Inħossni grat ħafna għall-istedina li għamiltuli biex nindirizza lil din l-Assemblea Plenarja tal-Kungress “fl-art tal-ħielsa u d-dar tal-qalbiena”.  Jogħġobni naħseb li dan sar għax jiena wkoll iben ta’ dan il-kontinent kbir, li minnu aħna lkoll irċevejna ħafna u li lejh, ilkoll flimkien, għandna responsabbiltà.

Kull iben jew bint nazzjon partikolari għandhom missjoni, responsabbiltà personali u soċjali.  Ir-responsabbiltà propja tagħkom bħala membri tal-Kungress hi li tħallu lil dan il-pajjiż, bis-saħħa tal-ħidma leġiżlattiva tagħkom, jikber bħala nazzjon.  Intom il-wiċċ ta’ dan il-poplu, ir-rappreżentanti tiegħu.  Intom imsejħin biex tħarsu u tiggarantixxu d-dinjità taċ-ċittadini sħabkom billi taħdmu mingħajr heda favur dak li jitlob minnkom il-ġid komuni, li hu l-għan ta’ kull politika.

Soċjetà politika tisboq iż-żmien meta bħala vokazzjoni, tagħmel ħilitha kollha biex tissodisfa l-ħtiġijiet komuni billi tistimola t-tkabbir tal-membri kollha tagħha, speċjalment dawk li jinsabu f’sitwazzjoni mill-aktar dgħajfa jew f’riskju.  L-attività leġiżlattiva hi dejjem ibbażata fuq il-kura tal-persuni.  Għal dan intom mistednin, imsejħin u mlaqqgħin minn dawk li eleġġewkom.

Ix-xogħol tagħkom iġegħelni nirrifletti fuq il-figura ta’ Mosè minn żewġ aspetti.  Min-naħa, il-Patrijarka u leġiżlatur tal-poplu ta’ iżrael jissimboliżża l-ħtieġa tal-popli li jżommu ħaj is-sens tal-għaqda bl-istrumenti ta’ leġiżlazzjoni ġusta.  Min-naħa l-oħra, il-figura ta’ Mosè tmexxina direttament lejn Alla u għalhekk lejn id-dinjità traxxendenti tal-persuna umana.  Mosè joffrilna sintesi tajba tal-ħidma tagħkom: minnkom hu mitlub li tipproteġu, bl-istrumenti tal-liġi, ix-xbieha u x-xebħ magħġunin minn Alla fuq kull wiċċ uman.

Illum irrid nindirizza mhux biss lilkom, imma permezz tagħkom lill-poplu kollu tal-Istati Uniti.  Hawnhekk, flimkien mar-rappreżentanti tiegħu, irrid nieħu l-okkażjoni biex niddjaloga mal-eluf kbar li ta’ kuljum jagħmlu ħilithom kollha biex ta’ kuljum jagħtu l-ġurnata tax-xogħol tagħhom bl-onestà ħalli jkunu jistgħu jieħdu l-ħobża ta’ kuljum id-dar, ifaddlu xi ħaġa – pass wara pass – biex jibnu ħajja aħjar għall-familji tagħhom.  Huma rġiel u nisa li t-taħbit ta’ ras tagħhom mhux biss biex iħallsu t-taxxi, imma li bil-mod li ma jidhirx karatteristiku tagħhom, isostnu l-ħajja tas-soċjetà.  Jiġġeneraw is-solidarjetà bl-attivitajiet tagħhom u joħolqu organiżżazzjonijiet li jagħtu daqqa t’id lil min ikun l-aktar fil-bżonn.

Nixtieq nidħol fi djalogu wkoll mal-għadd kbir ta’ persuni anzjani li huma għajn ta’ għerf imsawwar mill-esperjenza u li, b’ħafna manjieri, speċjalment bi-ħidma fil-volontarjat, jippruvaw jaqsmu mal-oħrajn l-istejjer tagħhom u l-esperjenzi tagħhom.  Naf li ħafna minnhom huma pensjonanti, li iżda baqgħu attivi u għadhom qed ikomplu jimpenjaw ruħhom biex jibnu dan il-pajjiż.  Nixtieq niddjaloga wkoll maż-żgħażagħ kollha fl-impenn tagħhom biex jaslu għall-kisba tal-aspirazzjonjijiet kbar u nobbli tagħhom, żgħażagħ li ma jitilfux id-direzzjoni mogħmija minn proposti superfiċjali imma li għandhom quddiemhom sitwazzjonijiet diffiċli, spiss riżultat tal-immaturità ta’ ħafna adulti.  Irrid niddjaloga magħkom ilkoll u nixtieq nagħmel dan permezz tal-memorja storika tal-poplu tagħkom.

Iż-żjara tiegħi ħabtet f’mument li fih irġiel u nisa ta’ rieda tajba qed jiċċelebraw l-anniversarji ta’ xi Amerikani kbar.  Minkejja l-kumplessità tal-istorja u r-realtà tad-dgħjufija umana, dawn l-irġiel u nisa, bid-differenzi kollha ta’ bejniethom u l-limiti tagħhom, kellhom ħila bil-ħidma iebsa tagħhom u s-sagrifiċċju personali – uħud billi ssagrifikaw ħajjithom stess – jibnu futur aħjar.  Taw forma lill-valuri fundamentali li jibqgħu għal dejjem fl-ispirtu tal-poplu Amerikan.  Poplu li għandu dan l-ispirtu jista’ jgħaddi minn bosta kriżijiet, tensjonijiet u kunflitti waqt li xorta jibqa’ jsib il-forza biex jibqa’ miexi ‘l quddiem u jagħmel hekk bid-dinjità. Dawn l-irġiel u nisa joffrulna l-possibiltà li nħarsu u ninterpretaw ir-realtà.  Aħna u nonoraw it-tifkira tagħhom, aħna stimolati, anki fost il-kunflitti, fil-konkretezza tal-għejxien ta’ kuljum, biex nixorbu mir-riżervi kulturali l-aktar profondi tagħna.

Nixtieq insemmi erbgħa minn dawn l-Amerikani: Abraham Lincoln, Martin Luther King, Dorothy Day u Thomas Merton.

Dis-sena jaħbat il-mija u ħamsin anniversarju mill-qtil tal-President Abraham Lincoln, il-ħarries tal-libertà, li ħadem bla heda ħalli dan in-nazzjon, bil-protezzjoni ta’ Alla, jkun jista’ jikseb twelid ġdid ta’ libertà.  It-tiswir ta’ futur ħieles jirrikjedi l-imħabba lejn il-ġid komuni u kollaborazzjoni fi spirtu ta’ sussidjarjetà u solidarjetà.

Ilkoll għandna għarfien u lkoll aħna mħassbin ħafna minħabba l-qagħda politika u soċjali inkwetanti tad-dinja.  Id-dinja tagħna qed issir dejjem aktar imkien ta’ kunflitti vjolenti, mibgħeda u atroċitajiet brutali li jitwettqu saħansitra f’isem Alla u r-reliġjon.  Nafu li ebda reliġjon mhi meħlusa minn għamliet ta’ ingann individwali jew estremiżu ideoloġiku.  Dan ifisser li jeħtiġilna noqgħodu attenti b’mod partikolari għal kull forma ta’ fundamentaliżmu, kemm reliġjuż u anki ta’ kull ġeneru ieħor.  Jenħtieġ ekwilibriju delikat biex nikkumbattu l-vjolenza li titwettaq f’isem xi reliġjon, xi ideoloġija jew xi sistema ekonomiku, filwaqt li fl-istess ħin inħarsu l-libertà reliġjuża, il-libertà intellettwali u l-libertjiet individwali.  Imma hemm tentazzjoni li għandna nitħarsu minna: ir-riduzzjoniżmu sempliċistiku li jara biss “it-tajjeb u l-ħażin”, jew jekk tippreferu hekk, il-ġusti u l-midinbin.  Id-dinja kontemporanja bil-ġrieħi tagħha li jolqtu lil tant ħutna, titlob minna li naffrontaw kull għamla ta’ polariżżazzjoni li tinħalaq bejn dawn iż-żewġ oqsma.  Nafu li biex ninħelsu mill-għadu ta’ barra, nistgħu nkunu ttentati li mmantnu l-għadu intern.  L-imitazzjoni tal-mibgħeda u l-vjolenza tat-tiranni u tal-assassini hu l-aħjar mod biex neħdulhom posthom.  Din hi ħaġa li intom, bħala poplu,  tirrifjutawha.

It-tewġiba tagħna, minflok, għandha tkun waħda ta’ tama u fejqan, paċi u ġustizzja.  Hu mitlub minna li nirrikorru għall-kuraġġ u l-inteliġenza biex insolvu l-ħafna kriżijiet ekonomiċi u ġeopolitiċi tal-lum.  Saħansitra fid-dinja żviluppata l-effetti ta’ strutturi u azzjonijiet inġusti huma evidenti żżejjed.  Il-mira tal-isforzi tagħna għandha tkun li nirrestawraw il-paċi, nirmedjaw l-iżbalji, inżommu l-impenji, biex b’hekk immexxu ‘l quddiem il-ġid tal-individwi u tal-popli.  Jeħtiġilna nimxu ‘l quddiem flimkien, ħaġa waħda fi spirtu mġedded ta’ fraternità u solidarjetà, billi bil-ġenerożità nikkollaboraw għall-ġid komuni.

L-isfidi li qed naffronatw illum, jitolbu tiġdid ta’ dan l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni, li għamel tant ġid tul l-istorja tal-Istati Uniti.  Il-kumplessità, il-gravità u l-urġenza ta’ dawn l-isfidi jesiġu li aħna nużaw ir-riżorsi tagħna u t-talenti tagħna u li niddeċiedu li ngħinu lil xulxin bir-rispett lejn id-differenzi ta’ bejnietna u l-konvinzjonijiet tal-kuxjenza tagħna.

F’din l-art, id-denominazzjonijiet reliġjużi differenti taw kontribut kbir biex jibnu u jsaħħu s-soċjetà.  Hu importanti li llum, bħal fil-passat, il-leħen tal-fidi jkompli jkun mismugħ, għax hu leħen ta’ fraternità u mħabba li jfittex li joħroġ l-aħjar minn kull persuna u minn kull soċjetà.  Din il-koperazzjoni hija riżorsa qawwija ħafna fil-battalja biex ikunu eliminati l-forom globali tal-iskjavitù li nibtu minn inġustizzji gravi u li jistgħu jintgħelbu biss permezz ta’ politika ġdida u għamliet ġodda ta’ kunsens soċjali.

Hawnhekk qed naħseb dwar l-istorja politika tal-Istati Uniti, fejn id-demokrazija għandha għeruqha fl-ispirtu tal-poplu Amerikan.  Kull tip ta’ attività politika għandha sservi biex tisseddaq il-ġid tal-persuna umana u tkun mibnija fuqir-rispett tad-dinijità ta’ kull persuna. “Inqisu dawn il-veritajiet evidenti minnhom infushon, jiġifieri li l-bnedmin kollha huma maħluqin indaqs, li huma mogħnijin mill-Ħallieq tagħhom bi drittijiet inaljenabbli u fost dawn hemm hemm il-ħajja, il-libertà u t-tiftix tal-hena” (Dikjarazzjoni tal-Indipendenza, 4 ta’ Lulju, 1776).

Jekk il-politika trid tkun verament ta’ servizz għall-persuna umana, jirriżulta li m’għandhiex tkun sottomessa għas-servizz tal-ekonomija u tal-finanzi.  Minflok, il-politika hi espressjoni tal-ħtieġa li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha, li ngħixu flimkien fl-għaqda, biex magħqudin flimkien inkunu nistgħu nibnu l-akbar ġid komuni: dak ta’ komunità li tissagrifika l-interessi partikolari biex tkun tista’ taqssam, bil-ġustizzja u l-paċi, il-benefiċċji tagħha, l-interessi tagħha, il-ħajja soċjali tagħha.  Minix qed innaqqas id-diffikutajiet li dan iġib miegħu, imma rrid nagħmlilkom kuraġġ għal dan l-impenn.

Qed naħseb ukoll fil-mixja li mexa Martin Luther King mnn Selma sa Montgomerry ħamsin sena ilu bħala parti mill-kampanja biex jikseb “il-ħolma” tiegħu tad-drittijiet ċivili u politiċi sħaħ għall-Afro Amerikani.  Dik il-ħolma għandha tkompli tispirana.  Nifraħ li l-Amerika qed tkompli tkun, għal ħafna, art “tal-ħolm”.  Ħolm li jmexxi lejn l-azzjoni, il-parteċipazzjoni, l-impenn.  Ħolm li jqajjem mill-ġdid dak li hu l-aktar profond u veru li jinsab fil-ħajja tal-persuni.  Matul l-aħħar sekli, miljuni ta’ persuni waslu f’din l-art, jiġru wara l-ħolma li jibnu l-futur fil-libertà.  Aħna, ulied ta’ dan il-kontinet, ma nibżgħux mill-barranin, għax ħafna minna, darba kienu stranġieri.  Qed ngħidilkom dan bħala iben tal-emigranti għax naf li ħafna minnkom ukoll huma dixxendenti ta’ immigranti.  Traġikament, id-drittijiet ta’ dawk li kienu hawn ħafna qabilna, mhux dejjem kienu rispettati.  Għal dawk il-popli u n-nazzjonijiet tagħhom, mill-qalba tad-demokrazija Amerikana, nixtieq nafferma mill-ġdid l-istima kbira u r-rispett tiegħi.  Dawk l-ewwel kuntatti spiss kienu jkunu mqallbin u vjolenti, imma hu diffiċli tiġġudika l-passat bil-kriterji tal-preżent.  Madnakollu, meta l-istranġier li jinsab fostna jikkonsultana, m’għandnex nirrepetu d-dnubiet tal-passat.  Issa rridu niddeċiedu li ngħixu bil-mod l-aktar nobbli u ġust possibbli biex inkunu nistgħu nedukaw lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda ħalli ma jagħtux daharhom lill-”proxxmu” u lil dak kollu li aħna mdawwrin bih.  It-tiswir tan-nazzjon jitlob minna li nagħrfu li rridu nibqgħu f’relazzjoni ma’ xulxin bla ma qatt nieqfu, u nirrifjutaw il-mentalità tal-ostilità biex minflokha naddottaw sistema ta’ sussidjarjetà reċiproka fi sforz ma jaqta xejn li nagħmlu l-aħjar li nistgħu.  Jien fiduċjuż li dan nistgħu nagħmluh.

Id-dinja tagħna qed tħabbat wiċċha ma kriżi ta’ rifuġjati ta’ proporzjonijiet li qatt ma rajna bħalhom mit-tieni gwerra dinjija ‘l hawn.  Din ir-realtà tqiegħed quddiemna sfidi kbar u tpoġġi quddiemna deċiżjonijiet iebsin.  Anki f’dal-kontinent, eluf ta’ persuni jkollhom jivvjaġġaw lejn it-tramuntana bit-tama li jsibu opportunitajiet aħjar.  Mhux dan aħna ridna għal uliedna?  Ma rridux li l-għadd tagħhom ibeżżgħana, imma pjuttost, għandna narawhom bħala persuni, inħarsu lejn wiċċhom u nisimgħu l-istejjer tagħhom, filwaqt li nippruvaw inwieġbu mill-aħjar li nistgħu għas-sitwazzjonijiet tagħhom.  Irridu nevitaw it-tentazzjoni, li llum saret komuni, li niskartaw lil kull min hu problematiku. Niftakru fir-regola tad-deheb: «Agħmel ma’ ħaddieħor dak li trid li ħaddieħor jagħmel miegħek» (Mattew 7,12).

Din ir-regola tagħtina direzzjoni ċara.  Inġibu ruħna mal-oħrajn bl-istess ħerqa u kompassjoni li nixtiequ li ħaddieħor juża magħna.  Infittxu għall-oħrajn l-istess possibiltajiet li nfittxu għalina nfusna.  Ngħinu lill-oħrajn jikbru kif nixtiequ li ħaddieħor jgħin lilna.  Fi kliem ieħor, jekk irridu s-sigurtà, nagħtu s-sigurtà; jekk irridu l-ħajja, nagħtu l-ħajja; jekk irridu l-opportunitajiet, nipprovdu l-opportunitajiet.  Il-qjies li nużaw mal-oħrajn se jkun il-qjies li ż-żmien se juża magħna.  Ir-regola tad-deheb tqiegħed quddiemna wkoll il-responsabbiltà li nħarsu u niddefendu l-ħajja umana f’kull fażi tal-iżvilupp.

Sa mill-bidu tal-ministeru tiegħi, din il-konvinzjoni ġegħlitni nsostni fuq livelli differenti l-idea tat-tneħħija tal-piena tal-mewt fid-dinja kollha.  Jien konvint li din hi l-aħjar triq, għax kull waqt tal-ħajja hu sagru, kull persuna umana hi mogħnija b’dinjità inaljenabbli u s-soċjetà għandha biss x’tirbaħ jekk dawk li jkunu kundannati minħabba l-kriminalità, jkunu riabilitati.

Ftit żmien ilu, ħuti l-Isqfijiet tal-Istati Uniti ġeddew l-appell tagħhom biex tkun abolita l-piena tal-mewt.  Mhux biss nissappportjahom imma noffri wkoll l-appoġġ tiegħi lil kull minhu konvint li piena ġusta u neċessarja qatt m’għandha teskludi d-dimensjoni tat-tama bl-għan li tinkiseb ir-riabilitazzjoni.

F’dawn iż-żminijiet li fihom il-preokkupazzjonijiet soċjali għandhom daqstant importanza, ma nistax ma nsemmix lill-Qaddejja t’Alla Dorothy Day li waqqfet il-“Catholic Worker Movement”. L-impenn soċjali tagħha, il-ħerqa tagħha għall-ġustizzja u għall-kawża tal-mgħakusin, kienu mnebbħin mill-Evanġelju, mill-fidi tagħha u mill-eżempju tal-qaddisin.

Kemm sar progress f’dan il-qasam f’tant inħawi tad-dinja!  Kemm saret ħidma f’dawn l-ewwel snin tat-tielet millennju biex in-nies jinħelsu mill-faqar estrem!  Naf li intom taqblu miegħi li hemm bżonn isir ħafna aktar u li fi żmien il-kriżi u d-diffikultajiet ekonomiċi m’għandniex nitilfu l-ispirtu tas-solidarjetà globali.  Fl-istess waqt nixtieq ninkoraġġikom biex ma tinsewx lil persuni ta’ madwarna, maqbudin fiċ-ċirku tal-faqar.  Hemm bżonn li nagħtu t-tama lilhom ukoll.  Il-ġlieda kontra l-faqar u l-ġuħ jeħtieġ li tkun miġġielda l-ħin kollu fuq ħafna fruntieri, speċjalment dawk li qed jikkawżawh.  Jiena naf li ħafna Amerikani llum, bħalma kien fil-passsat, qed jaħdmu biex jaffrontaw din il-problema.

Hu naturali li parti minn dan l-isforz kbir hu l-ħolqien u t-tqassim tal-ġid.  L-użu korrett tar-riżorsi naturali, l-applikazzjoni korretta tat-teknoloġija u l-ħila li l-ispirtu imprenditorjali jkun orjentat tajjeb, huma elementi essenzjali ta’ ekonomija li tfittex li tkun moderna, inklussiva u sostenibbli. «L-attività tal-imprendituri, li hi vokazzjoni nobbli orjentata biex tipproduċi l-ġid u ttejjeb id-dinja għal kulħadd, tista’ tkun mod għammiel ħafna ta’ kif jiġi rreklamat ir-reġjun li fih tkun qed issir dik l-attività, fuq kollox jekk tifhem li l-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol hi parti essenzjali mis-servizz tagħha b’riżq il-ġid komuni» (Enċ. Laudato si’, 129).   Dan il-ġid komuni jinkludi wkoll l-art, tema ċentrali tal-Ebċiklika li ktibt dan l-aħħar biex «nidħol fi djalogu ma’ kulħadd dwar din id-dar komuni tagħna» (ibid., 3).  «Għandna bżonn solidarjetà universali ġdida li tgħaqqadna lkoll għax l-isfida tal-ambjent li qed ngħixu u l-għeruq umani tagħha, jolqtuna lkoll u jmissu lil kulħadd» (ibid., 14).

Fl-Enċiklika Laudato si’ jiena nħeġġeġ lil kulħadd biex jagħmel sforz kuraġġuż u responsabbli «biex jibdel ir-rotta» (ibid., 61) ħalli nevitaw effetti aktar serji tad-degradazzjoni tal-ambjent li qed iġġib magħha l-attività umana.  Jien konvint li nistgħu nagħmlu d-differenza u m’għandix dubju li l-Istati Uniti – u dan il-Kungress – għandhom rwol importanti x’jilgħabu.  Issa hu l-waqt ta’ azzjonijiet kuraġġużi u strateġiji diretti biex nimplimentaw «kultura tal-kura» (ibid., 231) u «viżjoni integrali biex niġġieldu l-faqar u rroddu lura d-dinjità lill-imwarrbin u fl-istess waqt biex nieħdu ħsieb li nikkuraw innatura» (ibid., 139).  Għadna l-libertà meħtieġa biex nillimitaw  u norjentaw it-teknoloġija (cfr ibid., 112) biex insibu metodi inteliġenti ħalli «norjentaw, nikkultivaw u nillimitaw il-poter tagħna» (ibid., 78) u t-teknoloġija nqegħduha «għas-servizz ta’ tip ta’ progress ieħor, aktar san, aktar uman, aktar soċjali u aktar integrali» (ibid., 112).  F’dar-rigward għandi fiduċja li l-istituzzjonijiet Amerikani tar-riċerka u akkademiċi jistgħu jagħtu kontribut vitali fis-snin li ġejjin.

Seklu ilu, fil-bidu tal-gwerra l-kbira, li l-Papa Beneditu XV kien iddeskriviha bħala “straġi inutli”, kien twieled Amerikan straordinarju ieħor: il-monaku taċ-Ċisterċensi Thomas Merton.  Hu jibqa’ bħala għajn ta’ ispirazzjoni spiritwali u gwida għal ħafna persuni.  Fl-awtobiografija tiegħu kiteb: «Ġejt fid-dinja.  Ħieles min-natura, xbieha t’Alla, iżda madnakollu kont priġinier tal-istess vjolenza tiegħi u tal-egoiżmu tiegħi, xbieha tad-dinja li twelidt fiha. Dik id-dinja kienet ritratt tal-infern, mimli bnedmin bħali li jħobbu ‘l Alla, madankollu jobgħoduH, imweldin biex iħobbuH iżda li jgħixu bil-biża’ ta’ xewqat iddisprati u kontradittorji».  Merton kien fuq kollox bniedem tat-talb, ħassieb li sfida ċ-ċertezzi ta’ żmienna u fetaħ ixqfa ġodda għall-erwieħ u għall-Knisja.   Kien ukoll bnedem ta’ djalogu, promotur tal-paċi bejn il-popli u r-reliġjonijiet.

F’dil-perspettiva ta’ djalogu, irrid nagħti għarfien lill-isforzi li saru f’dawn l-aħħar xhur biex ikunu mgħelubin id-differenzi storiċi marbutin ma’ episodji ta’ niket tal-passat.  Hu dmir tiegħi li nibni pontijiet u ngħin lil kull raġel u mara, b’kull mod possibbli, biex jagħmlu l-istess.  Meta nazzjonijiet li ma kienux jaqblu bejniethom jerġgħu jibdew id-djalogu – djalogu li seta’ waqaf għall-aktar raġunijiet validi possibbli – jinfetħu opportunitajiet ġodda għal kulħadd.  Dan kien talab, u għadu jitlob, kuraġġ u qlubija, li ma jfissrux irresponsabbiltà.  Mexxej politiku tajjeb hu dak li filwaqt li jżomm f’moħħu l-interessi ta’ kulħadd, jagħraf jaħtaf il-mument bi spirtu ta’ ftuħ u sens prattiku.  Mexxej politiku tajjeb jagħżel dejjem «li jibda’ l-proċessi aktar milli jokkupa l-ispazji» (Eżor. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu 222-223).

Li tkun ta’ servizz għad-djalogu u l-paċi jfisser ukoll li tkun determinat li tnaqqas, u għal quddiem twaqqaf, il-ħafna kunflitti armati madwar id-dinja kollha.  Hawnhekk irridu nistaqsu lilna nfusna: għaliex jinbiegħu armi ta’ qerda lil min jippjana li jġib tbatijiet li ma’ bħalhom fuq l-individwi u s-soċjetà?  Sfortunatament, it-tweġiba, kif nafu lkoll, hi sempliċiment il-flus: flus li huma mċappsin bid-demm, spiss demm innoċenti.  Quddiem dan is-silenzju tal-mistħija u miżgħud bil-ħtija, hu dmir tagħna naffrontaw il-problema u nwaqqfu l-kummerċ tal-armi.

Tliet ulied irġiel u wild mara ta’ din l-art, erba’ individwi u erba’ ħolmiet: Lincoln, libertà; Martin Luther King, libertà fil-pluralità u mingħajr esklużjoni; Dorothy Day, ġustizzja soċjali u drittijiet tak-persuni; u Thomas Merton, ħila ta’ djalogu u ftuħ lejn Alla.

Erba’ rappreżentanti tal-poplu Amerikan.

Se ntemm iż-żjara tiegħi f’artkom f’Filadelfja, fejn se nieħu sehem fil-Laqgħa Dinjija tal-Familji.  Hi x-xewqa tiegħi li tul iż-żjara tiegħi kollha, il-familja tkun it-tema li tissemma’ ‘l ħin kollu.  Kemm kienet essenzjali l-familja fil-bini ta’ dan il-Pajjiż!  U kemm għadu jistħoqqilha li nissapportjawha u ninkoraġġuha!  Madankollu ma nistax naħbi l-preokkupazzjoni tiegħi dwar il-familja, li hi mhedda, forsi bħal qatt qabel, minn ġewwa u minn barra.  Qed jiddaħħlu dubji dwar ir-relazzjonijiet fundamentali u dwar l-istess bażi taż-żwieġ u tal-familja.  Jien nista’ biss nipproponi l-importanza u, fuq kollox, l-għana u s-sbuħija tal-ħajja tal-familja.

B’mod partikolari rrid niġbed l-attenzjoni dwar dawk il-membri tal-familja li huma l-aktar vulnerabbli: iż-żgħażagħ.  Għal ħafna minnhom hemm futur mimli possibiltajiet, imma ħafna oħra jidhru diżorjentati u mingħajr skop fil-ħajja, maqbudin f’labirint mingħajr tama, immarkat bil-vjolenza, bl-abbużi u d-disperazzjoni.  Il-problemi tagħhom huma l-problemi tagħna.  Ma nistgħux nevitawhom.  Jeħtieġ naffrontawhom flimkien, nitkellmu dwarhom u nfittxu soluzzjonijiet effikaċi aktar milli nibqgħu imwaħħlin mad-diskussjonijiet.  Nirriskja li nibbanaliżża s-sitwazzjoni u ngħid li qed ngħixu f’kultura li timbotta liż-żgħażagħ biex ma jiffurmawx familja għax neqsin mill-possibiltajiet għall-futur.  Imma din l-istess kultura qed tippreżenta tant alternttivi lill-oħrajn, li tiskoraġġixxi lilhom ukoll biex jifurmaw familja.

Nazzjon nistgħu nikkunsidrawh kbir meta jiddefendi l-libertà kif għamel Lincoln; meta jippromwovi kultura li tippermetti li n-nies “joħolmu” li jkollhom drittijiet sħaħ għal ħuthom kollha kif ipprova jagħmel Martin Luther King; meta jitqabad għall-ġustizzja u l-kawża tal-magħkusin, kif għamlet Dorothy Day bil-ħidma bla heda tagħha, frott ta’ fidi li ssir djalogu u tiżra’ l-paċi bl-istil kontemplattiv ta’ Thomas Merton.

F’dawn il-ftit noti ppruvajt nippreżenta xi wħud mir-rikkezzi tal-patrimonju kuturali tagħkom, tal-ispirtu tal-poplu Amerikan.   L-awgurju tiegħi hu li dan l-ispirtu jkompli jiżviluppa u jikber b’mod li l-akbar għadd possibbli ta’ żgħażagħ jirtu u jgħammru f’art li ispirat tant bnedmin biex joħolmu.

Alla jbierek l-Amerika!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber