Santità, għażiż ħija Bartilmew,

 

Ħafna drabi, bħala Arċisqof ta’ Buenos Aires, ħadt sehem fil-Liturġija Divina tal-komunitajiet Ortodossi preżenti f’dik il-belt, imma li ninsab hawn il-lum f’din il-Knisja Patrijarkali ta’ San Ġorġ għaċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Appostlu Sant’Indrija, l-ewwel wieħed fost l-imsejħa u ħu San Pietru, Patrun tal-Patrijarkat Ekumeniku, hi tassew grazzja singulari li l-Mulej qed jagħtini.

 

Li niltaqgħu, inħarsu f’wiċċ xulxin, naqsmu t-tgħanniqa ta’ paċi, nitolbu wieħed għall-ieħor huma dimensjonijiet essenzjali f’dik il-mixja lejn it-twaqqif mill-ġdid tal-komunjoni sħiħa li għaliha nixtiequ naslu.  Dan kollu jiġi qabel u jsieħeb il-ħin kollu d-dimensjoni l-oħra essenzjali ta’ din il-mixja, li hi d-djalogu teoloġiku.  Djalogu awtentiku hu dejjem laqgħa bejn persuna b’isem, b’wiċċ, bi storja, u mhux biss konfrontazzjoni ta’ ideat.

 

Dan jgħodd fuq kollox għalina l-Insara, għax għalina l-verità hi l-persuna ta’ Ġesù Kristu.  L-eżempju ta’ Sant’Indrija, li flimkien ma’ dixxiplu ieħor kien dak li laqa’ l-istedina ta’ l-Imgħallem Divin: “Ejjew u taraw”, u “dak in-nhar baqgħu miegħu” (Ġw 1:39), jurina b’mod ċar li l-ħajja Nisranija hi esperjenza personali, laqgħa ma’ Dak li jħobbna u jrid jifdina li kapaċi tibdilna.  Anki t-tħabbira Nisranija tixtered grazzi għal persuni li, innamrati minn Kristu, ma jistgħux ma jittrasmettux il-ferħ li huma maħbuba u mifdija.  Għal darb’oħra l-eżempju ta’ l-Appostlu Indrì hu ta’ dawl għalina.  Hu, wara li mexa wara Ġesù hemm fejn kien jgħix u baqa’ miegħu, “l-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: Sibna l-Messija’ – li tfisser Kristu – u ħadu għand Ġesù” (Ġw 1:40-42).  Għalhekk jidher ċar li lanqas id-djalogu bejn l-Insara ma jista’ jitbiegħed minn din il-loġika tal-laqgħa personali.

 

M’hix kumbinazzjoni, għalhekk, li l-mixja ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi bejn Kattoliċi u Ortodossi kienet, b’xi mod, inawgurata b’laqgħa, b’tgħanniqa bejn il-predeċessuri meqjuma tagħna, il-Patrijarka Ekumeniku Atenagora u l-Papa Pawlu VI, ħamsin sena ilu, f’Ġerusalemm, ġrajja li l-Qdusija Tiegħek u jien dan l-aħħar ridna nfakkru meta ltqajna mill-ġdid fil-belt fejn Sidna Ġesù Kristu miet u qam.

 

B’koinċidenza hienja, din il-żjara tiegħi qed isseħħ xi jiem wara ċ-ċelebrazzjoni tal-ħamsin anniversarju mill-promulgazzjoni tad-Digriet tal-Konċilju Vatikan II dwar it-tiftix għall-għaqda ta’ l-Insara kollha, Unitatis redintegratio.  Dan hu dokument fundamentali li fetaħ triq ġdida għal-laqgħa bejn il-Kattoliċi u l-aħwa ta’ Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali oħra.

 

B’mod partikulari, b’dak id-Digriet il-Knisja Kattolika tagħraf li l-Knejjes Ortodossi “għandhom il-veri sagramenti u, fuq kollox, bis-saħħa tas-suċċessjoni appostolika, is-saċerdozju u l-Ewkaristija li bihom għadhom magħqudin magħna brabta l-iżjed kbira (nru 15).  Konsegwentement, naffermaw li biex nistgħu nħarsu fedelment il-milja tat-Tradizzjoni Nisranija u biex inwasslu fi tmiemha r-rikonċiljazzjoni ta’ l-Insara tal-Lvant u tal-Punent, hu importanti ħafna nikkonservaw u nwieżnu l-wirt l-aktar għani tal-Knejjes tal-Lvant, mhux biss f’dak li jolqot it-tradizzjonijiet liturġiċi u spiritwali, imma anki d-dixxiplini kanoniċi, mogħtija mis-Santi Padri u mill-Konċilji, li jirregolaw il-ħajja ta’ dawn il-Knejjes (ara nri 15-16).

 

Inħoss li hu importanti ninsisti fuq ir-rispett ta’ dan il-prinċipju bħala kundizzjoni essenzjali u reċiproka għat-twaqqif mill-ġdid tal-komunjoni sħiħa, li la tfisser sottomissjoni ta’ wieħed għall-ieħor, lanqas li wieħed jinxtorob mill-ieħor, imma pjuttost li nilqgħu d-doni kollha li Alla ta lil kull wieħed biex juri lid-dinja kollha l-misteru kbir tas-salvazzjoni mwettaq minn Kristu l-Mulej permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Nixtieq niżgura lil kull wieħed minnkom li, biex tilħaq l-għan hekk mixtieq ta’ l-għaqda sħiħa, il-Knisja Kattolika m’għandhiex f’moħħha timponi xi esiġenza, jekk mhux dik ta’ l-istqarrija tal-fidi komuni, u li aħna lesti li flimkien infittxu, fid-dawl tat-tagħlim ta’ l-Iskrittura u ta’ l-esperjenza ta’ l-ewwel millennju, il-modalitajiet li bihom nistgħu niggarantixxu l-għaqda meħtieġa tal-Knejjes fiċ-ċirkustanzi attwali: l-unika ħaġa li l-Knisja Kattolika tixtieq u li jiena qed infittex bħala Isqof ta’ Ruma, “il-Knisja li tippresiedi fl-imħabba”, hi l-komunjoni mal-Knejjes Ortodossi.  Din il-komunjoni dejjem tkun frott ta’ l-imħabba “li ssawbet fi qlubna permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li ġie mogħti lilna” (Rum 5:5), imħabba bejn l-aħwa li tagħti espressjoni lir-rabta spiritwali u traxxendenti li tgħaqqadna flimkien bħala dixxipli tal-Mulej.

 

Fid-dinja tal-lum qed jaslu f’widnejna ilħna qawwija li ma nistgħux ma nisimgħuhomx u li qed jitolbu mill-Knejjes tagħna li jgħixu sa ġewwa nett id-dixxipulat tagħhom wara Sidna Ġesù Kristu.

 

L-ewwel minn dawn l-ilħna hu dak tal-foqra.  Fid-dinja hemm wisq nisa u wisq irġiel li qed ibatu minħabba f’nuqqas ta’ ikel u xorb sân, minħabba l-qgħad dejjem jikber, minħabba l-persentaġġ għoli ta’ żgħażagħ bla xogħol u l-esklużjoni soċjali ikbar, li jistgħu jwasslu għal attivitajiet kriminali u saħansitra għar-reklutaġġ ta’ terroristi.  Ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem l-ilħna ta’ dawn ħutna.  Huma mhux biss qed jitolbuna nagħtuhom l-għajnuna materjali tagħna, meħtieġa f’tant ċirkustanzi, imma fuq kollox li ngħinuhom iħarsu d-dinjità tagħhom ta’ persuni umani, b’mod li jistgħu jsibu mill-ġdid l-enerġiji spiritwali biex iqumu mill-ġdid u jerġgħu jsiru protagonisti ta’ l-istorja tagħhom.  Barra minn hekk qed jitolbuna nissieltu, fid-dawl tal-Vanġelu, kontra l-kawżi strutturali tal-faqar: in-nuqqas ta’ ugwaljanza, in-nuqqas ta’ xogħol dinjituż, ta’ l-art u tad-dar, it-tiċħid mid-drittijiet soċjali u tax-xogħol.  Bħala Nsara aħna msejħin flimkien negħlbu dik il-globalizzazzjoni ta’ l-indifferenza li l-lum donnha għandha s-supremazija u nibnu ċiviltà ġdida ta’ l-imħabba u tas-solidarjetà.

 

It-tieni leħen li qed jgħajjat bis-saħħa hu dak tal-vittmi tal-kunflitti f’tant irkejjen tad-dinja.  Dan il-leħen qed nisimgħuh jidwi tajjeb minn hawn, għax xi nazzjonijiet ġirien huma mifnija minn gwerra attroċi u diżumana.  Nitnikket ferm meta f’moħħi jiġuni dawn il-vittmi kollha ta’ l-attentat diżuman u bla sens li f’dawn il-jiem laqat il-fidili Musulmani li kienu qed jitolbu fil-moskea ta’ Kano, fin-Niġerja.  Li tiddisturba l-paċi ta’ poplu, twettaq jew tippermetti kull xorta ta’ vjolenza, speċjalment fuq persuni dgħajfa u bla difiża, hu dnub gravissmu kontra Alla, għax ifisser li ma tkunx tirrispetta x-xbieha ta’ Alla li hi fil-bniedem.  Il-leħen tal-vittmi tal-kunflitti jimbuttana biex bil-ħeffa kollha nagħmlu passi ’l quddiem fil-mixja lejn ir-rikonċiljazzjoni u l-komunjoni bejn Kattoliċi u Ortodossi.  Inkella kif nistgħu nħabbru b’mod li jitwemmen il-Vanġelu tas-sliem li ġej minn Kristu, jekk bejnietna jissoktaw ir-rivalitajiet u t-tilwim? (ara Pawlu VI, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii nuntiandi, 77).

 

It-tielet leħen li qed jitlob minna tweġiba hu dak taż-żgħażagħ.  Il-lum sfortunatament bosta huma ż-żgħażagħ li qed jgħixu bla tama, mirbuħa mill-isfiduċja u mir-rassenjazzjoni.  Ħafna żgħażagħ, imbagħad, influwenzati mill-kultura dominanti, ifittxu l-ferħ biss fil-ġid materjali li għandhom u f’li jissodisfaw l-emozzjonijiet tal-mument.  Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda ma jistgħu qatt jiksbu l-għerf veru u jżommu ħajja f’nofshom it-tama jekk aħna ma nkunux kapaċi nivvalorizzaw u nittrasmettu l-umaniżmu veru, li joħroġ mill-Vanġelu u mill-esperjenza millenarja tal-Knisja.  Huma sewwa sew iż-żgħażagħ – qed jiġuni f’moħħi ngħidu aħna l-kotra taż-żgħażagħ Ortodossi, Kattoliċi u Protestanti li jinġemgħu f’laqgħat internazzjonali organizzati mill-komunità ta’ Taizé – huma li l-lum iħeġġuna nagħmlu passi ’l quddiem lejn il-komunjoni sħiħa.  U dan mhux għax jinjoraw it-tifsira tad-differenzi li għadhom jifirduna, imma għax jafu jaraw ’il bogħod aktar – jafu jaraw lil hemm – huma kapaċi jaraw l-essenzjal li diġà qed jgħaqqadna, li hu ħafna, Santità.

 

Għażiż ħija, ħija l-aktar għażiż, aħna diġà qegħdin f’mixja, f’mixja lejn il-komunjoni sħiħa u diġà nistgħu nduqu s-sinjali elokwenti ta’ għaqda reali, anki jekk għadha parzjali.  Dan ifarraġna u jweżinna aħna u nterrqu din il-mixja.  Aħna żguri li tul din it-triq għandna tweżinna l-interċessjoni ta’ l-Appostlu Andrija u ta’ ħuh Pietru, meqjusa mit-Tradizzjoni bħala l-fundaturi tal-Knejjes ta’ Kostantinopli u Ruma.  Nitolbu lil Alla d-don kbir ta’ l-għaqda sħiħa u l-ħila li nilqgħuh f’ħajjitna.  U ma ninsew qatt nitolbu għal xulxin.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard