Żewġ sentimenti qed inħoss il-lum fil-konfront ta’ ħuti l-Musulmani.  L-ewwel, it-tislima tiegħi għax il-lum jiċċelebraw il-jum tas-sagrifiċċju.  Xtaqt li kieku t-tislima tiegħi kienet iżjed kaloruża.  U t-tieni sentiment hu li nħossni qrib tagħhom quddiem it-traġedja li l-poplu tagħhom ġarrab il-lum f’Mekka.  F’dan il-mument ta’ talb ningħaqad, ningħaqdu fis-sejħa tagħna lil Alla, Missierna li jista’ kollox u ħanin.

 

Nisimgħu x’jgħid l-Appostlu: “Għalhekk għandkom għax tifirħu mqar jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtiġilkom titnikktu taħt ħafna provi” (1 Piet 1:6).  Dawn il-kelmiet ifakkruna f’xi ħaġa essenzjali: il-vokazzjoni tagħna għandna ngħixuha fil-ferħ.

 

Dan il-katidral sabiħ ta’ San Patrizju, mibni fuq medda twila ta’ snin bis-sagrifiċċju ta’ ħafna rġiel u nisa, jista’ jkun simbolu tal-ħidma ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ saċerdoti, ta’ reliġjużi u ta’ lajċi Amerikani li taw sehemhom fil-bini tal-Knisja fl-Istati Uniti.  Ħafna huma s-saċerdoti u persuni kkonsagrati ta’ dan il-pajjiż li, mhux biss fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, kellhom rwol ċentrali fl-għajnuna lill-ġenituri biex jagħtu lil uliedhom l-ikel li jitmagħhom għal ħajjithom!  Ħafna dan għamluh bi prezz ta’ sagrifiċċji straordinarji u b’karità erojka.  Tiġi f’moħħi, ngħidu aħna, Santa Eliżabetta Anna Seton, li waqqfet l-ewwel skola Kattolika b’xejn għat-tfajliet fl-Amerika, jew San Ġwann Neumann, fundatur ta’ l-ewwel sistema ta’ edukazzjoni Kattolika f’dan il-pajjiż.

 

Il-lejla, għeżież ħuti, ġejt nitlob magħkom, saċerdoti, ikkonsagrati, biex il-vokazzjoni tagħkom tkompli ssawwar il-binja kbira tas-Saltna ta’ Alla f’dan il-pajjiż.  Naf li intom, bħala ġisem saċerdotali, quddiem il-poplu ta’ Alla, batejtu ħafna fil-passat mhux daqstant imbiegħed fuq kollox għall-mistħija minħabba tant aħwa li ġerrħu u skandalizzaw lill-Knisja fl-ulied l-iktar innoċenti tagħha…  Bħal fl-Apokalissi, ngħidilkom li intom “ġejjin mit-taħbit il-kbir” (ara 7:14).  F’dan iż-żmien ta’ tbatija u diffikultà jiena ninsab magħkom; kif nirringrazzja wkoll lil Alla għas-servizz li qed twettqu intom u ssieħbu lill-poplu ta’ Alla.  Biex ngħinkom timxu iżjed fil-fedeltà lejn Ġesù Kristu, ippermettuli dawn iż-żewġ riflessjonijiet qosra.

 

L-ewwel waħda hi dwar l-ispirtu ta’ gratitudni.  Il-ferħ ta’ l-irġiel u n-nisa li jħobbu lil Alla jiġbed oħrajn lejh; saċerdoti u kkonsagrati msejħa biex isibu sodisfazzjon permanenti fis-sejħa tagħhom u bih idawlu lil oħrajn.  Dan il-ferħ inixxi minn qalb grata.  Hu minnu: irċivejna ħafna, ħafna grazzji, ħafna barkiet, u nifirħu bihom.  Jagħmlilna tajjeb inqallbu f’ħajjitna bil-grazzja tal-memorja.  Memorja ta’ dik l-ewwel sejħa, memorja tal-mixja li għamilna, memorja ta’ tant grazzji milqugħa…, u fuq kollox memorja tal-laqgħa ma’ Ġesù Kristu f’tant mumenti tul il-mixja.  Memorja ta’ l-għoġba li toħloq fil-qalb tagħna l-laqgħa tagħna ma’ Ġesù Kristu.  Ħuti, ikkonsagrati, nitolbu l-grazzja tal-memorja biex jikber fina l-ispirtu ta’ gratitudni.  Nistaqsu lilna nfusna: Aħna kapaċi nagħmlu lista tal-barkiet li rċivejna, jew insejniehom!

 

It-tieni punt hu l-ispirtu ta’ ħidma ħawtiela.  Qalb grata tħossha mġiegħla taqdi lill-Mulej u jkollha stil ta’ ħajja ħawtiel.  Meta nintebħu kemm tana Alla, il-mixja taċ-ċaħda tagħna nfusna biex naħdmu għaliH u għall-oħrajn issir triq ipprivileġġjata biex inwieġbu għall-imħabba kbira tiegħu.

 

Imma, jekk aħna onesti, nafu kemm faċilment dan l-ispirtu ta’ ħidma ġeneruża u sagrifiċċju personali jista’ jiġi fgat.  Hemm żewġ modi kif dan jista’ jseħħ u t-tnejn huma eżempju ta’ “spiritwalità mondana”, li ddgħajjifna fil-mixja tagħna ta’ rġiel u nisa kkonsagrati, u ddallam il-faxxinu, l-għoġba ta’ dik l-ewwel laqgħa ma’ Ġesù Kristu.

 

Nistgħu nisfaw maqbuda f’li noqogħdu nkejlu l-valur ta’ l-isforzi appostoliċi tagħna bil-kriterju ta’ l-effiċjenza, tal-funzjonalità u tas-suċċess estern li jmexxi d-dinja tan-negozju.  Mhux għax dawn il-ħwejjeġ m’humiex importanti!  Ġejna fdati b’responsabbiltà kbira u ġustament il-Poplu ta’ Alla jistenna xi verifiki.  Imma l-valur veru ta’ l-appostolat tagħna jitkejjel mill-valur li għandu f’għajnejn Alla.  Meta naraw u nivvalutaw l-affarijiet mill-perspettiva ta’ Alla, inħossuna kontinwament imsejħa lejn konverżjoni għall-ewwel żmien tas-sejħa u, m’għandniex xi ngħidu, dan jesiġi umiltà kbira.  Is-salib jurina mod differenti kif inkejlu s-suċċess: lilna jmiss li niżirgħu, u Alla jara l-frott tat-taħbit tagħna.  Jekk xi drabi t-taħbit u l-ħidma tagħna jidhru mkissra u bla frott, aħna mexjin wara Ġesù Kristu…; u l-ħajja tiegħu, biex nitkellmu ta’ bnedmin, għalqet b’falliment: il-falliment tas-salib.

 

Il-periklu l-ieħor jitfaċċa meta nibdew ngħiru għall-ħin liberu tagħna, meta naħsbu li jekk ikollna madwarna l-kumdità tad-dinja, nistgħu naqdu aħjar.  Il-problema ta’ dan il-mod ta’ raġunar hi li jista’ jdallam il-qawwa tas-sejħa li jagħmlilna kuljum Alla għall-konverżjoni, għal-laqgħa tagħna miegħU.  Ftit ftit imma bla dubju jibda jonqos l-ispirtu tagħna ta’ sagrifiċċju, l-ispirtu ta’ ċaħda u ta’ ħidma ħawtiela.  U jbiegħed minna wkoll lin-nies li qed tbati bil-faqar materjali u jkollha tagħmel sagrifiċċji ikbar minn tagħna, bla ma hi kkonsagrata.  Il-mistrieħ hu bżonn, kif inhuma l-mumenti ta’ ħin liberu u ta’ tiġdid personali, imma rridu nitgħallmu kif nistrieħu b’mod li japprofondixxi iżjed ix-xewqa tagħna li naqdu b’ġenerożità.  Li nkunu qrib tal-foqra, tar-rifuġjati, ta’ l-immigranti, tal-morda, ta’ l-isfruttati, ta’ l-anzjani li jbatu s-solitudni, tal-ħabsin u ta’ tant foqra oħra ta’ Alla, dan jgħallimna tip ieħor ta’ mistrieħ, iżjed Nisrani u ġeneruż.

 

Gratitudni u ħidma ħawtiela: dawn huma ż-żewġ pilastri tal-ħajja spiritwali li ridt naqsam magħkom il-lejla, saċerdoti u persuni kkonsagrati.  Nirringrazzjakom tat-talb tagħkom, ta’ l-attivitajiet u s-sagrifiċċji ta’ kuljum li tagħmlu fil-bosta oqsma ta’ l-appostolat tagħkom.  Ħafna minnhom jafhom Alla waħdu, imma jġibu ħafna frott fil-ħajja tal-Knisja.

 

Nixtieq, b’mod speċjali, nesprimi l-ammirazzjoni u l-gratitudni tiegħi lejn ir-reliġjużi nisa ta’ l-Istati Uniti.  X’kienet tkun din il-Knisja mingħajrkom?  Nisa b’saħħitkom, lesti titaqbdu; b’dak l-ispirtu ta’ kuraġġ li jqegħidkom quddiem nett fix-xandir tal-Vanġelu.  Lilkom, Reliġjużi nisa, sorijiet u ommijiet ta’ dan il-poplu, nixtieq ngħidilkom “grazzi”, “grazzi” kbira ħafna… u ngħidilkom ukoll li nħobbkom ħafna.

 

Naf li ħafna minnkom qed iħabbtu wiċċhom ma’ l-isfidi ta’ l-addattament f’panorama pastorali li qed tevolvi.  Bħal San Pietru, nitlobkom biex, quddiem kull prova li jkollkom taffrontaw, ma titilfux il-paċi tal-qalb, u twieġbu kif għamel Kristu: radd ħajr lill-Missier, refa’ salibu u ħares ’il quddiem.

 

Għeżież ħuti, fi ftit tal-ħin ieħor, xi minuta oħra, sa nkantaw il-Magnificat.  Inqiegħdu f’idejn Marija l-opra fdata f’idejna; ningħaqdu magħHa fir-radd il-ħajr lill-Mulej għall-ħwejjeġ kbar li għamel u għall-ħwejjeġ kbar li sa jissokta jagħmel fina u f’dawk kollha li jkollna l-privileġġ naqdu.  Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard