Sur President, Sinjuri, l-għodwa t-tajba!

 

Għal darb’oħra, fil-linja ta’ tradizzjoni li biha nħossni onorat, is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda stieden lill-Papa jindirizza din l-onorevoli assemblea tal-ġnus.  F’ismi u f’isem il-komunità Kattolika kollha, Sur Ban Ki-moon, nixtieq nesprimi r-rikonoxxenza l-aktar sinċiera ħierġa minn qalbi; nirringrazzjak ukoll għall-kelmtejn ġentili tiegħek.  Insellem ukoll lill-Kapijiet ta’ l-Istat u tal-Gvern hawn preżenti, l-Ambaxxaturi, id-diplomatiċi u l-funzjonarji politiċi u tekniċi li għandhom magħhom, il-personal tal-Ġnus Magħquda impenjat f’din is-Sebgħin Sessjoni ta’ l-Assemblea Ġenerali, il-personal tal-programmi u l-aġenziji kollha tal-familja tal-Ġnus Magħquda u dawk kollha li b’xi mod jew ieħor qed jieħdu sehem f’din il-laqgħa.  Permezz tagħkom insellem ukoll liċ-ċittadini tal-pajjiżi kollha rrappreżentati f’din il-laqgħa.  Grazzi ta’ l-isforzi ta’ kulħadd u ta’ kull wieħed u waħda għall-ġid ta’ l-umanità.

 

Din hi l-ħames darba li Papa qed iżur il-Ġnus Magħquda.  Dan għamluh il-predeċessuri tiegħi Pawlu VI fl-1965, Ġwanni Pawlu II fl-1979 u fl-1995, u l-predeċessur immedjat tiegħi, il-lum il-Papa emeritu Benedittu XVI, fl-2008.  Dawn kollha ma naqsux milli jtennu espressjonijiet ta’ rikonoxximent għall-Organizzazzjoni, huma u jqisuha bħala t-tweġiba ġuridika u politika li tixraq lill-mument storiku li qed ngħixu, żmien li fih, grazzi għat-teknoloġija, qed naraw jingħelbu d-distanzi u l-fruntieri u, mid-dehra, kull limitazzjoni naturali għall-affermazzjoni tal-poter.  Tweġiba essenzjali, ladarba l-poter teknoloġiku, f’idejn ideoloġiji nazzjonalistiċi jew taparsi universalistiċi, għandu l-ħila jipproduċi attroċitajiet tremendi.  Ma nistax ħlief nassoċja ruħi ma’ l-apprezzament tal-predeċessuri tiegħi, waqt li nisħaq mill-ġdid fuq l-importanza li l-Knisja Kattolika tara f’din l-istituzzjoni u t-tamiet li tqiegħed fil-ħidmiet tagħha.

 

L-istorja tal-komunità organizzata ta’ l-Istati, irrappreżentata mill-Ġnus Magħquda, li f’dawn il-jiem qed tfakkar is-sebgħin anniversarju tagħha, hi storja ta’ suċċessi komuni importanti, f’perjodu ta’ aċċellerazzjoni rari tal-ġrajjiet.  Bla ma nippretendi li nkopri kollox, nista’ nsemmi l-kodifikazzjoni u l-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, it-tiswir ta’ liġi internazzjonali tad-drittijiet umani, il-perfezzjonament tad-dritt umanitarju, is-soluzzjoni għal ħafna kunflitti u operazzjonijiet ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni, u tant kisbiet oħra fl-oqsma kollha tal-qafas internazzjonali ta’ l-attivitajiet umani.  Dawn il-kisbiet kollha huma dwal f’kuntrast mad-dalma tad-diżordni kkawżata mill-ambizzjonijiet bla kontroll u mill-egoiżmi kollettivi.  Ċertament li għadhom ħafna l-problemi gravi li għadhom ma ssolvewx, imma hu wkoll evidenti li kieku ma kienx hemm din l-attività internazzjonali kollha, l-umanità kienet tkun f’riskju li tintemm frott l-użu bla kontroll ta’ l-istess potenzjalitajiet tagħha.  Kull wieħed minn dawn il-progressi politiċi, ġuridiċi u teknoloġiċi jirrappreżenta mixja ta’ twettiq ta’ l-ideal tal-fraternità umana u mezz għat-twettiq akbar tagħha.

 

Għalhekk insellem lill-irġiel u nisa kollha li b’lealtà u sagrifiċċju qdew lill-umanità kollha tul dawn is-sebgħin sena.  B’mod partikulari, nixtieq infakkar il-lum lil dawk li taw ħajjithom għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni tal-popli, ibda minn Dag Hammarskjöld sa l-għadd ta’ funzjonarji f’kull livell, li mietu waqt il-missjonijiet umanitarji ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni.

 

L-esperjenza ta’ dawn is-sebgħin sena, lil hemm minn dak kollu li nkiseb, turi li r-riforma u l-adattament għaż-żminijiet huma dejjem meħtieġa, biex hekk wieħed jimxi ’l quddiem lejn l-għan aħħari li jagħti lil kull pajjiż, bla eċċezzjoni, sehem u effetti reali u ndaqs fid-deċiżjonijiet.  Din il-ħtieġa ta’ ugwaljanza akbar, tgħodd b’mod speċjali għall-organi b’kapaċità eżekuttiva effettiva, bħalma huma l-Kunsill tas-Sigurtà, l-Aġenziji finanzjarji u l-gruppi jew mekkaniżmi maħluqa speċifikament biex jaffrontaw il-kriżijiet ekonomiċi.  Dan jgħin biex nillimtaw kull xorta ta’ abbuż jew użura speċjalment fil-konfront tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.  L-aġenziji finanzjarji internazzjonali għandhom ifittxu l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi u biex jevitaw is-sottomissjoni ta’ dawn il-pajjiżi għal sistemi ta’ self li jispiċċaw jifgawhom, ’il bogħod sew milli jippromovu l-progress, għax jispiċċaw ijassru ’l-popli taħt mekkaniżmi ta’ faqar, esklużjoni u dipendenza ikbar.

 

Xogħol il-Ġnus Magħquda, skond l-istess prinċipji fil-Preambolu u l-ewwel artikli tal-Karta kostituzzjonali tagħha, nistgħu nħarsu lejh bħala l-iżvilupp u l-promozzjoni tas-sovranità tal-liġi, fl-għarfien li l-ġustizzja hi rekwiżit indispensabbli biex wieħed jista’ jwettaq l-ideal tal-fraternità universali.  F’dan il-kuntest, jixraq hawn infakkru li l-limitazzjoni tal-poter hi idea li l-istess kunċett tal-liġi jimplika.  Li nagħtu lil kull wieħed dak li hu tiegħu, skond id-definizzjoni klassika tal-ġustizzja, ifisser li l-ebda individwu jew grupp ta’ bnedmin ma jista’ jqis ruħu omnipotenti, awtorizzat biex iżeblaħ id-dinjità jew id-drittijiet tal-persuni singoli l-oħra jew tal-gruppi soċjali.  It-tqassim effettiv tal-poter (politiku, ekonomiku, militari, teknoloġiku, u l-bqija…) bejn pluralità ta’ suġġetti u l-ħolqien ta’ sistema ġuridika ta’ regolamentazzjoni ta’ drittijiet u interessi, iwettaq il-limitazzjoni tal-poter.  Madankollu, il-lum il-panorama dinjija tippreżentalna ħafna drittijiet foloz, u – fl-istess waqt – oqsma wiesgħa bla ebda protezzjoni, vittmi pjuttost ta’ tħaddim ħażin tal-poter: l-ambjent naturali u d-dinja vasta ta’ nisa u rġiel imwarrba.  Żewġ oqsma li huma marbuta sfiq ma’ xulxin, li r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi prevalenti fi żmienna bidluhom f’żewġ partijiet dgħajfa tar-realtà.  Għalhekk hu meħtieġ nisħqu bil-qawwa kollha fuq id-drittijiet tagħhom, billi nsaħħu l-ħarsien ta’ l-ambjent u nġibu fi tmiemha kull xorta ta’ esklużjoni.

