(Padre Lombardi)

Missier Qaddis, grazzi talli ġejt isselmilna fil-bidu ta’ dan il-vjaġġ.  Nawgurawlek.  Nafu li dan hu vjaġġ impenjattiv kemm minħabba l-post fejn sejrin kif ukoll minħabba r-relazzjonijiet ekumeniċi u r-relazzjonijiet inter-reliġjużi.  Minnu li hu vjaġġ qasir imma hu intens ħafna u importanti.  Aħna se nkunu miegħek bit-talb, bl-attenzjoni u bis-sostenn tagħna mill-aħjar li nistgħu għax xogħolna hu li ninfurmaw.  Qiegħdin numru mhux ħażin: f’did-titjira hawn 65 li jirrappreżentaw diversi pajjiżi, media differenti, bħas-soltu ftit taħlita li tipprova tagħti każ kemm tal-media kif ukoll tal-lingwi eċċetra.  Hawn ħafna nies li inti tafhom diġà, li fedelment isegwu dawn il-vjaġġi.  Għandna magħna wkoll żewġ Torok: is-Sinjura Esma Cakir, li qed issellimlek bit-tixjir ta’ jdejha u s-Sinjura Yasemin Taskin, li qed ssellimlek ukoll, li mbagħad ikunu jistgħu jagħmlulek xi mistoqsijiet, waqt il-vjaġġ tar-ritorn, naturalment.

Imma dalgħodu għandna okkażjoni ta’ festa wkoll: hawn wieħed minna, li hu mistoħbi hemm wara, li llum jagħlaq 62 sena.  Illum għeluq sninu: Jean Louis de La Vaissière, u aħna, flimkien miegħek, nawgurawlu.

U issa, naturalment, ngħaddilek il-mikrofonu jekk int trid tgħidilna xi ħaġa.

(Il-Papa Franġisku)

Il-ġurnata t-tajba.  Intikom merħba u nirringrazzjakom tal-kumpanija waqt dan il-vjaġġ għax xogħolkom hu sapport, għajnuna u anki servizz lid-dinja: servizz lid-dinja biex twasslu l-aħbarijiet ta’ din l-attività reliġjuża u umanitarja, għax bħalissa, it-Turkija hija xhieda u toffri għajnuna lil tant refuġjati mill-inħawi fejn hemm il-kunflitti.  Nirringrazzjakom ta’ dan is-servizz.  Nerġgħu niltaqgħu fil-vjaġġ lura għall-konferenza stampa.  Grazzi ħafna u l-ħidma t-tajba.

(Padre Lombardi)

Grazzi ħafna, Santità.  U l-vjaġġ it-tajjeb.  Se nkunu qed insegwuk b’attenzjoni kbira.  Fuq vjaġġ bħal dan, il-preżenza waqt it-titjira hija importanti ħafna għax hemm żewġ tappi li fihom prattikament, dawn se jkunu l-uniċi ġurnalisti li se jkunu preżenti kemm f’Ankara u anki f’Istanbul biex isegwu mill-qrib il-vjaġġ tiegħek.  Għalhekk se jkollhom rwol importanti ħafna bħala informaturi u jixtiequ jiżgurawk li se jagħmlu ħilithom biex jikkollaboraw mal-ministeru tiegħek.  Grazzi, Santità u l-vjaġġ it-tajjeb.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber