Santità, Ħija l-għażiż,

 

L-għaxija dejjem iġġib magħha sentiment imħallat ta’ gratitudni għall-ġurnata li nkunu għexna u ta’ fiduċja anzjuża quddiem id-dalma tal-lejl.  Il-lejla qalbi hi mimlija bi gratitudni lejn Alla, li tani li niġi hawn nitlob flimkien mal-Qdusija Tiegħek u ma’ din il-Knisja oħtna, fi tmiem jum intens ta’ żjara appostolika; u fl-istess ħin qalbi qed tistenna l-jum li liturġikament diġà bdejna: il-festa ta’ l-Appostlu Sant’Indrija, li hu l-Fundatur u l-Patrun ta’ din il-Knisja. 

 

Permezz tal-kelmiet tal-profeta Żakkarija, il-Mulej tana għal darb’oħra, f’din it-talba ta’ l-Għasar, il-bażi tal-ħajja tagħna li mil-lum tgħaddi għal għada, il-blata qawwija li fuqha nistgħu flimkien immiddu l-passi tagħna b’ferħ u b’tama; din il-bażi soda hi l-wegħda tal-Mulej: “Ara, jiena nsalva l-poplu tiegħi mil-lvant u mill-punent… u jiena nkun Alla tagħhom, fidil u ġust” (8:7,8).

 

Iva, meqjum u għażiż Ħija Bartilmew, waqt li rroddlok minn qalbi l-“ħajr” tiegħi għall-merħba fraterna tiegħek, inħoss li l-ferħ tagħna hu akbar għax l-għajn tiegħu tinsab xi mkien ieħor, m’hix qiegħda fina, m’hix fit-tħabrik u fl-isforzi tagħna, li kif inhu xieraq qegħdin hemm ukoll, imma fil-fiduċja li t-tnejn li aħna għandna fil-fedeltà ta’ Alla, li tqiegħed il-bażi għall-bini mill-ġdid tat-tempju tiegħu li hu l-Knisja (ara Żak 8:9).  “Għax jiena niżra’ s-sliem” (Żak 8:12); araw, din hi ż-żerriegħa tal-ferħ.  Dak is-sliem u dak il-ferħ li d-dinja ma tistax tagħti, imma li l-Mulej Ġesù wiegħed lid-dixxipli tiegħu, u tahom meta qam mill-imwiet, fil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu.

 

Indrì u Pietru semgħuha din il-wegħda, laqgħuh dan id-don.  Kienu aħwa mid-demm, imma l-laqgħa tagħhom ma’ Kristu bidlithom f’aħwa fil-fidi u fl-imħabba.  U f’din il-lejla hienja, f’din it-talba ta’ l-Għasar nixtieq qabel xejn ngħid dan: aħwa fit-tama – u t-tama ma tqarraq qatt bina!  Xi grazzja hi din, Santità, li nistgħu nkunu aħwa fit-tama ta’ Kristu Rxoxt!  Xi grazzja – u x’responsabbiltà – li nistgħu nimxu flimkien f’din it-tama, imwieżna mill-ħarsien ta’ l-aħwa Appostli qaddisa Indrija u Pietru!  U li nafu li din it-tama komuni ma tqarraqx, għax hi mwaqqfa mhux fuqna u fuq l-isforzi fqajra tagħna, imma fuq il-fedeltà ta’ Alla.

 

B’din it-tama hienja, kollha gratitudni u stennija anzjuża, nagħti lill-Qdusija Tiegħek, lil dawn kollha hawn preżenti, u lill-Knisja ta’ Kostantinopli l-awgurju kordjali u fratern tiegħi għall-festa tal-Qaddis Patrun.  U nitlobkom pjaċir: li tbierku lili u lill-Knisja ta’ Ruma.