 

Qabel xejn jeħtieġ naffermaw li jeżisti tabilħaqq “dritt ta’ l-ambjent” għal raġuni doppja.  L-ewwel nett, għax bħala bnedmin aħna nagħmlu parti mill-ambjent.  Qed ngħixu f’komunjoni miegħu, għax l-ambjent innifsu jġib miegħu limiti etiċi li l-azzjoni umana għandha tagħraf u tirrispetta.  Il-bniedem, anki jekk hu mżejjen b’“ħiliet oriġinali” li “huma xhieda ta’ singularità li tittraxxendi l-ambitu fiżiku u bijoloġiku” (Enċiklika Laudato sì, 81), hu fl-istess waqt parti minn dan l-ambjent.  Għandu ġisem imsawwar minn elementi fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi, u jista’ jgħix u jikber biss jekk l-ambjent ekoloġiku jippermettilu li jagħmel dan.  Għalhekk, kull ħsara lill-ambjent hi ħsara lill-bniedem.  It-tieni nett, għax l-ebda ħlejqa, speċjalment il-ħlejjaq ħajjin, m’għandha valur fiha nfisha, ta’ eżistenza, ta’ ħajja, ta’ ġmiel u ta’ interdipendenza mal-ħlejjaq l-oħra.  Aħna l-Insara, flimkien mar-reliġjonijiet monoteisti l-oħra, nemmnu li l-univers hu frott ta’ deċiżjoni ta’ mħabba tal-Ħallieq, li tagħti lill-bniedem li b’rispett jinqeda bil-ħolqien għall-ġid ta’ ħutu u għall-glorja tal-Ħallieq, mingħajr, imma, ma jabbuża minnu u inqas u inqas ma hu awtorizzat jeqirdu.  Għar-reliġjonijiet kollha l-ambjent hu ġid fundamentali (ara ibid., 81).

 

L-abbuż u l-qerda ta’ l-ambjent, fl-istess ħin, huma marbutin mal-proċess kontinwu ta’ esklużjoni.  Fil-fatt, ix-xenqa egoistika u bla limiti għall-poter u l-ġid materjali twassal kemm biex wieħed jabbuża mill-mezzi materjali disponibbli u kemm biex jeskludi lid-dgħajfin u dawk li għandhom ħiliet inqas, sew jekk għax għandhom ħiliet differenti (xi diżabbiltà), sew jekk għax huma mċaħħdin mill-għarfien u l-għodda teknika adegwata jew m’għandhomx biżżejjed ħila biex jieħdu ċerti deċiżjonijiet politiċi.  L-esklużjoni ekonomika u soċjali qiegħda ċċaħħad b’mod totali lill-bnedmin milli jgħixu bħal aħwa u hi attentat gravi ħafna kontra d-drittijiet umani u fuq l-ambjent.  L-iktar foqra huma dawk li qed ibatu l-iżjed minn dawn l-attentati, u dan għal raġuni serja waħda fi tlieta: qed tarmihom is-soċjetà, fl-istess ħin huma mġiegħla jgħixu fuq dak li jintrema, u jkollhom inġustament ibatu l-konsegwenzi ta’ l-abbuż mill-ambjent.  Dawn il-fenomeni l-lum isawru l-“kultura ta’ l-iskart”, li hi tant mifruxa u qed tissokta tissaħħaħ bla skruplu ta’ xejn.

 

It-traġedja f’din is-sitwazzjoni kollha ta’ esklużjoni u ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza, bil-konsegwenzi ċari tagħha, twassalni biex, flimkien mal-poplu Nisrani kollu u ma’ tant oħrajn, nagħraf ir-responsabbiltà għolja li jien stess għandi f’dan ir-rigward, u għalhekk ngħolli leħni, flimkien ma’ dak ta’ dawk kollha li qed jittamaw f’soluzzjonijiet urġenti u effikaċi.  L-adozzjoni ta’ l-“Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli” fis-Summit dinji li sa jibda l-lum stess, hi sinjal importanti ta’ tama.  Nittama wkoll li l-Konferenza ta’ Pariġi dwar il-bidla fil-klima twassal għal ftehim fundamentali u effettiv.

 

Madankollu, m’humiex biżżejjed l-impenji li wieħed jieħu b’mod solenni, anki jekk ċertament huma pass meħtieġ lejn is-soluzzjoni tal-problemi.  Id-definizzjoni klassika ta’ ġustizzja li għaliha rriferejt qabel għandha bħala element essenzjali rieda kostanti u dejjiema: Iustitia est constans et perpetua voluntas ius suum cuique tribuendi.  Id-dinja mill-mexxejja kollha qed titlob bil-qawwa kollha rieda effettiva, prattika, kostanti, magħġuna minn passi konkreti u miżuri immedjati, biex jiġi ppreservat u mtejjeb l-ambjent naturali u jintrebaħ il-lum qabel għada l-fenomenu ta’ l-esklużjoni soċjali u ekonomiku, bil-konsegwenzi koroh tiegħu bħalma huma t-traffikar ta’ bnedmin, il-kummerċ ta’ l-organi u tessuti umani, l-abbuż sesswali tat-tfal, ix-xogħol sfurzat, inkluża l-prostituzzjoni, it-traffikar tad-drogi u l-armi, it-terroriżmu u l-krimini internazzjonali organizzat.  Huma hekk kbar dawn is-sitwazzjonijiet u l-għadd ta’ ħajjiet innoċenti milquta, li għandna nevitaw kull tentazzjoni li naqgħu fin-nominaliżmu deklamatorju li jipprova jsikket il-kuxjenzi.  Jeħtieġ naraw li l-istituzzjonijiet tagħna jkunu tabilħaqq effikaċi fil-ġlieda kontra dawn il-flaġelli kollha.

 

L-għadd ta’ problemi u l-kumplessità tagħhom jitolbu minna li ninqdew bi strumenti teknoloġiċi biex inkejluhom.  Dan, imma, iġib miegħu periklu doppju: li nillimitaw ruħna għall-eżerċizzju burokratiku li noqogħdu nagħmlu listi twal ta’ proposti tajbin – miri, objettivi u indikazzjonijiet statistiċi –, jew li nemmnu li soluzzjoni waħda teorika minn qabel tista’ twieġeb għall-isfidi kollha.  Ma rridux, fl-ebda ħin, ninsew li l-azzjoni politika u ekonomika, hi effikaċi biss meta tiġi mifhuma bħala attività prudenzjali, immexxija minn kunċett wieħed ta’ ġustizzja li jżomm dejjem li, qabel u lil hemm mill-pjanijiet u l-programmi, hemm irġiel u nisa konkreti, ugwali għal min imexxi, li qed jgħixu, jissieltu u jbatu, u li ħafna drabi huma mġiegħla jgħixu fil-miżerja, imċaħħda minn kull jedd.

 

Biex dawn l-irġiel u nisa konkreti jistgħu jitwarrbu mill-faqar estrem, jeħtieġ inħalluhom ikunu atturi denji ta’ l-istess destin tagħhom.  L-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u t-tħaddim sħiħ tad-dinjità tiegħu ma jistgħux jiġu imposti.  Iridu jinbnew u jitwettqu minn kull persuna, minn kull familja, f’komunjoni mal-bnedmin l-oħra u f’relazzjoni tajba ma’ l-ambjenti kollha li fihom tiżviluppa s-soċjetà umana – ħbieb, komunitajiet, irħula u kunsilli lokali, skejjel, negozji u trejdunjins, provinċji, pajjiżi, u l-bqija.  Dan jissupponi u jesiġi d-dritt għat-tagħlim – anki lill-bniet (esklużi f’xi postijiet) – li nistgħu niżgurawh qabel xejn billi nirrispettaw u nsaħħu d-dritt ewlieni tal-familja li teduka u d-dritt tal-Knejjes u ta’ l-għaqdiet soċjali li jwieżnu u jikkollaboraw mal-familji fl-edukazzjoni ta’ wliedhom.  L-edukazzjoni, jekk narawha b’dan il-mod, hi l-bażi għat-twettiq ta’ l-Aġenda 2030 u għat-tisħiħ ta’ l-ambjent.

 

Fl-istess waqt, il-mexxejja tal-popli għandhom jagħmlu minn kollox biex kulħadd jista’ jagħmel użu mill-bażi minima materjali u spiritwali biex id-dinjità tagħhom issir effettiva u biex isawru u jżommu familja, li hi ċ-ċellula primarja ta’ kull żvilupp soċjali.  Dan il-minimu assolut, fuq livell materjali, għandu tliet ismijiet: dar, xogħol u art; u isem fuq livell spiritwali: libertà ta’ l-ispirtu, li tiġbor taħtha l-libertà reliġjuża, id-dritt għall-edukazzjoni u d-drittijiet ċivili l-oħra kollha.

 

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-iżjed kejl u indikatur sempliċi u xieraq għat-twettiq ta’ l-Aġenda ġdida għall-iżvilupp hu l-aċċess effettiv, prattiku u immedjat, għal kulħadd, għall-ġid materjali u spiritwali indispensabbli: post tajjeb fejn wieħed jgħix, xogħol dinjituż u mħallas kif suppost, ikel xieraq u ilma tajjeb għax-xorb; libertà reliġjuża u, b’mod iżjed ġenerali, libertà ta’ l-ispirtu u edukazzjoni.  Fl-istess waqt, dawn il-pilastri ta’ l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem għandhom fundament komuni, li hu d-dritt għall-ħajja, u, f’sens usa’, dak li nistgħu nsejħulu d-dritt ta’ l-istess natura umana għall-eżistenza.

 

Il-kriżi ekoloġika, flimkien mal-qerda ta’ parti sew mill-bijodiversità, tista’ tipperikola l-eżistenza nfisha ta’ l-ispeċi umana.  Il-konsegwenzi traġiċi ta’ tmexxija ħażina ta’ l-ekonomija dinjija, immexxija biss mill-ambizzjoni tal-profitt u tal-poter, għandhom isejħu għal riflessjoni serja fuq il-bniedem: “Il-bniedem ma joħloqx lilu nnifsu waħdu.  Hu ruħ u rieda, imma wkoll natura” (Benedittu XVI, Diskors lill-Parlament tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, 22 ta’ Settembru 2011; ikkwotat fl-Enċiklika Laudato sì, 6).  Il-ħolqien jisfa kompromess “fejn aħna nsiru l-aħħar kelma […].  U l-ħela tal-ħolqien jibda meta ma nagħrfu l-ebda awtorità fuqna, imma naraw biss lilna nfusna” (Id, Laqgħa mal-Kleru tad-Djoċesi ta’ Bolzano-Bressanone, 6 ta’ Awwissu 2008, ikkwotata ibid.).  Għalhekk, il-ħarsien ta’ l-ambjent u l-ġlieda kontra l-esklużjoni jesiġu l-għarfien ta’ liġi morali mnaqqxa fl-istess natura tal-bniedem, li tiġbor ukoll fiha d-distinzjoni naturali bejn raġel u mara (ara Enċiklika Laudato sì, 155) u r-rispett assolut lejn il-ħajja fil-fażijiet u d-dimensjonijiet kollha tagħha (ara ibid., 123; 136).

 

Mingħajr l-għarfien ta’ ċerti limiti etiċi naturali li ma jistgħux jingħelbu u mingħajr it-twettiq immedjat ta’ dawn il-pilastri ta’ l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem, l-idea li “insalvaw il-ġenerazzjonijiet futuri mill-flaġell tal-gwerra” (Karta tal-Ġnus Magħquda, Preambolu) u li “nippromovu l-progress soċjali u livell ogħla tal-ħajja fi ħdan libertà usa’” (ibid.), jirriskja li jsir illużjoni li qatt ma nistgħu nilħqu jew, agħar u agħar, kliem vojt li jservi biss bħala skuża għal kull abbuż u korruzzjoni, u biex jippromovi kolonizzazzjoni ideoloġika waqt li jimponi mudelli u stili ta’ ħajja anomali li huma barranin għall-identità tal-popli u, fl-aħħar mill-aħħar, irresponsabbli.

 

Il-gwerra ċċaħħad lill-bniedem minn kull dritt u hi aggressjoni traġika fuq l-ambjent.  Jekk irridu żvilupp uman awtentiku għal kulħadd, jeħtieġ nimxu bla ma negħjew fl-impenn li nevitaw il-gwerra bejn il-pajjiżi u bejn il-ġnus.

 

Għal dan il-għan, jeħtieġ niżguraw id-dominju waħdieni tal-liġi u nirrikorru kontinwament għall-innegozjar, il-medjazzjoni u l-arbitraġġ, kif proposti mill-Karta tal-Ġnus Magħquda, tabilħaqq norma ġuridika fundamentali.  L-esperjenza tas-sebgħin sena ta’ ħajja tal-Ġnus Magħquda, b’mod ġenerali, u b’mod partikulari l-esperjenza ta’ l-ewwel ħmistax-il sena tat-tielet millennju, jixhdu kemm għall-effikaċja tat-tħaddim sħiħ tan-normi internazzjonali u kemm għall-ineffikaċja tan-nuqqas ta’ tħaddim tagħhom.  Jekk nirrispettaw u napplikaw il-Karta tal-Ġnus Magħquda bi trasparenza u sinċerità, mingħajr fini sekondarji, bħala punt ta’ riferiment obbligatorju ta’ ġustizzja u mhux bħala strument biex ngħattu intenzjonijiet ambigwi, nistgħu niksbu riżultati ta’ paċi.  Meta, għall-kuntrarju, in-norma narawha bħala strument sempliċi biex nużawh meta jaqblilna u nevitawh meta ma jaqblilniex, inkunu verament qed niftħu l-kaxxa ta’ Pandora, li minnha joħorġu qawwiet bla kontroll, li jagħmlu ħsara serja lil popli bla difiża ta’ xejn, lill-ambjent kulturali, u anki lill-ambjent bijoloġiku.

 

Il-Preambolu u l-ewwel artiklu tal-Karta tal-Ġnus Magħquda jindikawlna l-pedamenti tal-binja ġuridika internazzjonali: il-paċi, is-soluzzjoni paċifika tal-kontroversji u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-ġnus.  F’kuntrast qawwi ma’ dawn l-affermazzjonijiet, u ċċaħħdilhom il-prattika, insibu t-tendenza dejjem preżenti għat-tixrid ta’ l-armamenti, speċjalment dawk tal-qerda tal-massa kif jistgħu jkunu dawk nukleari.  Etika u liġi msejsa fuq it-theddida tal-qerda reċiproka – u potenzjalment tal-bnedmin kollha – huma kuntradittorji u jeħduha kontra l-istess qafas li fuqu mibnija l-Ġnus Magħquda, li hekk jispiċċaw “Ġnus magħquda mill-biża’ u min-nuqqas ta’ fiduċja”.  Irridu nħabirku għal dinja bla armi nukleari, billi napplikaw b’mod sħiħ it-Trattat kontra ż-żieda ta’ l-armamenti, kemm fl-ittra u kemm fl-ispirtu, sa ma naslu biex nipprojbixxu għal kollox dawn l-istrumenti.

 

Il-qbil riċenti fuq il-kwistjoni nukleari fir-reġjun sensittiv ta’ l-Asja u tal-Lvant Nofsani, hu prova li jista’ jkun hemm rieda tajba politika u leġislattiva, imrawma b’sinċerità, sabar u perseveranza.  Nittama jien ukoll li dan il-ftehim ikun fit-tul u jħalli l-effetti u l-frott mixtieq bil-kollaborazzjoni tal-partijiet kollha involuti.

 

F’dan is-sens, ma jonqsux provi gravi tal-konsegwenzi negattivi ta’ interventi politiċi u militari mhux ikkordinati bejn il-membri tal-komunità internazzjonali.  Għalhekk, imqar jekk nixtieq li m’għandix għalfejn nagħmel dan, ma nistax ma nisħaqx fuq is-sejħat imtennija tiegħi f’rabta mas-sitwazzjoni ta’ swied il-qalb fil-Lvant Nofsani kollu, fl-Afrika ta’ Fuq u f’pajjiżi oħra Afrikani, fejn l-Insara, flimkien ma’ gruppi kulturali u etniċi oħra u anki flimkien ma’ dik il-parti tal-membri tar-reliġjon fil-maġġoranza li ma jridux ikunu parti mill-mibegħda u l-ġenn, ġew imġiegħla jixhdu għall-qerda ta’ l-imkejjen tagħhom tal-kult, tal-wirt kulturali u reliġjuż tagħhom, tad-djar u l-propjetajiet tagħhom, bl-unika alternattiva quddiemhom tkun dik li jaħarbu jew li jħallsu x-xewqa tagħhom għall-ġid u l-paċi b’ħajjithom stess jew bl-iskjavitù.

 

Dawn ir-realtajiet għandhom iwasslu għal sejħa serja għal eżami tal-kuxjenza minn dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jmexxu l-affarijiet internazzjonali.  Mhux biss fil-każi ta’ persekuzzjoni reliġjuża jew kulturali, imma f’kull sitwazzjoni ta’ kunflitt, bħal fl-Ukrajna, fis-Sirja, fl-Iraq, fil-Libja, fis-Sudan ta’ Isfel u fir-reġjun tal-Great Lakes, qabel l-interessi partikulari, anki jekk leġittimi, jiġu wċuħ tad-demm u l-laħam.  Fil-gwerer u fil-kunflitti hemm persuni, ħutna, irġiel u nisa, żgħażagħ u anzjani, tfal li qed jibku, ibatu u jmutu.  Bnedmin li saru materjal għar-rimi waqt li aħna m’aħna nagħmlu xejn ħlief niġbru listi tal-problemi, strateġiji u diskussjonijiet.

 

Kif tlabt lis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fl-ittra tiegħi tad-9 ta’ Awwissu 2014, “l-għarfien l-iżjed bażiku tad-dinjità umana [jobbliga] lill-komunità internazzjonali, b’mod partikulari permezz tan-normi u l-mekkaniżmi tal-liġi internazzjonali, li tagħmel dak kollu possibbli biex twaqqaf u żżomm milli sseħħ iktar vjolenza sistematika kontra l-minoranzi etniċi u reliġjużi” u biex tħares lill-popolazzjonijiet innoċenti.

 

F’din il-linja wkoll nixtieq insemmi tip ieħor ta’ kunflitt, mhux dejjem hekk ċar imma li fis-skiet qed iwassal għall-mewt ta’ miljuni ta’ persuni.  Xort’oħra ta’ gwerra li qed jgħixu ħafna mis-soċjetajiet tagħna bil-fenomenu tat-traffikar tad-droga.  Gwerra li qed “nissaportuha” u ftit li xejn qed niġġeldulha.  It-traffikar tad-drogi mill-istess natura tiegħu jmur id f’id mat-traffikar tal-persuni, mal-ħasil tal-flus, mat-traffikar ta’ l-armi, ma’ l-abbuż tat-tfal u ma’ xorta oħra ta’ korruzzjoni.  Korruzzjoni li daħlet fid-diversi livelli tal-ħajja soċjali, politika, militari, artistika u reliġjuża, u f’ħafna każi ħolqot struttura parallela li qed tipperikola l-kredibbiltà ta’ l-istituzzjonijiet tagħna.

 

Ftaħt dan l-intervent tiegħi billi fakkart iż-żjarat tal-predeċessuri tiegħi.  Issa nixtieq, b’mod partikulari, li kliemi jkun bħal kontinwazzjoni ta’ l-aħħar kelmiet fid-diskors ta’ Pawlu VI, imlissen hawn kważi ħamsin sena ilu, imma li għandhom valur dejjiemi.  “Issa s-siegħa li nimponu waqfa, mument ta’ ġabra, ta’ riflessjoni, kważi ta’ talb: jiġifieri, biex nerġgħu naħsbu fl-għeruq komuni tagħna, fl-istorja tagħna, fid-destin komuni tagħna.  Qatt daqs il-lum […] ma kien daqshekk meħtieġ l-appell lill-kuxjenza morali tal-bniedem [għax] il-periklu m’hux ġej la mill-progress u lanqas mix-xjenza: anzi, dawn, jekk imħaddma tajjeb, jistgħu jsolvu ħafna mill-problemi gravi li qed jaħbtu għall-bniedem” (Diskors lir-Rappreżentanti ta’ l-Istati, 4 ta’ Ottubru 1965).  Fost ħwejjeġ oħra, bla dubju, il-ġenju uman, jekk ninqdew bih tajjeb, jista’ jgħin biex insolvu l-isfidi kbar tat-tħarbit ekoloġiku u ta’ l-esklużjoni.  Nissokta fi kliem Pawlu VI: “Il-periklu veru jinsab fil-bniedem, sid ta’ strumenti dejjem iżjed b’saħħithom, li bihom ħsiebu biex jeqred u jagħmel konkwisti ogħla!” (ibid.).

 

Id-dar komuni tal-bnedmin kollha jeħtieġ tkompli togħla wieqfa fuq għarfien tajjeb tal-fraternità universali u fuq ir-rispett lejn il-qdusija ta’ kull ħajja umana, ta’ kull raġel u ta’ kull mara; tal-foqra, ta’ l-anzjani, tat-tfal u t-trabi, tal-morda, ta’ dawk li għadhom ma twildux, tal-qiegħda, ta’ l-imwarrbin, ta’ dawk li jiġu ġġudikati bħala skart għax m’humiex meqjusa iżjed minn numri ta’ din jew dik l-istatistika.  Id-dar komuni tal-bnedmin kollha jeħtieġ tinbena wkoll fuq l-għarfien ta’ ċerta qdusija tan-natura maħluqa.

 

Dan l-għarfien u rispett jitolbu grad ogħla ta’ għerf, li jaċċetta t-traxxendenza – dik tiegħu nnifsu –, ma jaċċettax it-tiswir ta’ elitiżmu li jista’ kollox, u jifhem li s-sens sħiħ tal-ħajja individwali u kollettiva jinsab fis-servizz diżinteressat lejn l-oħrajn u fl-użu prudenti u kollu rispett tal-ħolqien, għall-ġid komuni.  Biex intenni kliem Pawlu VI, “il-binja taċ-ċiviltà moderna għandha titwaqqaf fuq prinċipji spiritwali, li mhux biss jistgħu jweżnuha, imma anki jdawluha u jagħtuha l-ħajja” (ibid.).

 

El Gaucho Martín Fierro, ktieb klassiku tal-letteratura ta’ art twelidi, jgħanni hekk: “Ħa jkunu magħquda l-aħwa, għax din l-ewwel liġi.  Ħa jkollhom għaqda vera bejniethom f’kull żmien, għax jekk jiġġieldu bejniethom, jibilgħuhom dawk ta’ barra”.

 

Id-dinja ta’ żmienna fejn minn barra kollox jidher ikkollegat, għaddejja minn tifrik soċjali kontinwu, dejjem jikber u jiżdied, li qed jipperikola “kull fundament tal-ħajja soċjali” u għalhekk “jispiċċa biex iġibna wieħed kontra l-ieħor, moħħna kif ħa naqbżu għall-interessi personali tagħna” (Enċiklika Laudato sì, 229).

 

Iż-żmien li qed ngħixu fih jistedinna nfittxu azzjonijiet li jistgħu jnisslu dinamiżmi ġodda fis-soċjetà u jħallu l-frott tagħhom fi ġrajjiet storiċi importanti u pożittivi (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 223).

 

Ma nistgħux iżjed nipposponu “ċerti aġendi” għall-futur.  Il-futur qed jitlob minna deċiżjonijiet kritiċi u globali f’wiċċ il-kunflitti dinjija li qed iżidu l-għadd ta’ dawk esklużi u fil-bżonn.

 

Il-binja ġuridika internazzjonali ta’ l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda u l-ħidmiet tagħha, li hi ta’ min ifaħħarha, u li, bħal kull opra oħra umana, dejjem tista’ titjieb, imma, fl-istess waqt, hi tant meħtieġa, tista’ tkun rahan ta’ futur fiż-żgur u hieni għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.  Tista’ tkun hekk jekk ir-rappreżentanti ta’ l-Istati jagħrfu jwarrbu għall-ġenb l-interessi settorjali u l-ideoloġiji u sinċerament ifittxu s-servizz lill-ġid komuni.  Nitlob lil Alla li jista’ kollox li jkun hekk, u niżgurakom mill-appoġġ tiegħi, mit-talb tiegħi u l-appoġġ u t-talb tal-fidili kollha tal-Knisja Kattolika, biex din l-Istituzzjoni, l-Istati membri kollha tagħha u kull wieħed u waħda mill-funzjonarji tagħha, jagħtu dejjem servizz effikaċi lill-bnedmin, servizz f’rispett lejn id-differenzi u li, għall-ġid komuni, jagħraf joħroġ l-aħjar minn kull poplu u minn kull ċittadin.  Alla jberikkom ilkoll!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard