(Padre Lombardi)

Santità, merħba fostna.  Grazzi li għal darb’oħra qed tieħu dan il-ħin wara vjaġġ hekk impenjattiv u mimli taħbit.  Allura, nibdew dritt bil-mistoqsijiet.  L-ewwel persuna li se tagħmillek mistoqsija hi din is-sinjura, li ħadet ħsieb l-għadd tat-Time dwarek u għalhekk ħejjiet ruħha tajjeb fuq il-vjaġġ tiegħek fl-Amerika.  Hi se tistaqsik bl-Ingliż u Matteo jittraduċi bit-Taljan, u hekk int tkun tista’ tifhem sew.

 

(Il-Papa Franġisku)

Il-lejla t-tajba lil kulħadd, u grazzi ħafna tax-xogħol tagħkom, għax intom kellkom tiġru minn naħa għall-oħra!  Jien kont fil-karozza, imma intom!…  Grazzi ħafna.

 

(Elisabetta Dias, korrispondenta tat-Time Magazine)

Grazzi ħafna, Santità: jien Eliżabetta Dias, korrispondenta tat-Time Magazine.  Għandna kurżità nsiru nafu: din kienet l-ewwel żjara tiegħek fl-Istati Uniti.  Xi ssorprendiek l-iżjed mill-Istati Uniti, u x’kien differenti minn dak li stennejt?

 

(Il-Papa Franġisku)

Iva, kienet l-ewwel żjara tiegħi: qatt ma kont għadni ġejt hawn.  Issorprendietni “the warmth”, is-sħana tan-nies, li jġagħluk tħobbhom.  F’Washington, laqgħa mill-isbaħ imma xi ftit iżjed formali, fi New York ftit iktar vivaċi, u f’Philadelphia espressiva ħafna.  Tliet modi differenti imma bl-istess sens kbir ta’ merħba.  Jien bqajt milqut ħafna mit-tjieba, mis-sens ta’ merħba; u fiċ-ċerimonji reliġjużi anki mid-devozzjoni, mir-reliġjożità.  Stajt tara n-nies titlob, u dan laqatni, u ħafna, ħafna.  Ħaġa sabiħa.

 

(Elisabetta Dias)

Sibt xi sfida min-naħa ta’ l-Istati Uniti li ma kontx qed tistenna?  Xi provokazzjoni?

 

(Il-Papa Franġisku)

Le, għall-grazzja ta’ Alla, le, le.  Kollox sew kien.  L-ebda provokazzjoni.  No challenge, no provocation.  Le, le.  Kollha edukati…  L-ebda insult, l-ebda ħaġa kerha.  Le…  Imma rridu nkomplu naħdmu ma’ dan il-poplu li jemmen, kif ħadmu sa issa, billi ngħinu lill-poplu jkompli jikber, fil-ħwejjeġ sbieħ li għandu u qalb id-diffikultajiet tiegħu; insieħbu lil dan il-poplu fil-ferħ u fil-mumenti koroh ta’ diffikultà, meta m’hemmx xogħol, meta jitfaċċa l-mard…  L-isfida li għandha l-Knisja quddiemha l-lum hi dik li dejjem kellha: li tkun qrib tan-nies, qrib tal-poplu ta’ l-Istati Uniti, qrib.  Mhux Knisja maqtugħa mill-poplu, le.  Qrib, qrib.  U din hi sfida li l-Knisja ta’ l-Istati Uniti fehmet tajjeb!  Fehmitha, u trid tagħmilha.

 

(Padre Lombardi)

Issa ngħaddu għat-tieni mistoqsija ta’ David O’Reilly mill-Philadelphia Inquirer: hu wieħed mill-ġurnali kbar ta’ Philadelphia, fejn konna f’dawn il-jiem.

 

(David O’Reilly, Philadelphia Inquirer)

Santità, Philadelphia – kif taf inti – għaddiet minn perjodu ikrah minħabba l-abbużi sesswali: għadha ġerħa miftuħa, f’Philadelphia.  Naf li ħafna persuni f’Philadelphia baqgħu sorpriżi għax fl-indirizz tiegħek lill-isqfijiet, f’Washington, offrejtilhom wens u faraġ.  Naħseb li ħafna, f’Philadelphia, xtaqu jistaqsuk: “Għaliex ħassejt il-bżonn li toffri wens u faraġ lill-isqfijiet?”.

 

(Il-Papa Franġisku)

F’Washington kellimt lill-isqfijiet kollha ta’ l-Istati Uniti: kienu kollha hemm, mill-pajjiż kollu.  Ħassejt il-bżonn li nesprimi l-kompassjoni tiegħi għax ġrat ħaġa kerha ħafna, u ħafna minnhom batew għax b’dan ma kinux jafu, jew meta ħarġet il-ħaġa batew ħafna: nies tal-Knisja, ta’ talb, ragħajja veri…  U jien għidtilhom li jien kont naf li huma – u użajt kelma mill-Bibbja, mill-Apokalissi – “intom ġejjin mit-taħbit il-kbir”: u dan li ġara kien taħbit kbir.  Imma mhux biss it-tbatija affettiva.  Dan li għidt il-lum lil grupp ta’ persuni li ġarrbu l-abbużi.  Kienet… ma ngħidx “apostasija”, imma kważi sagrileġġ.  L-abbużi, dan nafuh, issibhom kullimkien: issibhom fil-familji, fil-lokalitajiet, fl-iskejjel, fil-postijiet ta’ l-isport, kullimkien.  Imma meta saċerdot jagħmel abbuż, din hi ħaġa gravi ħafna, għax il-vokazzjoni tas-saċerdot hi li jgħin lil dak it-tifel jew lil dik it-tfajla tikber u togħla lejn l-imħabba ta’ Alla, lejn il-maturità tal-qalb, lejn il-ġid veru tagħha.  U flok għamel hekk, għaffiġha, għaffġu, il-ħażin.  U għalhekk dan hu kważi sagrileġġ.  U hu ċaħad il-vokazzjoni tiegħu, is-sejħa tal-Mulej.  Għalhekk il-Knisja, f’dan il-mument, hi b’saħħitha, f’dan.  U m’għandhiex tinħeba, u huma ħatja wkoll dawk li ħbew dawn il-ħwejjeġ.  Anki xi isqfijiet li ħbew dan.  Hi ħaġa kerha ħafna.  U l-kliem ta’ faraġ, mhux biex ngħidilhom: “Tinkwetax, ma ġara xejn!”.  Le, le.  Ridt ngħid hekk: “Kienet ħaġa kerha ħafna u jien nista’ nistħajjel kemm bkejtu”.  F’dan is-sens kien dan il-kliem.  U l-lum tkellimt b’mod qawwi.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi ħafna.  Issa nitlob lil Maria Antonietta Collins u lil Andrés Beltramo Alvarez biex jersqu għall-mistoqsijiet li jmiss.

 

(Maria Antonietta Collins)

Santità, int tkellimt ħafna fuq il-maħfra, li Alla jaħfrilna u li dawk li spiss jitolbu maħfra huma aħna.  Jien nixtieq nistaqsik, billi l-lum rajtek is-Seminarju: hemm ħafna saċerdoti li għamlu abbużi sesswali fuq il-minorenni u ma talbux maħfra lill-vittmi tagħhom.  Int taħfrilhom?  U min-naħa l-oħra, inti tifhem lil dawk il-vittmi u l-familji li ma rnexxielhomx jew ma jridux jaħfru?

 

(Il-Papa Franġisku)

Jekk persuna mxiet ħażin, taf x’għamlet u ma titlobx maħfra, jien nitlob lil Alla li terfa’ r-responsabbiltà tagħha.  Jien naħfrilha, imma hi ma tirċevix il-maħfra, hi magħluqa għall-maħfra.  Ħaġa waħda tagħti l-maħfra – kollha obbligati naħfru, għax kollha ġejna maħfura – imma ħaġa oħra tirċievi l-maħfra.  U jekk dak is-saċerdot hu magħluq għall-maħfra, m’hux sa jirċeviha għax hu sakkar il-bieb biċ-ċavetta minn ġewwa, u kull ma jibqgħalna nagħmlu hu li nitolbu biex il-Mulej jiftaħ dak il-bieb.  Għandna nkunu lesti naħfru, imma mhux kulħadd jista’ jirċeviha din il-maħfra, jaf jirċeviha jew lest li jirċeviha.  Dan li qed ngħid hu iebes.  U hekk nifhmu għaliex hemm nies li tispiċċa ħajjitha b’mod iebes, ħażin, bla ma qatt tilqa’ t-tmelissa ta’ Alla.  U t-tieni mistoqsija x’kienet?

 

(Maria Antonietta Collins)

Jekk int tifhimhomx lill-vittmi u l-familji li ma rnexxielhomx jaħfru jew li ma jridux jaħfru.

 

(Il-Papa Franġisku)

Iva, nifhimhom…  Nifhimhom, nitlob għalihom u ma niġġudikahomx.  Ma niġġudikahomx, nitlob għalihom.  Darba, f’waħda minn dawn il-laqgħat, iltqajt ma’ diversi persuni, u waħda mara qaltli: “Meta ommi saret taf li kienu abbużaw minni, dagħat kontra Alla, tilfet il-fidi u mietet atea”.  Jiena nifhimha lil din il-mara.  Nifhimha.  U Alla li hu wisq itjeb minni jifhimha.  Jiena ċert li Alla laqa’ fi ħdanu lil dik il-mara.  Għax dak li kien intmess, dak li kien ġie meqrud kien l-istess laħamha, ġisem bintha.  Dan jien nifhmu.  Ma niġġudika lil ħadd għax ma jistax jaħfer.  Nitlob lil Alla – għax Alla jibbrilla f’li jfittex triq għal soluzzjoni – nitolbu li jpoġġi hu kollox f’postu.

 

(Padre Lombardi)

Andrés Beltramo, minn Notimex, li forsi jistaqsi bit-Taljan biex hekk jgħin lilna wkoll.

 

(Andres Beltramo minn Notimex)

Santità, qabel xejn grazzi ta’ dan il-mument.  Kollha smajniek titkellem ħafna fuq il-proċess tal-paċi fil-Kolumbja, bejn il-Farc u l-Gvern.  Issa wasalna għal ftehim storiku.  Int tħossok xi ftit parti minn dan il-ftehim?  U int kont għidt li tixtieq tmur il-Kolumbja meta jsir il-ftehim: issa hemm ħafna Kolombjani li qed jistennewk…  U oħra, żgħira ħafna: X’qed tħoss wara li għext vjaġġ daqshekk intens, issa li l-ajruplan ħalla l-art?  Grazzi, Santità.

 

(Il-Papa Franġisku)

L-ewwel: meta ħadt l-aħbar li f’Marzu sa jiġi ffirmat il-ftehim, għidt lill-Mulej: “Mulej, agħmel li naslu sa Marzu, li naslu għal dan il-ftehim sabiħ”, għax jonqos punti żgħar, imma r-rieda hemm qiegħda.  Miż-żewġ naħat.  Hemm.  Anki mill-grupp żgħir, hemm, it-tlieta li huma jaqblu.  Importanti naslu sa Marzu, għall-ftehim definittiv.  Li kien il-punt tal-ġustizzja internazzjonali, taf int.  Bqajt kuntent ħafna.  U ħassejtni parti fis-sens li dan dejjem xtaqtu, u tkellimt darbtejn mal-President Santos fuq il-problema, u s-Santa Sede – mhux jien biss – is-Santa Sede hi miftuħa ħafna biex tgħin kemm tista’.

 

Il-ħaġa l-oħra.  Din hi xi ftit personali, imma rrid inkun sinċier.  Meta l-ajruplan itir wara żjara, jiġini f’moħħi l-ħars ta’ tant nies, u tiġini x-xewqa li nitlob għalihom u ngħid lill-Mulej: “Jiena ġejt hawn biex nagħmel xi ħaġa, biex nagħmel il-ġid; forsi għamilt xi ħaġa ħażina, aħfirli.  Imma ħu ħsieb ta’ dawk in-nies kollha li ħarsu lejja, li ħasbu fuq l-affarijiet li għidt jien, li semgħuni, anki dawk li kkritikawni, ta’ kulħadd…”.  Dan hu li nħoss.  Hekk jiġini.  Imma din ħaġa – skużani – din ħaġa xi ftit personali: dan ma tistax tgħidu fuq il-ġurnali…

 

(Padre Lombardi)

Grazzi ħafna.  Thomas Jansen miċ-Cic, jiġifieri l-Aġenzija Kattolika Ġermaniża.

 

(Thomas Jansen)

Santità, ridt nistaqsi xi ħaġa fuq il-kriżi migratorja fl-Ewropa: ħafna pajjiżi qed jibnu ħitan ġodda tal-barbed wire.  Xi tgħid dwar dan l-iżvilupp?

 

(Il-Papa Franġisku)

Int użajt il-kelma “kriżi”.  Stat ta’ kriżi tidħol fih wara proċess twil.  Dan hu proċess li ilu għaddej is-snin, għax il-gwerer li minnhom dawn in-nies qed ifittxu li jitilqu, jaħarbu, huma gwerer ta’ snin.  Il-ġuħ: il-ġuħ hu ġuħ li ilu għaddej snin…  Meta jien naħseb fl-Afrika – dan xi ftit sempliċistiku, imma qed insemmih bħala eżempju – jiġini li naħseb: l-Afrika, il-kontinent abbużat.  U issa, il-gwerer tribali u m’humiex, għandhom warajhom interessi ekonomiċi…  U jien naħseb li flok nisfruttaw kontinent jew pajjiż jew art, jekk nagħmlu investimenti biex dawn in-nies ikollhom xogħol, inkunu nevitaw din il-kriżi.  Veru: hi kriżi ta’ rifuġjati – kif għidt lill-Kungress – li qatt ma konna rajna bħalha wara l-aħħar gwerra dinjija, hi l-akbar waħda.  Int qed tistaqsini fuq il-fruntieri.  Int taf kif jispiċċaw il-ħitan.  Kollha.  Il-ħitan kollha jiġġarrfu, il-lum, għada jew wara mitt sena.  Jiġġarrfu.  Din m’hix soluzzjoni.  Il-ħajt m’huwiex soluzzjoni.  Bħalissa l-Ewropa tinsab f’diffikultà, dan veru.  Irridu nkunu intelliġenti, nifhmu għaliex ġejja dik il-mewġa kollha ta’ immigranti, u m’hux faċli ssib soluzzjonijiet.  Imma bid-djalogu bejn il-pajjiżi, iridu jsibuha.  Il-ħitan m’huma qatt soluzzjoni; il-pontijiet huma, iva, dejjem, dejjem.  Ma nafx.  Dan hu li naħseb fuq il-ħitan, fuq il-fruntieri: sew jekk idumu ftit żmien, jew ħafna, m’huma qatt is-soluzzjoni.  Il-problema tibqa’, tibqa’ anki b’iżjed mibegħda.  Dan hu li naħseb.

 

(Padre Lombardi)

Jean-Marie Guénois, mill-Figaro, tal-grupp Franċiż.

 

(Jean-Marie Guénois)

Santità, ovvjament int ma tistax tantiċipa d-dibattiti tal-Padri Sinodali, dan nafuh perfettament.  Imma rridu nafu, appuntu, qabel is-Sinodu, jekk fil-qalb tiegħek ta’ ragħaj hux verament trid soluzzjoni għad-divorzjati fit-tieni żwieġ.  Nixtiequ nafu wkoll jekk il-Motu Propju tiegħek fuq il-faċilitazzjoni ta’ l-annullamenti għalaqx – skond int – dan id-dibattitu.  U fl-aħħar nett, xi twieġeb lil dawk li qed jibżgħu li b’din ir-riforma fil-fatt ħa jinħoloq l-hekk imsejjaħ “divorzju Kattoliku”?  Grazzi.

 

(Il-Papa Franġisku)

Nibda bl-aħħar waħda.  Fir-riforma tal-proċessi, tal-modalità, għalaqt il-bieb għat-triq amministrattiva li kienet it-triq li permezz tagħha seta’ jidħol id-divorzju.  U nistgħu ngħidu li dawk li qed jaħsbu fid-“divorzju Kattolika” qed jiżbaljaw, għax dan l-aħħar dokument għalaq il-bieb għad-divorzju li seta’ jidħol – kienet tkun iżjed faċli – mit-triq amministrattiva.  Dejjem se jkun hemm it-triq tal-liġi.  Imbagħad, inkomplu bit-tielet mistoqsija: id-dokument.  Ma niftakarx kinitx it-tielet waħda, imma int ikkoreġini…

 

(Jean-Marie Guénois)

Iva: il-mistoqsija kienet fuq il-kunċett ta’ “divorzju Kattoliku” u jekk il-Motu Propju għalaqx id-dibattitu li sa jsir fis-Sinodu fuq din it-tema.

 

(Il-Papa Franġisku)

Dan talbuh il-parti l-kbira tal-Padri Sinodali fis-Sinodu tas-sena l-oħra: inħaffu l-proċessi, għax kien hemm proċessi li kienu jdumu minn għaxar snin sa ħmistax.  Sentenza, u mbagħad sentenza oħra; u wara, jekk ikun hemm l-appell, l-appell, u mbagħad l-appell l-ieħor…  U ma tispiċċa qatt.  Is-sentenza doppja, meta kienet tkun valida [l-ewwel waħda] u ma kienx ikun hemm appell, ġiet imdaħħla mill-Papa Lambertini, Benedittu XIV, għax fl-Ewropa ċentrali – m’iniex insemmi pajjiż wieħed – kien hemm xi abbużi, u biex iwaqqafhom hu daħħal dan.  Imma m’hix ħaġa essenzjali għall-proċess.  Il-proċessi jinbidlu; il-ġurisprudenza dejjem ġejja ’l quddiem, dejjem titjieb.  F’dak iż-żmien kien urġenti li jsir hekk.  Imbagħad, Piju X ried iħaffu iżjed u għamel xi ħaġa, imma ma kellux żmien u possibbiltà biex iwettqu.  Il-Padri Sinodali talbu dan: it-tħaffif tal-proċessi ta’ annullament taż-żwieġ.  U nieqaf hawn.  Dan id-dokument, dan il-Motu Propju qed iħaffef iż-żminijiet tal-proċessi, imma m’hux divorzju, għax iż-żwieġ hu indissolubbli meta hu sagrament, u dan il-Knisja ma tistax tibdlu.  Din hi duttrina.  Dan hu sagrament indissolubbli.  Il-proċediment legali qiegħed hemm biex jipprova li dak li kien jidher sagrament ma kienx sagrament: minħabba nuqqas ta’ libertà, ngħidu aħna, jew minħabba nuqqas ta’ maturità jew marda mentali…  Ħafna jistgħu jkunu r-raġunijiet li jwasslu, wara studju, indaġni, biex ngħidu: “Le, hemm ma kienx hemm sagrament.  Ngħidu aħna, għax dik il-persuna ma kinitx ħielsa”.  Eżempju, issa m’għadux daqshekk komuni, imma f’ċerti oqsma tas-soċjetà hu komuni – ta’ l-inqas fi Buenos Aires kien –: iż-żwiġijiet wara li l-għarusa toħroġ tqila.  “Tridu tiżżewġu”.  Jien, fi Buenos Aires, lis-saċerdoti kont nagħtihom dan il-parir – imma bil-qawwa –, kważi nipprojbilhom li jżewġu f’kundizzjonijiet bħal dawn.  Aħna nsejħulhom “żwiġijiet ta’ malajr”, biex insalvaw l-apparenzi kollha.  U titwieled it-tarbija, u xi żwiġijiet imorru tajjeb, imma m’hemmx libertà!  U mbagħad imorru ħażin, jinfirdu…  “Jien ġejt imġiegħel nagħmel dan iż-żwieġ għax ridt ngħatti din is-sitwazzjoni”.  Din hi kawża ta’ nullità.  Ħafna huma l-kawżi ta’ annullament; tistgħu tfittxu fuq l-internet, issibuhom kollha.  Imbagħad hemm il-problema tat-tieni żwieġ, tad-divorzjati li jidħlu f’rabta ġdida.  Intom aqraw dak li għandkom fl-Instrumentum laboris, li qiegħed hemm għad-diskussjoni.  Jidhirli li hu ftit sempliċistiku ngħidu li s-Sinodu… li s-soluzzjoni għal dawn in-nies tkun li jitilgħu jitqarbnu.  Din m’hix l-unika soluzzjoni.  Le.  Dak li l-Instrumentum laboris jipproponi hu ħafna iżjed minn hekk.  Il-problema tad-divorzjati li jerġgħu jiżżewġu m’hix l-unika problema.  Fl-Instrumentum laboris hemm ħafna.  Ngħidu aħna: iż-żgħażagħ m’humiex jiżżewġu, ma jridux jiżżewġu.  Din problema pastorali għall-Knisja.  Problema oħra: il-maturità affettiva għaż-żwieġ.  Problema oħra: il-fidi.  Jien nemmen li dan hu “għal dejjem”?  “Iva, iva, nemmen…”.  Imma nemmen tassew?  It-tħejjija għaż-żwieġ…  Fuq dan jien spiss naħseb: biex issir qassis hemm tħejjija ta’ tmien snin; u mbagħad, billi m’hux definittiv, il-Knisja tista’ tneħħilek l-istat klerikali.  Biex tiżżewweġ, li hi ħaġa għal ħajtek kollha, tagħmel erba’ laqgħat, erba’ darbiet…  Hemm xi ħaġa ma ddoqqx.  Is-Sinodu jrid jaħseb tajjeb fuq kif għandha ssir it-tħejjija għaż-żwieġ, hi waħda mill-aktar punti diffiċli.  U hemm ħafna problemi…  Imma, kollha mniżżlin fl-Instrumentum laboris.  Qed nieħu gost li int għamiltli l-mistoqsija fuq id-“divorzju Kattoliku”: le, dak ma jeżistix.  Jew ma kienx hemm żwieġ – u dan ikun annullament, ma eżistiex –, jew, jekk eżista, dan ma jinħall qatt.  Dan ċar.  Grazzi.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi ħafna, Santità.  Issa jmiss lil Terry Moran, minn Abc News, waħda mix-xbieki kbar Amerikani:

 

(Terry Moran, Abc News)

Santità, grazzi, grazzi ħafna, u grazzi wkoll lill-istaff tal-Vatikan.  Santità, int żort lis-Sorijiet Ċkejknin tal-foqra, u qaluli li int ridt turi l-appoġġ tiegħek lis-sorijiet anki f’sede ġudizzjarja.  Santità, int tappoġġja wkoll lil dawk l-individwi – fosthom funzjonarji tal-gvern – li jgħidu li ma jistgħux, skond il-kuxjenza retta tagħhom, skond il-kuxjenza personali tagħhom, jaqblu ma’ liġijiet partikulari jew iwettqu d-dmirijiet tagħhom ta’ funzjonarji tal-gvern, ngħidu aħna meta jiġu biex joħorġu permessi taż-żwieġ lil koppji ta’ l-istess sess?  Int tappoġġja dawn id-drittijiet għal-libertà reliġjuża?

 

(Il-Papa Franġisku)

Jien ma jistax ikolli f’moħħi l-każi kollha li jistgħu jeżistu ta’ oġġezzjoni ta’ kuxjenza.  Imma iva, nista’ ngħid li l-oġġezzjoni ta’ kuxjenza hi dritt u tidħol f’kull dritt uman.  Dan hu dritt, u jekk xi ħadd ma jħallikx tuża l-oġġezzjoni ta’ kuxjenza, ikun qed jiċħadlek dritt.  F’kull struttura ġudizzjarja għandha tidħol l-oġġezzjoni ta’ kuxjenza, għax hi dritt, dritt uman.  Inkella nispiċċaw nagħżlu d-drittijiet: dan hu dritt ta’ kwalità, dan hu dritt li ma jiswiex…  Hu dritt uman.  Jien dejjem kont nitqanqal – dan li ħa ngħid, kontrija! – meta kont għadni żgħir u naqra – ħafna drabi – iċ-Chanson de Roland: meta kien ikun hemm il-Musulmani kollha wara xulxin, u quddiemhom il-Fonti tal-Magħmudija jew ix-xabla, u kellhom jagħżlu.  Ma kinitx permessa lilhom l-oġġezzjoni ta’ kuxjenza.  Le, dan hu dritt.  U aħna, jekk irridu l-paċi, jeħtieġ nirrispettaw id-drittijiet kollha.

 

(Terry Moran)

Dan jinkludi wkoll il-funzjonarji tal-gvern?

 

(Il-Papa Franġisku)

Hu dritt uman.  Jekk il-funzjonarju tal-gvern hu persuna umana, għandu dak id-dritt.  Hu dritt uman.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi ħafna.  Issa ngħaddu l-kelma lil Stefano Maria Paci, mill-grupp Taljan ta’ Sky News.

 

(Stefano Maria Paci, Sky News)

Santità, fil-Ġnus Magħquda int tkellimt b’mod qawwi biex ikkundannajt is-silenzju tad-dinja dwar il-persekuzzjoni kontra l-Insara li qed jiġu mċaħħda mid-djar tagħhom, imkeċċija, imċaħħda minn ġidhom, imjassra u maqtula brutalment.  Issa l-President Hollande ħabbar il-bidu tal-bumbardamenti min-naħa ta’ Franza fuq il-bażi ta’ l-Isis fis-Sirja: x’taħseb dwar din l-azzjoni militari?  U mbagħad, kurżità oħra: is-Sindku Marino, Sindku ta’ Ruma, il-belt tal-Ġublew, iddikjara li ġie għal-Laqgħa Dinjija tal-Familja, għall-Quddiesa, għax stedintu int.  Tgħidilna x’ġara?

 

(Il-Papa Franġisku)

Nibda bit-tieni waħda: ma stedintux jien lis-Sindku Marino.  Ċara?  Mhux jien kont.  Staqsejt lill-organizzaturi, u lanqas ma kienu huma li stednuh.  Ġie hu, għax hu jistqarr li hu Kattoliku, u ġie minn jeddu.  Hekk ġara.  [Il-Campidoglio ħareġ stqarrija li s-Sindku Marino ġie mistieden uffiċjalment mis-Sindku ta’ Philadelphia, li żar Ruma f’Ġunju li għadda].  Dik l-ewwel ħaġa.  L-oħra, dwar il-bumbardament.  Verament, l-aħbar waslet għandi l-bieraħ tlula u ma qrajt xejn fuq hekk.  Ma nafx eżatt kif ħa timxi s-sitwazzjoni.  Smajt li r-Russja ħadet pożizzjoni, ta’ l-Istati Uniti għadha m’hix ċara…  Ma nafx ngħidlek, verament, għax il-ħaġa ma fhimthiex sew.  Imma meta nisma’ l-kelma “bumbardament”, mewt, demm… intenni dak li għidt lill-Kungress u lill-Ġnus Magħquda: nevitaw dawn l-affarijiet.  Imma s-sitwazzjoni politika ma ngħaddix ġudizzju fuqha, għax ma nafhiex.  Grazzi.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi.  Issa Miriam Schmidt, mid-Dpa (Deutsche Presseagentur), l-aġenzija Ġermaniża ta’ l-informazzjoni.

 

(Miriam Schmidt)

Santità, ridt nagħmel mistoqsija fuq ir-relazzjonijiet tas-Santa Sede maċ-Ċina u fuq il-qagħda f’dan il-pajjiż, li hi pjuttost diffiċli anki għall-Knisja Kattolika.  X’taħseb fuq dan?

 

(Il-Papa Franġisku)

Iċ-Ċina hi nazzjon kbir, li lid-dinja tatha kultura kbira u ħafna ħwejjeġ tajbin.  Jien darba x’ħin kont fuq l-ajruplan, jien u ġej lura mill-Korea, għidt li nixtieq ħafna mmur iċ-Ċina.  Jiena nħobbu lill-poplu Ċiniż; irridlu l-ġid.  Nawgura li jkun hemm il-possibbiltajiet li jkollna relazzjonijiet tajbin, relazzjonijiet tajbin.  Għandna l-kuntatti, nitkellmu…  Għalija, li jkolli pajjiż ħabib bħaċ-Ċina, li għandu tant kultura u tant possibbiltajiet li jagħmel il-ġid, ikun ta’ ferħ kbir.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi ħafna.  U issa għandna lil Sagrario Ruiz mill-Apodaca.

 

(Sagrario Ruiz mill-Apodaca)

Grazzi.  Il-lejla t-tajba, Santità.  Żort għall-ewwel darba l-Istati Uniti, ma kont ġejt qatt qabel; kellimt lill-Kungress, kellimt lill-Ġnus Magħquda, kellek folol kbar kull fejn mort…  Tħossok iżjed b’saħħtek?  U nixtieq nistaqsik ukoll, għax smajniek tgħid li għandna nagħtu iktar importanza lir-rwol tar-reliġjużi nisa u tan-nisa fil-Knisja ta’ l-Istati Uniti: se naraw qatt saċerdoti nisa fil-Knisja Kattolika, kif qed jitolbu ċerti gruppi fl-Istati Uniti u kif seħħ fi Knejjes oħra Nsara?  Grazzi.

 

(Il-Papa Franġisku)

Is-sorijiet ta’ l-Istati Uniti għamlu l-mirakli fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, fil-qasam tas-saħħa.  Il-poplu ta’ l-Istati Uniti jħobbhom lis-sorijiet: ma nafx kemm iħobb lill-qassisin, imma lis-sorijiet iħobbhom, iħobbhom ħafna.  U  huma bravi, huma bravi ħafna, bravi.  Kull waħda timxi fil-Kongregazzjoni tagħha, skond ir-regoli tagħha, hemm differenzi, imma huma bravi u għalhekk ħassejtni obbligat nirringrazzjahom ta’ dak li għamlu.  Persuna importanti fil-gvern ta’ l-Istati Uniti qaltli, f’dawn il-ġranet: “Jien il-formazzjoni kulturali tiegħi nafha l-ewwel u qabel kollox lis-sorijiet.  Is-sorijiet għandhom skejjel kullimkien – għonja, foqra – jaħdmu mal-foqra u fl-isptarijiet…  Din kienet l-ewwel mistoqsija.  It-tielet niftakarha…  It-tieni?

 

(Sagrario Ruiz de Apodaca)

Jekk tħossokx iżjed b’saħħtek wara li ġejt fl-Istati Uniti, b’din l-aġenda u b’dan is-suċċess li ksibt…

 

(Il-Papa Franġisku)

Ma nafx kellix suċċess jew le.  Imma jien nibża’ minni nnifsi, għax jekk nibża’ minni nnifsi, jien inħossni dejjem, ma nafx, dgħajjef, fis-sens li m’għandix setgħa; is-setgħa hi wkoll ħaġa li tgħaddi: il-lum għandek, għada m’għandekx…  Hi importanti jekk b’din is-setgħa li għandek tista’ tagħmel xi ġid.  U Ġesù fissirha din is-setgħa: is-setgħa vera hi li taqdi, tagħti servizz, tagħti l-iktar servizz umli.  U jien għad għandi iżjed x’nimxi f’din it-triq tal-qadi, għax inħoss li m’iniex nagħmel dak kollu li nista’.  Dan hu s-sens li jien għandi tas-setgħa.

 

It-tielet: is-saċerdoti nisa: dan ma jistax isir.  Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fi żminijiet ta’ diskussjoni, wara riflessjoni twila, twila, dan qalu ċar.  Mhux għax in-nisa m’humiex kapaċi, għax ħares: fil-Knisja huma iżjed importanti n-nisa mill-irġiel, għax il-Knisja hi mara; hi l-Knisja, mhux hu l-Knisja; il-Knisja hi l-għarusa ta’ Kristu, u l-Madonna hi iżjed importanti mill-Papiet, mill-isqfijiet u mis-saċerdoti.  Hi ħaġa li rrid nirrikonoxxi: aħna għadna xi ftit lura fl-elaborazzjoni ta’ teoloġija tal-mara.  Jeħtieġ naqdfu iktar ’il quddiem f’dik it-teoloġija.  Dan iva, hu minnu!  Grazzi.

 

(Padre Lombardi)

Issa għandna l-aħħar mistoqsija.  Hi ta’ Matilde Imberti, minn Radio France. U mbagħad nagħlqu.

 

(Matilde Imbertì, Radio France)

Santità, fl-Istati Uniti int sirt stilla.  Ħaġa tajba għall-Knisja li l-Papa jkun stilla?

 

(Il-Papa Franġisku)

Int taf x’kien it-titlu li kienu jużaw il-Papiet u li għandu jintuża?  “Qaddej tal-qaddejja ta’ Alla”.  Dan xi ftit differenti mill-istilla!  L-istilel huma sbieħ biex tħares lejhom, jien nieħu gost noqgħod inħares lejhom meta s-sema jkun kalm fis-sajf…  Imma l-Papa għandu jkun – għandu jkun! – il-qaddej tal-qaddejja ta’ Alla.  Iva, fil-midja nużaw din il-kelma, imma hemm verità oħra: kemm stilel rajna li mbagħad intfew u waqgħu…  Ħaġa li tgħaddi.  Imma li tkun qaddej tal-qaddejja ta’ Alla, din ħaġa sabiħa!  Ma tgħaddix.  Ma nafx…  Jien hekk naħsibha.

 

(Padre Lombardi)

Tajjeb, temmejna l-lista ta’ dawk li kienu nkitbu…  Għalhekk grazzi ħafna tad-disponibbiltà tiegħek.  Għamilna ta’ l-inqas ħamsin minuta ta’ konverżazzjoni u għalhekk kienet ħaġa konsistenti ħafna.  Nifirħulek għar-reżistenza tiegħek fil-vjaġġ u anki għal din il-konverżazzjoni magħna.  U aħna sa nkomplu nsegwuk: m’aħniex ħa nieqfu ma’ dan il-vjaġġ.  Intemm dan il-vjaġġ, imma għandna s-Sinodu, għandna tant ħwejjeġ oħra…  U nixtiequ nkomplu nsegwuk b’ħafna mħabba, stima, apprezzament, u nittamaw li nistgħu ngħinuk fil-qadi tiegħek lill-qaddejja ta’ Alla.

 

(Il-Papa Franġisku)

Grazzi ħafna tax-xogħol tagħkom, tal-paċenzja tagħkom, tat-tjieba tagħkom.  Grazzi.  Jien qiegħed għad-dispożizzjoni tagħkom.  Nitlob għalikom, verament.  Grazzi ta’ l-għajnuna.  It-titjira t-tajba!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard