Għeżież ħuti,

Għeżież familji,

Grazzi  lil dawk li taw ix-xhieda tagħhom. Grazzi lil dawk li tawna gost  bis-sbuħija  tal-arti, triq biex naslu għand Alla.  Is-sbuħija twassalna għand Alla.  Ix-xhieda vera twassalna għand Alla  għax Alla huwa wkoll verita’. Il-ġmiel u l-verita’.  Xhieda mogħtija bħala servizz  hi tajba u twassalna għat-tjubija għax Alla hu tjubija.  Dak kollu li hu tajjeb, li hu veru, li hu sabiħ iwassalna għand Alla. Għax Alla hu tjubija, Alla hu sbuħija, Alla hu verita’.

Grazzi lil kulħadd.   Grazzi lil dawk li wasslulna messaġġ u grazzi tal-preżenza tagħkom, għax  din  hi xhieda wkoll. Tassew turi kemm tiswa l-ħajja tal-familja. Turi li  jekk is-soċjeta’ hi mibnija fuq il-familja, allura  din tikber b’saħħitha,  tkun tajba, sabiħa u vera.

Darba, tifel  għamilli mistoqsija  - u intom taf li t-tfal jistaqsu affarijiet  diffiċli - staqsieni: “X’kien jagħmel  Alla qabel  ma ħalaq id-dinja?” Ma kienx faċli nwieġeb għal din il-mistoqsija. Għidtlu dak li ser ngħid lilkom issa: qabel ma  Alla ħalaq id-dinja, Hu kien iħobb, għax Alla hu mħabba; imma l-imħabba li kellu fih, l-imħabba bejn il-Missier u l-Iben fl-Ispirtu s-Santu, tant kienet kbira, tant kienet tfawwar – ma nafx jekk dak li qed ngħid hux wisq  teoloġiku, imma tistgħu tifhmuh, – imħabbtu tant  hi kbira, li Alla ma setax ikun egoist; ħareġ barra minnu nnifsu biex ikun jista’  jħobb  lil xi ħaġa li hi ‘l barra minnu..  U allura  ħalaq id-dinja. Alla ħalaq  din il-ħaġa tal-għaġeb  li aħna ngħixu fiha, u li għax aħna  stupidi qegħdin inħassruha. Iżda l-Bibbja tgħidilna  li l-isbaħ ħaġa li ħalaq Alla  hi familja. Hu ħalaq raġel u mara.  U fdalhom kollox. Tahom id-dinja: “Ikbru, oktru, aħdmu l-art,  araw li  tkun għammiela  u li  tikber”.  Dan il-ħolqien meraviljuż li ħareġ mill-imħabba t’Alla ġie mogħti f’idejn familja.

Ejjew immorru ftit lura.  Il-familja ġiet mogħtija l-imħabba kollha, il-ġmiel kollu u l-verita’ kollha li hemm f’Alla.  U familja hi tassew familja  meta tkun kapaċi  tiftaħ dirgħajja u tilqa’ din l-imħabba kollha.  Iżda aħna nafu  li l-ġenna tal-art m’għadhiex teżisti , il-ħajja fiha l-problemi tagħha, il-bnedmin  tqarrqu mill-ħażen tax-xitan u tgħallmu jinfirdu minn xulxin. U  l-imħabba kollha li Alla tana kważi qed nitilfuha.  Sa mill-bidu naraw li kien hemm l-ewwel att kriminali, l-ewwel qtil ta’ aħwa.  Aħwa joqtlu lil xulxin: il-gwerra. L-imħabba, il-ġmiel u l-verita’ t’Alla u l-qerda tal-gwerra. U llum ukoll  aħna għandna quddiemna dawn iż-żewġ toroq. Irridu nkunu aħna li nagħżlu nagħżlu liema triq ser nimxu fiha.

 Ejjew immorru lura.  Meta r-raġel u l-mara żbaljaw u tbiegħdu minn Alla, Alla ma ħallihomx waħidhom. Daqshekk kienet kbira l-imħabba t’Alla.  Imħabbtu tant kienet kbira, li Hu beda miexi mal-bnedmin, beda miexi mal-poplu tiegħu sakemm wasal il-waqt li jagħti  l-akbar sinjal  ta’ mħabbtu: Ibnu.  U fejn bagħat lil Ibnu? F’palazz? F’belt?  Bagħtu f’xi intrapriża?  Bagħtu  f’familja.  Alla daħal fid-dinja permezz ta’ familja. U seta’ jagħmel dan għax dik il-familja  kellha qalbha miftuħa għall-imħabba, kellha l-bibien miftuħa.   Ejja naħsbu ftit fit-tfajla Marija. Ma setgħetx temmen: “Kif jista’ jkun dan?” U meta ġie spjegat lilha, hi obdiet.  Ejja naħsbu f’Ġużeppi, li kien qed jaħseb biex jifforma familja u sab ruħu quddiem dik is-sorpriża li ma  setax jifhimha.  Aċċetta u obda.  U  għax din il-mara Marija u ta’ dan ir-raġel Ġużeppi obdew b’imħabba,  iffurmat ruħha familja   li fiha  ġie jgħammar Alla. Alla dejjem iħabbat il-bibien tal-qalb. Iħobb jagħmilha din il-ħaġa. Iħabbat fuq ġewwa.   Imma tafu  x’iħobb jagħmel l-aktar? Iħabbat il-bibien tal-familji. U jsib familji magħquda, familji li jinħabbu, familji  li jkabbru lil uliedhom, jedukawhom u jmexxuhom ‘l quddiem, u li joħolqu soċjeta’ ta’ tjubija, verita’ u ġmiel.

Qegħdin f’festa tal-familji. Il-familja għandha l-karta taċ-ċittadinanza divina. Ċara din il-ħaġa?  Il-karta taċ-ċittadinanza divina li għandha l-familja tahielha Alla biex fi ħdanha jikbru dejjem aktar il-verita’, l-imħabba u l-ġmiel.  Xi ħadd jista’ jgħidli: “Inti qed tkellem hekk għax m’intix miżżewweġ.  Fil-familji hemm id-diffikultajiet.  Fil-familji  hemm it-tilwim. Fil-familji  kultant  tara l-platti jtiru. Fil-familji hemm l-uġigħ ta’ ras tal-ulied. U l-kunjati....”.  Fil-familji  dejjem hemm is-salib.  Għax l-imħabba t’Alla, l-Iben t’Alla fetħilna din it-triq ukoll. U minħabba f’hekk il-familja – skużawni li ser nuża dan il-kliem – il-familja hi fabbrika ta’ tama, tama ta’ ħajja u qawmien, għax  hu Alla li fetħilna din it-triq.

Imbagħad hemm l-ulied; l-ulied jagħtuna x’nagħmlu. Bħala wlied aħna wkoll ħabbatna lill-oħrajn. Xi drabi nara lil xi wħud mill-kollaboraturi tiegħi, li għandom tarbija ta’ xahar, xahrejn, li jiġu jaħdmu bin-nuċċali f’għajnejhom. U nistaqsihom: “ Ma rqadtx?” “Le; beka il-lejl kollu”. Fil-familja hemm id-diffikultajiet. Imma dawn id-diffikultajiet jintrebħu bl-imħabba. Bil-mibegħda ma tintrebaħ ebda diffikulta’, il-firda fil-qlub ma tegħleb ebda diffikulta’. L-imħabba biss hi kapaċi tegħleb id-diffikultajiet.  L-imħabba hi festa, hi ferħ, l-imħabba tmexxina ‘l quddiem.

Ma rridx  inkompli nitkellem għax isir ħafna ħin, imma nixtieq nisħaq fuq żewġ  affarijiet  li nixtieq li jkollhom attenzjoni speċjali. Mhux biss nixtieq, imma jeħtieġ li jkollhom attenzjoni speċjali: it-tfal u n-nanniet.  It-tfal u ż-żgħażagħ huma l-ġejjieni, huma l-forza, huma dawk  li jmexxu ‘l quddiem. Huma dawk li fuqhom tistrieħ it-tama tagħna.  In-nanniet huma dawk li jfakkru fil-memorji tal-familja. Huma dawk li tawna l-fidi, dawk li ttrażmettalwna l-fidi.  Nagħtu prova tal-imħabba meta nieħdu ħsieb in-nanniet u t-tfal.   Forsi, ma nafx li din hi l-akbar prova fil-familja, imma żgur li hi l-aktar waħda promettenti, għax twiegħed futur.  Poplu li ma jafx jieħu  ħsieb it-tfal u n-nanniet hu poplu mingħajr futur, għax  la għandu  forza u lanqas memorji  li jgħinuh  jimxi ‘l quddiem.

 Il-familja hi sabiħa, imma fiha jkun hemm il-problemi wkoll.  Ġieli jkun hemm ostilita’; il-mara tiġġieled ma’ żewġha jew  inkella jħarsu lejn xulxin bl-ikrah, jew il-missier ikollu xi jgħid ma’ wliedu.... Nagħtikom parir:  qatt tħallu l-ġurnata tintemm mingħajr ma jkun hemm il-paċi fil-familja. Fil-familja ma nistgħux nispiċċaw il-ġurnata bil-ġlied.

 

Alla jberikkom. Alla jagħtikom il-forza. Alla jagħtikom il-kuraġġ biex timxu ‘l quddiem. Ejjew nieħdu ħsieb il-familja għax  fiha jinsab il-ġejjieni tagħna. Alla jberikkom, u jekk jogħġobkom itolbu għalija.

 

Għeżież ħuti,

Għeżież familji,

L-ewwelnett irrid  nirringrazzja ‘l-familji li kienu lesti jaqsmu magħna l-istorja ta’ ħajjithom. Grazzi tax-xhieda tagħkom. Dejjem hu rigal tisma’ l-familji jaqsmu l-esperjenzi ta’ ħajjithom; din hi xi ħaġa li  tassew tmiss lil qlubna. Dawn il-familji jaqsmu magħna affarijiet  personali u uniċi, imma b’ċertu mod  imissu lilna lkoll.  Waqt li nisimgħu l-esperjenzi tagħhom, inħossuna  parti minnhom, inħossu li qed jesprimu  dak li nħossu  bħala miżżewġin, ġenituri, ulied, aħwa, nanniet.

Waqt li kont qed nisma’ bdejt naħseb kemm hu importanti naqsmu  dak li ngħixu fil-ħajja tad-dar biex ngħinu lil xulxin  f’dan il-ħidma  meraviljuża u impenjattiva li “nkunu familja”.

Il-fatt li qiegħed magħkom iwassalni biex naħseb dwar wieħed mill-isbaħ misteri tal-kristjaneżmu. Alla ried li jiġi fid-dinja permezz ta’ familja. Alla ried li jkun qrib  tagħna l-bnedmin permezz ta’ familja.   Hu ried li  l-isem tiegħu  jkun “Emmanuel” ( ara Mt 1,23).  Hu  Alla magħna.   Din kienet il-ħolma tiegħu sa mill-bidu; dan kien l-għan  tiegħu u  dejjem baqa’  jagħmel  minn kollox  biex jgħidilna “Jien hu Alla magħkom, Alla għalikom”. Huwa Alla li sa mill-bidu tal-ħoqien qal: “ Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu” (Ġen2,18).  U ma’ dan aħna nistgħu  nżidu:  mhux sewwa li l-mara tibqa’ waħidha, mhux sewwa li  t-tarbija, l-anzjan, iż-żagħżagħ jibqgħu waħidhom; mhux sewwa!  Hu għalhekk li raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed (ara Ġen 2,24). It-tnejn isiru għamara waħda, isiru familja.

U sa minn dejjem, fil-fond ta’ qalbna smajna jidwu l-kliem  qawwi:  mhux sewwa li inti tibqa’ waħdek. Il-familja hija barka, hija don kbir ta’ “Alla magħna”, li ma riedx iħallina  ngħixu fis-solitudni, mingħajr ma jkollna lil ħadd, mingħajr sfidi, mingħajr il-kenn tal-familja.

Alla mhux biss joħlom, imma jfittex li jagħmel kollox “magħna”. Il-ħolma t’Alla  tkompli sseħħ fil-ħolm ta’ ħafna koppji li jaħdmu biex il-ħajja tagħhom issir il-ħajja ta’ familja.

U għalhekk  il-familja hi simbolu ħaj tal-pjan  t’imħabba li jum wieħed il-Missier ħolom  bih.   Meta tagħżel li tifforma  familja tkun qed tagħżel  li tagħmel parti mill-ħolma t’Alla, li toħlom miegħu, li tibni miegħu,  li tissieħeb miegħu fl-istorja ta’ bini ta’ dinja fejn ħadd ma jħossu waħdu, abbandunat jew  bla dar fejn joqgħod.

Bħala nsara aħna napprezzaw is-sbuħija  tal-familja u tal-ħajja  tagħha għax fiha naraw il-post fejn bil-mod il-mod  nitgħallmu  t-tifsira u l-valur tar-relazzjonijiet umani. Nitgħallmu li l-imħabba mhijiex biss sentiment qawwi, imma hi deċiżjoni, ġudizzju, wegħda (ara  Erich Fromm, L-arti tal-imħabba). Nitgħallmu  ninvestu fil-persuna l-oħra u  niskopru li dan ikun jiswa.

Ġesu’ ma kienx  għażeb,  anzi bil-kontra!  Il-Knisja kienet l-għarusa tiegħu, għamilha l-poplu tiegħu. Ta ħajtu għal dawk li kien iħobb, sabiex l-għarusa tiegħu, il-Knisja  setgħet  dejjem tkun taf  li Hu Alla magħna, il-poplu tiegħu, il-familja tiegħu.  Ma nistgħux nifhmu lil Kristu mingħajr il-Knisja tiegħu, kif ma nistgħux nifhmu l-Knisja mingħajr l-għarus tagħha Ġesu’ Kristu, li  ta ħajtu għall-imħabba tagħna,  u  li jurina li dan għandu valur.

Mhux faċli  tagħti  ħajtek għall-imħabba, li  “tinvesti kollox” għall-imħabba. Xi drabi  dan ikun ifisser  li jkollok iġorr is-salib bħalma  għamel l-Imgħallem.  Ikun hemm mumenti  fejn kollox isir diffiċli.  Qed   jiġu f’moħħi dawk il-ħafna ġenituri,  dawk il-ħafna familji  li huma bla xogħol jew inkella huma miċħuda mid-drittijiet tal-ħaddiema; dan hu tassew kalvarju. Kemm sagrifiċċji  jagħmlu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum! Tifhem li meta dawn il-ġenituri jmorru lura d-dar wara x-xogħol, l-għeja ma tħallihomx jagħtu  dak li hu  l-aħjar għal  uliedhom.

Qed naħseb f’dawk il-familji li m’għandhomx fejn joqogħdu jew inkella li joqogħdu f’kundizzjonijiet ħżiena, fil-familji  li huma nieqsa minn dak li hu bażiku biex jibnu rabtiet intimi,  mis-sigurta’ u l-kenn dwar kull xorta ta’ tfixkil. Qed naħseb f’tant familji li m’għandomx is-serviżżi  bażiċi  meħtieġa għal saħħithom; f’familji li meta jkollhom jiffaċċaw problemi ta’ saħħa, speċjalment tat-tfal u tal-anzjani, dawn ikollhom jiddependu minn sistema li ma tweġibx għal dak li jkollhom bżonn u  tittraskura t-tbatija tagħhom; dawn il-familji jkollhom jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jirċievu l-kura meħtieġa għal saħħithom.

Ebda soċjeta’ ma nistgħu nsejħulha b’saħħitha jekk ma jkunx hemm l-spażju xieraq għall-ħajja tal-familja. Ma nistgħux  ngħidu  li  soċjeta’ għandha futur  jekk din ma taħsibx għal liġijiet li kapaċi  jħarsu u jiżguraw il-ħtiġijiet bażiċi tal-familji, speċjalment  ta’ dawk li   jkunu għadhom jibdew il-ħajja  miżżewġa tagħhom. Kemm problemi  jistgħu jkunu solvuti  kieku is-soċjetajiet tagħna jipprovdu lill-familji  l-ħarsien u l-kenn li jeħtieġu,  l-aktar lill-koppji li jkunu għadhom kif jiżżewġu biex dawn ikunu jistgħu jsibu xogħol dinjituż,  post diċenti fejn joqogħdu u servizz  tas-saħħa li jakkumpanja lill-familja  f’kull fażi tal-ħajja.

Il-ħolma t’ Alla  ma tinbidilx, tibqa’  dik li hi u  għadha qed tistedinna biex  nagħtu s-seħem tagħna  għall-soċjeta’  li hi favur il-familja.  Soċjeta’ fejn “il-ħobż, frott tal-art u xogħol il-bniedem” ikun fuq il-mejda ta’ kull dar biex titmantna t-tama tal-ulied.

Ejjew ngħinu lil xulxin biex  kulħadd ikun jista’ “jinvesti” fl-imħabba. Ejjew ngħinu lil xulxin fil-waqtiet diffiċli  biex inħeffu l-piż ta’ xulxin. Ejjew nissapportjaw lil xulxin u nkunu familji li jagħtu s-sapport tagħhom lill-familji oħra.

Ma jeżistux familji perfetti, iżda dan m’ għandux  jaqtgħalna qalbna. Anzi  bil-kontra, l-imħabba hi xi ħaġa li nitgħallmuha; hi xi ħaġa li ngħixuha; l-imħabba tikber  meta  nitgħallmu “nħaddmuha”  fis-sitwazzjonijiet  tal-ħajja li kull familja tgħaddi minnhom. L-imħabba titwieled u  dejjem tiżviluppa ruħha fost dwal u dellijiet. L-imħabba sseħħ f’dawk  l-irġiel u n-nisa konkreti li ma jħallux it-tilwim ikollu l-aħħar kelma, imma li jagħmlu minnu opportunita’.   Opportunita’ biex  wieħed ifittex l-għajnuna, opportunita’ biex nistaqsu fejn nistgħu nkunu aħjar, opportunita’ biex niskopru li Alla hu magħna u qatt ma jabbandunana. Dan huwa wirt kbir, hu l-aqwa lezzjoni li nistgħu nagħtu lil uliedna:  iva aħna niżbaljaw; iva, għandna problemi; imma nafu li fl-aħħar mill-aħħar mhux dan li jgħodd. Nafu li l-iżbalji, il-problemi u t-tilwim huma opportunita’ biex nersqu aktar qrib tal-oħrajn, biex nersqu aktar qrib t’Alla.

Il-lejla nġbarna flimkien biex nitolbu,  biex nagħmlu dan bħala familja, biex nagħmlu mill-familji tagħna l-wiċċ hieni tal-Knisja. Ġejna biex niltaqgħu m’Alla li ried jiġi jgħammar fid-dinja permezz ta’ familja. Ġejna biex niltaqgħu ma’ “Alla magħna”, Alla li hu dejjem fostna.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard