Hu pjaċir tiegħi niltaqa’ magħkom.  Il-jum it-tajjeb!  Se tisimgħu żewġ “prietki” waħda bl-Ispanjol u oħra bl-Ingliż! 

L-ewwel ħaġa li rrid ngħidilkom hi “grazzi”.  Grazzi li lqajtuni u tal-isforzi li għamiltu biex setgħet isseħħ din il-laqgħa.

Hawnhekk ifakkarni f’persuna li nħobb ħafna u li kienet importanti ħafna f’ħajti.  Kienet għalija sapport u għajn ta’ ispirazzjoni.  Lejh indur kull meta nħossni inkwetat.  Intom tfakkruni f’San Ġużepp.  Wiċċkom ikellimni dwarwiċċu.

Fil-ħajja ta’ San Ġużepp kien hemm sitwazzjonijiet diffiċli li hu kellu jħabbat wiċċu magħhom.  Waħda minnhhom kienet meta Marija kienet waslet biex teħles, biex ikollha lil Ġesù.  Il-Bibbja tgħidilna: «Meta kienu f’Betlem, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles. Welldet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u qegħditu f’maxtura għax għalihom ma’ kinex hemm post fil-lukanda (Luqa 2, 6-7).  Il-Bibbja hi ċara ħafna: ma kienx hemm post fil-lukanda.  Nimmaġina lil Ġużeppi, flimkien ma’ martu fil-punt li se jkollha tarbija, mingħajr saqaf, mingħajr dar.  L-Iben t’Alla daħal fid-dinja bħala bniedem “homeless”.  L-Iben t’Alla sar jaf xi jfisser tibda’ l-ħajja mingħajr saqaf.  Nistgħu nimmaġinaw kemm mistoqsijiet għaddew minn moħħ Ġużeppi f’dak il-ħin: Kif?  Iben Alla m’għandux saqaf fejn jgħix?  Għaliex m’għandniex dar?  Għaliex m’għandniex saqaf?  Dawn huma mistoqsijiet li intom tistgħu tagħmlu kuljum, u tagħmluhom.  Bħal Ġużeppi tistaqsu lilkom infuskom: għaliex ninsabu mingħajr saqaf, mingħajr dar?  Anki għalina, li għandna saqaf u dar, huma mistoqsijiet li jagħmluna l-ġid: għaliex dawn ħutna m’għandhomx dar, għaiex dawn ħutna m’għandhomx saqaf?

Il-mistoqsijiet ta’ Ġużeppi għadhom jgħoddu sal-lum, u jakkumpanjaw lil dawk kollha li tul l-istorja għexu u għadhom mingħajr dar.

Ġużeppi kien bniedem li kien jagħmel mistoqsijiet lilu nnifsu, imma fuq kollox kien bniedem ta’ fidi.  U l-fidi kienet tippermettilu li jsib id-dawl fil-waqt li fih kollox kien jidher dlam; kienet il-fidi li sostnietu fid-diffikultajiet ta’ ħajtu.  Bis-saħħa tal-fidi Ġużeppi għaraf jibqa’ miexi ‘l quddiem meta kollox kien jidher wieqaf.

Quddiem sitwazzjonijiet inġusti, li jweġġgħu, il-fidi toffrilna dak id-dawl li jħoll id-dlam.  L-istess kif kien għal Ġużeppi, il-fidi tiftaħna għall-preżenza silenzjuża ta’ Alla f’kull ħajja, f’kull persuna, f’kull sitwazzjoni.  Hu preżenti f’kull wieħed u waħda minnkom, f’kull wieħed u waħda minna.

Irrid inkun ċar: m’hemm ebda raġuni, ebda ġustifikazzjoni soċjali, morali jew ta’ ġeneru ieħor biex naċċettaw li ma jkollniex fejn noqgħodu.  Huma sitwazzjonijiet inġusti, imma nafu li Alla qed jaffaċjahom flimkien magħna, qed jgħixhom spalla ma’ spalla magħna.  Ma jħalliniex waħedna.

Ġesù mhux biss ried ikun solidali ma’ kull persuna, mhux biss ma ried li ħadd iħoss jew jgħix in-nuqqas tal-kumpanija tiegħU, tal-għajnuna tiegħU, ta’ mħabbtu.  Hu nnifsu identifika ruħu ma’ dawk kollha li jbatu, li jibku, li jsofru xi għamla ta’ inġustizzja.  Jgħidha ċara: «Kelli l-ġuħ u tmajtuni, kelli l-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni» (Mattew 25,35).

Hija l-fidi li tgħidilna li Alla hu magħna, li Alla hu f’nofsna u li l-preżenza tiegħu timbuttana biex nagħmlu l-karità.  Dik il-karità li tinbet mis-sejħa ta’ dak Alla li ma jieqafx iħabbat fuq il-bieb tagħna, il-bieb ta’ kulħadd, biex jistedinna għall-imħabba, għall-kompassjoni, biex nagħtu lilna nfusna lil xulxin.

Ġesù għadu jħabbat fuq il-bibien tagħna, fuq il-bieb ta’ ħajjitna.  Ma jagħmilx dan bil-maġija, ma jagħmilx nasses jew ixejjer posters imdawwlin jew logħob tan-nar.  Ġesù jkompli jħabbat fuq il-bieb tagħna fil-wiċċ ta’ ħuna, fil-wiċċ ta’ ġarna, fil-wiċċ ta’ min hu ħdejna.

Għeżież ħbieb, wieħed mill-aktar metodi effikaċi li għandna biex jgħinuna, huwa t-talb.  It-talb jgħaqqadna, jagħmilna aħwa, jiftħilna qalbna u jfakkarna verità sabiha li xi kultnat ninsewha.  Fit-talb ilkoll nitgħallmu ngħidu Missier, Papà, u meta ngħidu Missier, Papà, insiru aħwa,  Fit-talb mhemmx fqar u sinjuri, hemm ulied u aħwa.  Fit-talb mhemmx persuni tal-ewwel jew it-tieni klassi, hemm il-fraternità.

Fit-talb, qalbna ssib il-qawwa biex ma ssirx insensibbli, kiesħa, quddiem is-sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja.  Fit-talb Alla jkompli jsejħilna u jimbuttana biex nagħmlu l-karità.

Kemm jagħmlilna tajjeb nitolbu flimkien; kemm jagħmlilna tajjeb li niltaqgħu f’dak l-ispazju fejn naraw lil xulxin bħala aħwa u nagħrfu li għandna bżonn tal-appoġġ ta’ xulxin u lejn xulxin.  Illum irrid nitlob magħkom, irrid ningħaqad magħkom għax għandi bżonn l-appoġġ tagħkom u tal-qrubija tagħkom.  Irrid nistedinkom biex nitolbu flimkien, għal xulxin, ma’ xulxin.  B’hekk inkunu nistgħu nkomplu nsaħħu dan is-sapport li jgħinna ngħixu l-ferħ li Ġesù jinsab f’nofsna.  U Ġesù jgħinna biex insolvu l-inġustizzji li Hu kien l-ewwel wieħed li sar jafhom.  Għandkom aptit titolbu flimkien?  Jien nibda’ bl-Ispanjol u intom komplu bl-Ingliż.

Missierna li inti fis-smewwiet....

U qabel inħallikom nixtieq nagħtikom il-barka t’Alla:

Il-Mulej iberikkom u jħariskom;

Il-Mulej iħares lejkom bil-ġenerożità u jurikom it-tjubija tiegħu;

Il-Mulej iħares lejkom bl-imħabba u jtikom il-paċi tiegħu (cfr Numri 6,24-26).

Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber