Għeżież Żgħażagħ,

Xtaqt ħafna li niltaqa’ magħkom.  Xtaqt niltaqa’ ma aktar rifuġjati imma ma setax ikun possibbli.  Intom ġejjin mit-Turkija, mis-Sirja, mill-Iraq, minn Pajjiżi varji tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika.  Intom hawn qed tirrappreżentaw mijiet ta’ żgħażagħ bħalkom, li ħafna minnhom huma rifuġjati jew maħrubin minn djarhom, li ta’ kuljum isibu l-għajnuna mis-Sależjani.  Irrid nesprimi l-parteċipazzjoni tiegħi fit-tbatijiet tagħkom u nittama li diż-żjara tiegħi, bil-grazzja tal-Mulej, ittikom xi ftit tal-faraġ fis-sitwazzjoni diffiċli li tinsabu fiha.  Din hija l-konsegwenza ta’ kunflitti eżasperati u tal-gwerra, li dejjem hi ħsara u qatt ma tista’ tkun is-soluzzjoni tal-problemi, anzi iżżidhom.

Ir-rifuġjati bħalkom, spiss isibu ruħhom neqsin, kultant anki għal żmien twil, mill-meħtieġ bażiku: abitazzjoni dinjituża, għajnuna sanitarja, edukazzjoni, ix-xogħol.  Kellhom iħallu warajhom mhux biss ir-realtajiet materjali, imma fuq kollox, il-libertà, il-qrubija tal-familji, l-ambjent vitali tagħhom u t-tradizzjonijiet kulturali.  Il-kundizzjonijiet degradanti li fihom ikollhom jgħixu tant rifuġjati huma intollerabbli!  Għalhekk jeħtieġ kull impenn biex jitneħħew il-kawżi ta’ din ir-realtà.  Nagħmel appell biex ikun hemm aktar konverġenza internazzjonali immirata biex issolvi l-kunflitti li qed jiksu bid-dmija l-pajjiżi minn fejn intom ġejjin, biex jiġġieldu l-kawżi li qed iġiegħlu lin-nies jaħarbu mill-patrija u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa ħalli dawn jibqgħu hemmhekk jew inkella jkunu jistgħu jerġgħu lura.  Ninkoraġġixxi lil kull min bil-ġenerożità u l-lealtà qed jaħdem għall-ġustizzja u għall-paċi anki jekk xi drabi m’għadx fadallu s-saħħa u l-leħen biex jitlobha!

Bosta organiżżazzjonijiet qed jagħmlu ħafna mar-rifuġjati: jien sodisfatt ħafna bil-ħidma effikaċi ta’ tant realtajiet Kattoliċi, li qed joffru għajnuna ġeneruża li tant persuni fil-bżonn, mingħajr diskriminazzjoni.  Nixtieq nespimi rikonoxximent sinċier lill-awtoritajiet Torok għall-isforz kbir  li qed jagħmlu biex jgħinu lill-evakwati, speċjalment lir-rifuġjati Sirjani u Iraqqini, u għall-impenn konkret biex jaraw li jtuhom dak li jkollhom bżonn.  Nawgura li ma jonqosx l-appoġġ tal-komunità internazzjonali wkoll.

Għeżież żgħażagħ, taqtgħux qalbkom.  Faċli tgħidha, imma għamlu ħilitkom biex ma taqtgħux qalbkom.  Bl-għajnuna t’Alla, komplu ttamaw f’futur aħjar minkejja d-diffikultajiet u l-ostakli li qed taffrontaw bħalissa.  Il-Knisja Kattolika, anki bis-saħħa tax-xogħol prezzjuż tas-Sależjani, hija qribkom, u minbarra għajnuniet oħra, toffrilkom il-possibiltà li tieħdu ħsieb l-edukazzjoni u l-formazzjoni tagħkom.  Ftakru dejjem li Alla qatt ma jinsa’ lil uliedu, u li l-iżgħar u dawk li l-aktar ibatu huma eqreb lejn il-qalb tiegħu ta’ Missier.

Min-naħa tiegħi, flimkien mal-Knisja, inkompli ndur lejn il-Mulej bil-fiduċja, nitolbu biex idawwal lil min jokkupa pożizzjoni ta’ responsabbiltà, biex jippromwovu l-paċi, mingħajr eżitazzjonijiet u b’mod verament konkret.  Bis-saħħa tal-organiżżazzjonijiet soċjali u ta’ karità, il-Knisja tibqa’ ħdejkom u tkompli ssostni l-kawża tagħkom quddiem id-dinja.

Alla jberikkom ilkoll!  Itolbu għalija.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Matli mit-taljan minn Joe Huber