Għeżież ħuti,

L-għodwa t-tajba.  Se nitkellem bl-Ispanjol għax ma nitkellimx l-Ingliż, imma dan (l-interpretu) jitkellem Ingliż tajjeb u se jagħmel it-traduzzjoni.  Grazzi li lqajtuni u li tajtuni l-opportunità li nkun magħkom u naqsam magħkom dan iż-żmiem ta’ ħajjitkom.  Hu żmien diffiċli, żmien mimli taqbid.  Naf li dan hu żmien ta’ wġigħ mhux biss għalikom imma wkoll għall-familji tagħkom u għas-soċjetà kollha.  Kwalunkwe soċjetà, kwalunkwe familja, li m’għandhiex ħila tieħu bis-serjetà l-uġigħ ta’ wliedha, iżda tħares lejn dan l-uġigħ bħala ħaġa normali jew li tistenniha, hija soċjetà kundannata li tibqa’ rahan tagħha nfisha, priża tal-istess affarijiet li jikkawwżawlha dak l-uġigħ.

Jien qiegħed hawn bħala ragħaj, imma fuq kollox, bħala ħukom, biex naqsam magħkom is-sitwazzjoni tagħkom u nagħmilha tiegħi.  Ġejt biex inkunu nistgħu nitolbu flimkien u noffru lil Alla tagħna dak kollu li jġegħelna nħossu l-uġigħ biex inkunu nistgħu nirċievu mingħandu l-qawwa tal-qawmien.

Qed nahseb dwar ix-xena tal-Evanġelju li fiha naraw lil Ġesù jaħsel saqajn id-dixxipli waqt l-Aħħar Ċena.  Din kienet xi ħaġa li d-dixxipli sabuha bi tqila biex jifhmuha.  Anki Pietru rrifjuta u qallu: “Int qatt ma taħsilli saqajja” (Ġwanni 13:8).

F’dak iż-żmien kienet drawwa li taħsel saqajn il-mistednin li jiġu f’darek.  Hekk kienu jilqgħu lin-nies.  It-toroq ma kellhomx asfalt, kienu mimlijin trab u xi żrar kien jeħillek mas-sandli.  Kulħadd kien jimxi fuq dawk it-toroq li kienu jħallulek saqajk mimlijin trab, migrufin jew b’xi qata’ minħabba dak il-ġebel.  Din hi r-raġuni għala naraw lil Ġesù jaħsel is-saqajn, saqajna, saqajn id-dixxipli, ilberaħ u llum.

Ilkoll nafu li l-ħajja hi vjaġġ tul toroq differenti, mogħdijiet differenti, li jħallu l-marka tagħhom fuqna.

Aħna nafu wkoll permezz tal-fidi, li Ġesù jfittixna.  Irid ifejjaq il-ġrieħi tagħna, jikkalma l-uġigħ li l-mixi jqabbad f’riġlejna, inaddafna mit-trab tal-vjaġġ.  Ma jistaqsiniex fejn konna, ma joqgħodx jissindika x’għamilna.  Minflok, jgħidilna: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma taqsamx miegħi” (Ġwanni 13:8).  Jekk ma naħsillekx saqajk ma nkunx nista’ ntik il-ħajja li l-Missier dejjem ħolom dwarha, il-ħajja li Hu ħalqek għaliha.  Ġesù jiġi jiltaqa’ magħna, biex ikun jista’ jroddilna lura d-dinjità tagħna bħala ulied Alla.  Irid jgħinna nerġgħu nibdew, nerġgħu naqbdu l-vjaġġ, nirkupraw it-tama tagħna, iroddilna lura l-fidi u l-fiduċja.  Iridna nibqgħu mexjin tul il-mogħdijiet tal-ħajja, nifhmu li għanda missjoni, u li r-relżużjoni qatt ma tista’ tkun l-istess bħall-esklużjoni.

Il-ħajja tfisser li “nħammġu saqajna” mit-toroq mimlija trab tal-ħajja u tal-istorja.  Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nitnaddfu, ninħaslu.  Ilkoll kemm aħna.  Jien, l-ewwel u qabel kulħadd.  L-Imgħallem qed ifittixna, lilna lkoll, irid jgħinna nerġgħu nibdew il-vjaġġ tagħna.  Il-Mulej joħroġ ifittixna u lejna lkoll joħroġ idu biex tkunilna ta’ għajnuna.

Tweġġgħek meta tara sistema ta’ priġunerija li ma tagħtix każ tal-ġrieħi, jikkalmaw l-uġigħ, joffru possibiltajiet ġodda.  Iweġġgħek meta tara nies li jaħsbu li l-oħrajn biss għandhom bżonn jitnaddfu, jissaffew, u ma jagħrfux id-dgħufija tagħhom, l-uġigħ u l-ġrieħi huma dgħufija wkoll, uġigħ u ġrieħi tas-soċjetà.  Il-Mulej  jgħidilna dan ċar permezz ta’ sinjal: jaħslilna saqajna biex aħna nkunu nistgħu nerġgħu lura lejn il-mejda.  Il-mejda li Hu ma jrid li ħadd ma jkun eskluż minnha.  Il-mejda mħejjija għal kulħadd u li aħna lkoll mistednin għaliha.

Dan iż-żmien ta’ ħajjitkom jista’ jkollu għan wieħed: biex itikom daqqa t’id ħalli terġgħu taqbdu t-triq it-tajba, biex itikom daqqa t’id biex terġgħu tingħaqdu mas-soċjetà.  Ilkoll kemm aħna nagħmlu parti minn dan l-isforz, ilkoll kemm aħna mistednin biex nikoraġġixxu, ngħinu u ngħinukom tirriabiltaw ruħkom.  Riabilitazzjoni li kulħadd ifittex u jixtieq: ir-reklużi u l-familji tagħhom, l-awtoritajiet korrezzjonali, il-programmi soċjali u edukattivi. Riabiltazzjoni li tkun ta’ fejda u tgħolli l-moral tal-komunità kollha kemm hi u tas-soċjetà.

Ninkoraġġikom biex ikollkom din l-attitudni ma’ xulxin u ma’ dawk kollha li b’xi mod għandhom x’jaqsmu ma’ din l-istituzzjoni.  Jalla dawn il-possibiltajiet intom tqegħduhom fis-seħħ; jalla ddawlu toroq ġodda, mogħdijiet ġodda.

Ilkoll kemm aħna għandna xi ħaġa li rridu nitnaddfu jew nissaffew minnha.  Ilkoll.  Jalla l-għarfien ta’ dal-fatt jispirana lkoll biex ngħixu bis-solidarjetà, nissapportjaw lil xulxin u nfittxu l-aħjar għall-oħrajn.

Ħarsu lejn Ġesù li jaħslilna saqajna.  Hu «t-triq, il-verità u l-ħajja».  Hu jiġi biex isalvana mill-gidba li ħadd ma jista’ jinbidel.  Ġesù jgħinna nivvjaġġaw tul il-mogħdijiet tal-ħajja u biex naslu għall-milja.  Jalla l-qawwa tal-imħabba tiegħu u l-qawmien tiegħu ikunu dejjem triq li tmexxikom dejjem lejn ħajja ġdida.

Kif qiegħdin hekk, bilqgħeda, ejjew nitolbu fis-skiet lill-Mulej biex iberikna.  Il-Mulej iberikkom u jħariskom.  Jalla l-wiċċ tiegħu jiddi fuqkom u jkun ħelu magħkom.  Jalla jitfa’ ħarstu fuqkom u jtikom il-paċi.  Grazzi.

Kumment mhux ippreparat fi tmiem il-laqgħa:

Is-siġġu li għamiltu sabiħ ħafna, sabiħ ħafna.  Grazzi għax-xogħol tagħkom.

 

Miġjub għall-Malti mill-Ingliż minn Joe Huber