sentimenti ta’ mibgħeda, ta’ tpattija u li nżommu f’qalbna.  U nafu li dan hu possibbli biss jekk ikun mogħti lilna mis-sema.  Hawnhekk, f’dal-post ta’ fakra, kull wieħed u waħda minna bil-mod tiegħu, imma flimkien, nagħmlilkom proposta biex nagħmlu ftit waqtiet ta silenzju, riflessjoni u talb.  Nitolbu mis-sema r-rigal li nimpenjaw ruħna għall-kawża tal-paċi.  Paċi fid-djar tagħna, fil-familji tagħna, fl-iskejjel tagħna, fil-komunitajiet tagħna.  Paċi f’dawk il-postijiet fejn il-gwerra donnha ma tista’ tintemm qatt.  Paċi fuq dawk l-uċuħ li ma jafu xejn aktar ħlief niket.  Paċi f’din id-dinja enormi li Alla tana bħala dar ta’ kulħadd u għal kulħadd.  Biss, paċi.  Nitolbu fis-skiet.

(Waqtiet ta’ skiet)

B’hekk il-ħajja tal-għeżież tagħna ma tkunx waħda li ntemmet u ntesiet, imma tkun preżenti kull darba li nitqabdu biex inkunu profeti tar-rikostruzzjoni, profeti tar-rikonċiljazzjoni, profeti tal-paċi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber