Quddiem il-bniedem għatxan għall-fidwa, Ġesù fil-Vanġelu jippreżenta ruħu bħala l-għajn li minnha għandu jixrob, il-blata li minnha l-Missier joħroġ għejun ta’ ilma ħaj għal dawk kollha li jemmnu fih (ara Ġw 7:38).  B’din il-profezija, imxandra pubblikament f’Ġerusalemm, Ġesù jħabbar sa minn qabel id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu li kienu għad iridu jirċievu d-dixxipli tiegħu wara l-glorifikazzjoni tiegħu, jiġifieri l-mewt u l-qawmien tiegħu (ara v. 39).

 

L-Ispirtu s-Santu hu r-ruħ tal-Knisja.  Hu jagħtiha l-ħajja, iqanqal il-kariżmi differenti li jagħnu l-poplu ta’ Alla u, fuq kollox, joħloq l-għaqda bejn min jemmen: minn ħafna jagħmel ġisem wieħed, il-ġisem ta’ Kristu.  Il-ħajja u l-missjoni kollha tal-Knisja jiddipendu mill-Ispirtu s-Santu: Hu jwettaq kollox.

 

L-istess stqarrija ta’ fidi, kif ifakkarna San Pawl fl-Ewwel Qari tal-lum, hi possibbli biss għax iqanqalha fina l-Ispirtu s-Santu: “Ħadd ma jista’ jgħid: ‘Ġesù hu l-Mulej’ jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu” (1 Kor 12:3b).  Meta aħna nitolbu, dan għax l-Ispirtu s-Santu jqanqal fil-qalb tagħna li nagħmlu hekk.  Meta nkissru ċ-ċirku ta’ l-egoiżmu tagħna, noħorġu minna nfusna u nersqu lejn l-oħrajn biex niltaqgħu magħhom, nisimgħuhom, ngħinuhom, hu l-Ispirtu ta’ Alla li jkun qanqalna biex nagħmlu dan.  Meta nikxfu fina nfusna ħila misterjuża li naħfru, li nħobbu lil min jobgħodna, hu l-Ispirtu s-Santu li jkun ħatafna.  Meta mmorru lil hemm mill-kliem ta’ konvenjenza u nduru fuq ħutna b’dik il-ħlewwa li ssaħħan il-qalb, żgur li dan għax ikun messna l-Ispirtu s-Santu.

 

Hu minnu, l-Ispirtu s-Santu jqanqal il-kariżmi differenti fil-Knisja; minn barra dan donnu jidher li qed joħloq diżordni, imma fir-realtà, taħt it-tmexxija tiegħu, hu għana kbir, għax l-Ispirtu s-Santu hu l-Ispirtu ta’ l-għaqda, li ma tfissirx uniformità.  L-Ispirtu s-Santu biss jista’ jqanqal id-diversità, it-tkattir u, fl-istess ħin, iwettaq l-għaqda.  Meta nkunu aħna li rridu noħolqu d-diversità u ningħalqu fil-partikulariżmi u l-esklussiviżmi tagħna, inġibu l-firda; u meta nkunu aħna li rridu nġibu l-għaqda skond il-pjanijiet umani tagħna, nispiċċaw inġibu l-uniformità fejn kollox hu l-istess.  Imma jekk inħallu l-Ispirtu jmexxina hu, l-għana, il-varjetà, id-diversità ma jsiru qatt kunflitt, għax Hu jridna ngħixu l-varjetà fil-komunjoni tal-Knisja.

 

Il-kotra tal-membri u tal-kariżmi jsibu l-prinċipju li jarmonizzahom fl-Ispirtu ta’ Kristu, li l-Missier bagħat u jissokta jibgħat, biex iwettaq l-għaqda bejn dawk li jemmnu.  L-Ispirtu s-Santu jġib l-għaqda fil-Knisja: għaqda fil-fidi, għaqda fil-karità, għaqda fil-koeżjoni interjuri.  Il-Knisja u l-Knejjes huma msejħa jħallu l-Ispirtu s-Santu jmexxihom, u jkollhom atteġġjament ta’ ftuħ, ta’ doċilità u ta’ ubbidjenza.  Hu li jġib l-armonija fil-Knisja.  Qed tiġini f’moħħi dik il-kelma sabiħa ta’ San Bażilju l-Kbir: “Ipse harmonia est, Hu nnifsu hu l-armonija.

 

Din hi perspettiva ta’ tama, imma fl-istess waqt fiha t-taħbit tagħha, għax fina dejjem hemm it-tentazzjoni li niqfulu lill-Ispirtu s-Santu, għax hu jifxel, hu jħarrek, hu jmexxi, hu jimbutta lill-Knisja biex timxi ’l quddiem.  U dejjem hu aktar faċli u komdu għalina nibqgħu kkatmati mal-pożizzjonijiet weqfin tagħna li ma jinbidlux.  Fir-realtà, il-Knisja tkun fidila lejn l-Ispirtu s-Santu skond kemm ma tippretendix li tirregolah hi jew timmansah.  U l-Knisja tkun fidila għall-Ispirtu s-Santu wkoll meta twarrab għall-ġenb it-tentazzjoni li tħares lejha nfisha.  U aħna l-Insara nsiru dixxipli missjunarji awtentiċi, kapaċi nqanqlu l-kuxjenzi, jekk inwarrbu għall-ġenb stil difensiv biex inħallu l-Ispirtu jmexxina hu.  Hu freskezza, fantasija, novità.

 

Id-difiżi tagħna jistgħu jidhru meta nwebbsu żżejjed rasna fuq l-ideat tagħna, il-qawwiet tagħna – imma hekk niżolqu fil-Pelaġjaniżmu –, jew f’atteġġjament ta’ ambizzjoni u ta’ vanità.  Dawn il-mekkaniżmi difensivi jżommuna milli nifhmu tassew lill-oħrajn u ninfetħu għal djalogu sinċier magħhom.  Imma l-Knisja, li twieldet nhar Għid il-Ħamsin, laqgħet in-nar ta’ l-Ispirtu s-Santu, li ma jimliex daqstant il-moħħ bl-ideat, imma jqabbad il-qlub; hi mlibbsa bin-nifs ta’ l-Ispirtu li ma jgħaddix xi setgħa, imma l-ħila li wieħed jingħata għal servizz ta’ mħabba, lingwaġġ li kulħadd kapaċi jifhem.

 

Tul il-mixja tagħna ta’ fidi u ta’ ħajja fraterna, iktar ma nħallu b’umiltà lill-Ispirtu tal-Mulej imexxina, iktar jirnexxielna negħlbu n-nuqqas ta’ ftehim, il-firdiet u l-kontroversji u nsiru sinjal kredibbli ta’ għaqda u ta’ paċi.  Sinjal kredibbli li l-Mulej tagħna qam mill-mewt, hu ħaj.

 

B’din iċ-ċertezza hienja, ngħannaqkom ilkoll miegħi, għeżież ħuti: il-Patrijarka Siro-Kattoliku, il-President tal-Konferenza Episkopali, il-Vigarju Appostoliku Mons. Pelâtre, l-Isqfijiet u l-Eżarki l-oħra, il-presbiteri u d-djakni, il-persuni kkonsagrati u l-fidili lajċi, li ġejjin minn komunitajiet differenti u mid-diversi riti tal-Knisja Kattolika.  Nixtieq insellem bi mħabba ta’ aħwa lill-Patrijarka ta’ Kostantinopli, il-Qdusija Tiegħu Bartilmew I, il-Metropolita Siro-Ortodoss, il-Vigarju Patrijarkali Appostoliku Armen u r-rappreżentanti tal-Komunitajiet Protestanti, li riedu jitolbu magħna huma wkoll matul din iċ-ċelebrazzjoni.  Nesprimi r-rikonoxxenza tiegħi għal dan il-ġest fratern.  Nibgħat tislima ta’ mħabba lill-Patrijarka Appostoliku Armen Mesrob II, u niżgurah mit-talb tiegħi.

 

Ħuti, naħsbu fil-Verġni Marija, l-Omm Imqaddsa ta’ Alla.  Flimkien magħha, li fiċ-Ċenaklu talbet ma’ l-Appostli fl-istennija ta’ Għid il-Ħamisn, nitolbu lill-Mulej biex jibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħu fi qlubna u jagħmilna xhieda tal-Vanġelu tiegħu fid-dinja kollha.  Amen!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard