Padre Lombardi

Allura, Santità, grazzi ħafna li tinsab magħna, grazzi ħafna ta’ din it-tislima hekk kordjali u ta’ ħbiberija li int ridt tagħmel propju lil kulħadd, lil kull wieħed u waħda minna.  Issa ngħaddu għat-tieni parti, kulturali, dik tal-mistoqsijiet.  Għandna xi persuni li nkitbu fil-lista u fl-ewwel post qegħidna ż-żewġ kollegi Turki, li naturalment huma interessati, għax il-mistoqsijiet aħna nistennew li jkunu fuq il-vjaġġ.  Hu vjaġġ li fih int għamilt ħafna affarijiet, għalhekk nistgħu ninżlu fil-fond ta’ diversi aspetti.  Għalhekk nistieden lil Yasemin tersaq tagħmel l-ewwel mistoqsija.  Yasemin hi mit-televiżjoni Turka, diġà għamlet il-vjaġġ hawnhekk mal-Papa Benedittu, għalhekk hi esperta tal-vjaġġi tal-Papiet fit-Turkija.

 

Yasemin Taskin

Il-lejla t-tajba, Santità.  Il-mistoqsija tiegħi narturalment hi fuq il-vjaġġ.  Il-Presdient Erdogan tkellem dwar “Islamofobija”; int, naturalment, iktar tkellimt fuq Kristjanofobija li għaddejja bħalissa fil-Lvant Nofsani, jiġifieri dak li qed jiġri lill-Insara, fil-minoranzi.  Meta nqisu wkoll is-sejħa mill-ġdid għad-djalogu interreliġjuż, x’nistgħu nagħmlu iżjed?  Jiġifieri, biżżejjed id-djalogu interreliġjuż?  Nistgħu nimxu pass ieħor?  U fil-fehma tiegħek, x’għandhom jagħmlu l-mexxejja tad-dinja?  Qed nistaqsi dan lilek għax int m’intix biss il-kap spiritwali tal-Kattoliċi, imma l-lum il-ġurnata int mexxej morali globali, u għalhekk anki f’dan is-sens nixtieq naf konkretament x’jista’ jsir, jekk nistgħux immorru iktar lil hemm…

 

Il-Papa Franġisku

Int għamiltli mistoqsijiet għal ktieb sħiħ!…  Fuq id-djalogu interreliġjuż nixtieq ngħid xi ħaġa, fuq l-Islamofobija u fuq il-Kristjanofobija: dawn it-tliet affarijiet.

 

Fuq l-Islamofobija: veru li quddiem dawn l-atti terroristiċi, mhux biss f’din iz-zona imma anki fl-Afrika, hemm reazzjoni u jingħad: “Jekk dan hu l-Islam, jirrabbjani!”.  U ħafna Musulmani ħassewhom offiżi, ħafna, ħafna Musulmani.  Jgħidu: “Le, aħna m’aħniex hekk.  Il-Quran hu ktieb tal-paċi, hu ktieb profetiku tal-paċi.  Dan m’hux l-Islam”.  Jien dan nifhmu u nemmen li – ta’ l-inqas jien dan nemmnu, sinċerament – li ma tistax tgħid li l-Musulmani kollha huma terroristi: ma tistax tgħid hekk.  Kif lanqas tista’ tgħid li l-Insara kollha huma fundamentalisti, għax anki aħna għandna minn dawn, fir-reliġjonijiet kollha jeżistu dawn il-gruppi żgħar.  Jien lill-President [Erdogan] għidtlu: “Tkun ħaġa sabiħa kieku l-mexxejja Islamiċi kollha – kemm jekk mexxejja politiċi, mexxejja reliġjużi jew mexxejja akkademiċi – joħorġu jitkellmu b’mod ċar u jikkundannaw dawn l-atti, għax dan jgħin lill-maġġoranza tal-poplu Islamiku biex jgħid ‘le’; imma tassew, minn fomm il-mexxejja tiegħu: il-mexxej reliġjuż, il-mexxej akkademiku, tant intellettwali, u l-mexxejja politiċi”.  Din kienet it-tweġiba tiegħi.  Għax ilkoll kemm aħna għandna bżonn nisimgħu kundanna mid-dinja kollha, anki min-naħa tal-Musulmani, li għandhom dik l-identità u li jgħidu: “Aħna m’aħniex bħal dawk.  Il-Quran ma jgħidx hekk”.  Din l-ewwel ħaġa.

 

Kristjanofobija: dan hu minnu!  Ma rridx nuża kliem sabiħ, le.  Lilna l-Insara qed ikeċċuna mil-Lvant Nofsani.  Xi kultant, kif rajna fl-Iraq, fiz-zona ta’ Mosul, ikollhom jitilqu u jħallu kollox warajhom, inkella jħallsu t-taxxa, biex imbagħad lanqas dan ma jkun biżżejjed…  U drabi oħra jkeċċuna bil-pulit.  Ngħidu aħna, fi Stat minnhom, hemm koppja fejn ir-raġel jgħix hawn u l-mara tgħix hemm…  Le, ir-raġel għandu jgħix ma’ martu.  Le, le: il-mara ma tistax titlaq u tħalli d-dar votja.  Dan qed jiġri f’xi pajjiżi.  Donnhom iridu li ma jkunx hemm iżjed Insara, li ma jibqa’ xejn Nisrani.  Dan insibuh f’dik iz-zona.  Veru, hu effett tat-terroriżmu, fl-ewwel każ, imma meta dan isir diplomatikament, bil-pulit, dan għax hemm xi ħaġa oħra moħbija wara, u dan m’hux sew.

 

U t-tielet, id-djalogu interreliġjuż.  Forsi kelli l-isbaħ konverżazzjoni, l-isbaħ f’dan is-sens, mal-President ta’ l-Affarijiet Reliġjużi u l-équipe tiegħu.  Diġà meta ġie l-Ambaxxatur il-ġdid tat-Turkija, xahar u nofs ilu, biex jippreżentali l-kredenzjali tiegħu, rajt fih bniedem eċċezzjonali, bniedem ta’ reliġjożità profonda.  U anki l-President ta’ dak l-uffiċċju kien mill-istess skola ta’ ħsieb.  U t-tnejn qaluli ħaġa sabiħa: “Issa donnu d-djalogu interreliġjuż wasal fl-aħħar tiegħu.  Jeħtieġ nagħmlu qabża ta’ kwalità, biex id-djalogu interreliġjuż ma jkunx biss: – Kif taħsbuha intom?…  Aħna hekk… –  Jeħtieġ nagħmlu qabża ta’ kwalità, jeħtieġ noħolqu d-djalogu bejn persuni reliġjużi ta’ diversi appartenenzi”.  Din ħaġa sabiħa, għax hawn għandna r-raġel u l-mara li jiltaqgħu ma’ raġel u mara oħra u jaqsmu flimkien l-esperjenzi tagħhom: ma jitkellmux biss fuq teoloġija, jitkellmu fuq l-esperjenza reliġjuża.  U dan ikun pass sabiħ ħafna ’l quddiem, sabiħ ħafna.  Għoġbitni wisq dik il-laqgħa.  Hi ta’ kwalità għolja.

 

Lura għall-ewwel żewġ aspetti, fuq kollox għal dak ta’ l-Islamofobija, jeħtieġ dejjem nagħżlu liema hi l-proposta ta’ reliġjon mill-użu konkret li jagħmel minn dik il-proposta gvern partikulari.  Forsi jgħidu: “Jien Musulman – jien Lhudi – jien Nisrani”.  Imma int qed tmexxi l-pajjiż mhux bħala Musulman, mhux bħala Lhudi, mhux bħala Nisrani.  Hemm abbiss.  Irridu nagħmlu din id-distinzjoni, għax ħafna drabi jintuża l-isem, imma r-realtà m’hix dik tar-reliġjon.  Ma nafx jekk weġibtx…

 

Yasemin Taskin

Grazzi, Santità.

 

Padre Lombardi

Weġibt abbundantament.  Issa tersaq Esma [Cakir], it-tieni mara Turka tagħna f’dan il-vjaġġ.  Ġejja mill-Aġenzija ta’ l-Informazzjoni.

 

Esma Cakir

Il-lejla t-tajba, Santità.  X’tifsira kellu dak il-mument ta’ talb hekk intens li kellek fil-Moskea?  Għalik, Santità, dan kien mod kif iddur lejn Alla?  X’tixtieq b’mod partikulari taqsam magħna?

 

Il-Papa Franġisku

Jien mort hemm, fit-Turkija, ġejt bħala pellegrin, mhux bħala turista.  U ġejt preċiżament, il-motiv prinċipali kien il-festa tal-lum: ġejt propju biex ngħaddiha mal-Patrijarka Bartilmew, motiv reliġjuż.  Imma mbagħad, meta mort il-Moskea, ma stajtx ngħid: “Le, issa jien turista”.  Le, kollox kien reliġjuż.  U rajt dik il-meravilja!  Il-Muftì kien qed jispjegali sew l-affarijiet, b’ħafna ħlewwa, u anki bil-Qruan, fejn jitkellem dwar Marija u dwar Ġwanni l-Battista, fissirli kollox…  F’dak il-ħin ħassejt il-bżonn li nitlob.  U għidtilhom: “Nitolbu ftit?” – “Iva, iva”, weġibni hu.  U jien tlabt: għat-Turkija, għall-paċi, għall-Muftì… għal kulħadd… għalija, li għandi bżonn…  Tlabt, tassew…  U tlabt għall-paċi, fuq kollox.  Għidt: “Mulej, nispiċċawha din tal-gwerra…”.  Hekk, kien mument ta’ talb sinċier.

 

Padre Lombardi

Issa nitolbu lill-Ortodoss tal-grupp tagħna, li hu Alexey Bukalov, wieħed mill-anzjani tagħna, li għamel ħafna vjaġġi: hu Russu u hu Ortodoss.  U allura talab setax jagħmel mistoqsija, billi dan kien vjaġġ fejn ir-relazzjonijiet ma’ l-Ortodossi kienu fundamentali.

 

Alexey Bukalov

Grazzi.  Grazzi, Padre Lombardi.  Santità, waqt li nirringrazzjak għal dak li qed tagħmel għad-dinja Ortodossa, nixtieq naf dan: wara din iż-żjara u wara din il-laqgħa straordinarja mal-Patrijarka ta’ Kostantinopli, x’perspettivi hemm għall-kuntatti mal-Patrijarkat ta’ Moska?  Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Ix-xahar l-ieħor, fl-okkażjoni tas-Sinodu, ġie Hilarion bħala delegat tal-Patrijarka Kirill.  Hu ried ikellimni, mhux bħala delegat fis-Sinodu, imma bħala President tal-Kummissjoni għad-Djalogu Ortodoss-Kattoliku.  Tkellimna ftit.

 

L-ewwel irrid ngħid xi ħaġa fuq l-Ortodossija kollha, u mbagħad “nasal” għal Moska.  Jiena nemmen li ma’ l-Ortodossija mexjin.  Huma għandhom is-sagramenti, għandhom is-suċċessjoni appostolika… ninsabu f’mixja.  X’għandna nistennew?  Li jaqblu t-teologi?  Dak m’hu ħa jasal qatt, nista’ niżgurakom, jiena xettiku.  Jaħdmu tajjeb it-teologi, imma niftakar dak li jingħad li kien qal Atenagora lil Pawlu VI: “Aħna nimxu għalina u npoġġu lit-teologi kollha fuq gżira, ħa joqogħdu jaħsbu hemm!”.  Jien kont naħseb li din ma kinitx ħaġa vera, imma Bartilmew qalli: “Le, dan veru, hekk qal”.  Ma nistgħux nistennew: l-għaqda hi mixja, mixja li rridu nagħmlu, li rridu nagħmluha flimkien.  U dan hu l-ekumeniżmu spiritwali: nitolbu flimkien, naħdmu flimkien, tant opri ta’ karità, tant ħidma li hemm xi ssir…  Ngħallmu flimkien…  Nimxu flimkien ’il quddiem.  Dan hu l-ekumeniżmu spiritwali.  Imbagħad hemm l-ekumeniżmu tad-demm, meta joqtlu lill-Insara; għandna ħafna martri… ibda minn dawk ta’ l-Uganda, ikkanonizzati ħamsin sena ilu: kienu nofshom Anglikani, nofshom Kattoliċi; imma dawk [li qatluhom] ma qagħdux jgħidu: “Int Kattoliku…  Int Anglikan…”.  Le: “Int Nisrani”, u d-demm jitħallat.  Dan hu l-ekumeniżmu tad-demm.  Il-martri tagħna qed jgħajtulna: “Aħna wieħed!  Diġà għandna l-għaqda bejnietna, fl-ispirtu u anki fid-demm”.  Jien ma nafx hawn irrakkuntajtx dak l-aneddotu ta’ Hamburg, tal-kappillan ta’ Hamburg…  Irrakkuntajtu?  Meta jien kont il-Ġermanja, kelli għax immur Hamburg biex namministra magħmudija.  U l-Kappillan kien qed jaħdem għall-kawża tal-kanonizzazzjoni ta’ saċerdot li kien inqatel bil-giljottina min-Nażisti għax kien jgħallem il-katekeżi lit-tfal.  U f’ħin minnhom, hu u jagħmel l-istudju tiegħu, skopra li warajh, fil-filliera, kien hemm pastor Luteran, ikkundannat għall-giljottina għall-istess raġuni.  Id-demm ta’ dawn it-tnejn tħallat flimkien.  U dan il-Kappillan mar għand l-Isqof tiegħu u qallu: “Jien f’din il-kawża mhux ħa nibqa’ nitħabat għall-qassis biss: jew għat-tnejn li huma jew għal ħadd!”.  Dan hu l-ekumeniżmu tad-demm, li jgħinna tant, jgħidilna ħafna.  U nemmen li għandna nibqgħu interrqu b’kuraġġ f’din il-mixja.  Iva, naqsmu flimkien il-katedri universitarji, dan nagħmluh, imma nimxu, nimxu…

 

Ħa ngħid ħaġa li forsi xi ħadd jista’ ma jifhimx, imma…  Il-Knejjes Kattoliċi Orjentali għandhom dritt jeżistu, dan hu minnu.  L-unjatiżmu sar kelma ta’ epoka oħra.  Il-lum ma nistgħux nitkellmu hekk.  Irridu nsibu triq oħra.

 

Issa, ħa “ninżlu” Moska.  Mal-Patrijarka Kirill… jien diġà għarraftu, u anki hu jaqbel, it-tnejn nixtiequ niltaqgħu.  Għidtlu: “Niġi fejn trid int.  Int ċempilli u jiena niġi”; u anki hu għandu l-istess rieda.  Imma f’dawn l-aħħar żminijiet, bil-problema tal-gwerra, miskin għandu ħafna problemi hemm, hekk li l-vjaġġ u l-laqgħa mal-Papa kellhom jitwarrbu xi ftit għall-ġenb.  Imma t-tnejn li aħna nixtiequ niltaqgħu u nimxu ’l quddiem.  Hilarion ippropona, f’laqgħa ta’ studju li għandha din il-Kummissjoni li fiha hu jmexxi d-delegazzjoni tal-Knisja Ortodossa Russa, li jinżlu iktar fil-fond tat-tema tal-Primat, għax jeħtieġ issir dik il-mistoqsija li kien għamel Ġwanni Pawlu II: “Għinuni nsib forma ta’ Primat li fuqha nistgħu naqblu”.  Dan hu li nista’ ngħidlek.

 

Alexey Bukalov

Grazzi, Santità.

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi lilek.

 

Padre Lombardi

Grazzi ħafna.  Mela, insejħu issa lil Mimmo Muolo, f’isem il-grupp Taljan, il-ġurnalista ta’ Avvenire.

 

Mimmo Muolo

Il-lejla t-tajba, Santità.

 

Il-Papa Franġisku

Kif int?  Tajjeb?

 

Mimmo Muolo

Tajjeb, grazzi.  Santità, inħossni onorat nagħmillek din il-mistoqsija f’isem il-ġurnalisti Taljani.  Laqtitni frażi li int għidt dal-għodu waqt il-Liturġija Divina: “Nixtieq niżgura lil kull wieħed minnkom li biex tilħaq l-għan hekk mixtieq ta’ l-għaqda sħiħa l-Knisja Kattolika m’għandha fi ħsiebha timponi l-ebda esiġenza”.  Nixtequk, jekk hu possibbli, tispjegalna iżjed din il-frażi u jekk kellhiex x’taqsam propju mal-problema tal-Primat li għaliha aċċennajt qabel.

 

Il-Papa Franġisku

Dik m’hix esiġenza: hi qbil, għax anki huma jriduh; hu qbil li nsibu forma li tkun iżjed konformi ma’ dik ta’ l-ewwel sekli.  Darba qrajt ħaġa li ġagħlitni naħseb.  Ngħid ħaġa fil-parentesi, dak li l-iżjed inħoss profond f’din il-mixja ta’ l-għaqda hu l-omelija li għamilt il-bieraħ, fuq l-Ispirtu s-Santu.  Il-mixja ta’ l-Ispirtu s-Santu biss hi dik it-tajba, għax Hu sorpriża, Hu jurina fejn hu l-punt; hu kreattiv…  Il-problema – din forsi hi kritika tagħna nfusna, imma hi ftit jew wisq dak li għidt fil-kongregazzjonijiet ġenerali qabel il-Konklavi – il-Knisja għandha d-difett, id-drawwa ħażina, li tħares wisq lejha nfisha, bħallikieku kienet temmen li għandha d-dawl fiha stess.  Imma ħares: il-Knisja m’għandhiex dawl tagħha.  Trid tħares lejn Ġesù Kristu!  Il-Knisja, il-Missirijiet tal-bidu kienu jsejħulha mysterium lunæ”, il-misteru tal-qamar, u għaliex?  Għax titfa’ dawl, imma mhux tagħha, hu dak li jiġi mix-xemx.  U meta l-Knisja tħares wisq lejha nfisha, jinbtu l-firdiet.  U dan hu li ġara wara l-ewwel elf sena.  Il-lum fuq il-mejda konna qed nitkellmu dwar il-mument, il-post – ma niftakarx sew liema – fejn mar kardinal iwassal l-iskomunika tal-Papa lill-Patrijarka: f’dak il-ħin il-Knisja ħarset lejha nfisha!  Ma ħarsitx lejn Ġesù Kristu.  U jien nemmen li dawn il-problemi kollha li jinqalgħu bejnietna, bejn l-Insara – ta’ l-inqas nitkellem dwar il-Knisja Kattolika tagħna – jinqalgħu meta tħares lejha nfisha: issir awtoreferenzjali.  Il-lum Bartilmew uża kelma li m’hix “awtoreferenzjali” imma kienet tixbahha sew, sabiħa ħafna… ma nistax niftakarha bħalissa, imma sabiħa ħafna, sabiħa ħafna [it-terminu, maqlub fit-Taljan, hu “introverżjoni”].  Huma jaċċettaw il-Primat: fil-Litanija, il-lum, talbu għar-“Ragħaj u Primat”.  Kif qaluha?  “Ποιμένα καί Πρόεδρον”, “Dak li jippresiedi…”.  Jagħrfuh, dan qaluh il-lum, quddiemi.  Imma f’dik li hi l-forma tal-Primat, jeħtieġ nerġgħu ftit lura għall-ewwel millennju biex nitnebbħu.  Ma rridx ngħid li l-Knisja żbaljat, le.  Imxiet it-triq tagħha fl-istorja.  Imma issa t-triq storika tal-Knisja hi dik li talab minnha San Ġwanni Pawlu II: “Għinuni nsib punt ta’ qbil fid-dawl ta’ l-ewwel millennju”.  Il-muftieħ hu dan.  Meta tirrifletti lilha nfisha, il-Knisja tkun qed tiċħad li tkun Knisja biex issir “NGO teoloġika”.

 

Padre Lombardi

Grazzi, Santità.  Issa nistiednu lill-ħabiba tagħna Irene Hernández Velasco, minn El Mundo, u li tinsab fl-aħħar vjaġġ tagħha, għax imbagħad se tiġi ttrasferita… għal Pariġi…, u għalhekk għalik il-kelma.

 

Irene Hernández Velasco

Grazzi, Santità.  Xtaqt nistaqsik dwar l-inkin storiku li l-bieraħ int għamilt quddiem il-Patrijarka ta’ Kostantinopli.  Fuq kollox nixtieq naf kif taħseb li ħa taffronta l-kritika ta’ dawk li forsi ma jifhmux dawn il-ġesti ta’ ftuħ, fuq kollox dawk xi ftit jew wisq ultrakonservattivi, li dejjem iħarsu bi ftit tas-suspett lejn dawn il-ġesti tiegħek ta’ ftuħ…

 

Il-Papa Franġisku

Ippermettili ngħid li din m’hix problema tagħna biss: hi anki problema tagħhom [ta’ l-Ortodossi].  Huma għnadhom il-problema ta’ xi monaċi, ta’ xi monasteri li jinsabu f’din it-triq.  Ngħidu aħna, problema li ilha tiġi diskussa sa minn żmien il-Beatu Pawlu VI hi d-data ta’ l-Għid.  U ma nistgħux niftiehmu!  Għax jekk nagħmluh fid-data ta’ l-ewwel qamar wara l-14 ta’ Nisan hemm il-periklu li bis-snin timxi ’l quddiem, ’il quddiem u nkunu nirriskjaw – il-proneputijiet tagħna – li niċċelebrawh f’Awwissu!  U rridu nfittxu…  Il-Beatu Pawlu VI ippropona data fissa, Ħadd f’April, li nkunu qbilna fuqu.  Bartilmew kien kuraġġjuż, ngħidu aħna, f’żewġ każi – niftakar wieħed minnhom, imma hemm ieħor.  Fil-Fillandja, lill-komunità ċkejkna Ortodossa hu qalilha: “Iffesteġġjaw l-Għid mal-Luterani, fid-data tal-Luterani”, biex f’pajjiż ta’ minoranza Nisranija ma jkunx hemm żewġ Għidijiet.  Imma anki l-Kattoliċi Orjentali…  Darba waqt l-ikel smajt li f’Via della Scrofa… kienu qed iħejju l-Għid fil-Knisja Kattolika, u kien hemm Kattoliku Orjentali li qal: “Le, Kristu tagħna jirxoxta xahar wara!  Kristu tiegħek il-lum jirxoxta?” – U l-ieħor qallu: “Kristu tiegħek hu Kristu tiegħi”.  Id-data ta’ l-Għid hi importanti.  Hemm ir-reżistenzi għal dan, min-naħa tagħhom u tagħna.  Dawn il-gruppi konservattivi… irridu nuruhom rispett u ma negħjew qatt nispjegawlhom, nikkatekizzaw, niddjalogaw, bla ma ninsultaw, bla ma nħammġuhom, bla ma nitkellmu ħażin fuqhom.  Għax int ma tistax tiżvaluta persuna billi tgħid: “Dan hu konservattiv”.  Le.  Dan hu iben Alla daqskemm jien jien.  Imma int ejja u nitkellmu.  Jekk ma jridx jitkellem, dik problema tiegħu, imma jien nuri rispett lejh.  Paċenzja, ħlewwa u djalogu.

 

Padre Lombardi

Grazzi, Santità.  U nistiednu lil Patricia Thomas, mill-AP, li se tagħmel il-mistoqsija tagħha f’isem il-grupp Amerikan.  Hi vjaġġatriċi kbira mal-Papa, tirrappreżenta t-tîm ta’ l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Amerikani.

 

Patricia Thomas

Insellimlek.  Nixtieq nagħmel mistoqsija fuq is-Sinodu, jekk tippermettili.  Waqt is-Sinodu kien hemm ftit tal-polemika fuq il-lingwaġġ, fuq kif il-Knisja tittratta l-omosesswali.  L-ewwel dokument tkellem dwar li nilqgħu l-persuna gay u tkellem b’mod pożittiv ħafna dwarhom.  Int taqbel ma’ dan il-lingwaġġ?

 

Il-Papa Franġisku

Ħa ngħid ħaġa l-ewwel: jien nixtieq li t-tema prinċipali ta’ l-aħbarijiet tagħkom tkun dan il-vjaġġ.  Imma se nwieġeb, se nwieġeb, tinkwetax.  Imma biex ma jiġrix li forsi għax dan iżjed éclatant: in-nies għandha bżonn li tkun infurmata fuq il-vjaġġ.  Imma se nwieġbek.  Is-Sinodu hu triq, hu mixja.  Dik l-ewwel ħaġa.  It-tieni: is-Sinodu m’hux parlament.  Hu spazju protett biex fih jista’ jitkellem l-Ispirtu s-Santu.  Kuljum kien isir dak il-briefing ma’ Padre Lombardi u Padri Sinodali oħra, li kienu jgħidu xi jkun intqal dak in-nhar.  Kienu affarijiet kuntrastanti, xi wħud minnhom.  Imbagħad, fi tmiem dawn l-interventi, sar dak l-abbozz, li kien l-ewwel relatio.  Imbagħad dan sar dokument ta’ ħidma għall-gruppi lingwistiċi li ħadmu fuqu, imbagħad taw il-kontribuzzjonijiet tagħhom li ġew ippubblikati: kienu f’idejn il-ġurnalisti kollha.  Jiġifieri dan il-grupp lingwistiku – Ingliżi, Spanjoli, Franċiżi, Taljani – ra kull parti tagħha [l-ewwel relazzjoni].  Fost l-oħrajn anki dik il-parti li qed issemmi int.  Imbagħad, kollox reġa’ lura għand il-kummissjoni redattriċi u din il-kummissjoni fittxet li ddaħħal kollox fid-dokument emendat.  Dak li hu sostanzjali jibqa’, imma kollox irid jiġi editjat, kollox, kollox.  U dak li hu sostanzjali u baqa’, insibuh fir-relazzjoni finali.  Imma ma jiqafx kollox hawn: anki dan hu dokument proviżorju, għax issa sar il-Lineamenta għas-Sinodu li jmiss.  Dan id-dokument intbagħat lill-Konferenzi Episkopali, li jridu jiddiskutuh, jibagħtu l-emendi tagħhom; imbagħad jinħadem Instrumentum laboris ieħor u mbagħad is-Sinodu li jmiss joħroġ tiegħu.  Hi mixja.  Għalhekk ma tistax taqbad opinjoni, ta’ persuna jew ta’ abbozz.  Is-Sinodu rridu nħarsu lejh fit-totalità tiegħu.  Jien lanqas naqbel – imma din opinjoni tiegħi, u ma rridx nimponiha – ma naqbilx li jingħad: “Il-lum dan qal hekk, u dan qal hekk”.  Le, għandu jingħad xi ntqal, imma mhux min qalu, għax – nirripeti – dan m’hux parlament, is-Sinodu, hu spazju ekkleżjali protett, u din il-protezzjoni qiegħda hemm biex l-Ispirtu s-Santu jista’ jaħdem.  Din hi t-tweġiba tiegħi.

 

Padre Lombardi

Grazzi, Santità.  Mela issa ngħaddu l-kelma lil Antoine-Marie Izoard mill-grupp Franċiż.

 

Antoine-Marie Izoard

Santità, qabel xejn irrid ngħidlek li l-familji ta’ Franza, il-fidili qed jistennewk, b’ferħ kbir.

 

Int irnexxielek tgħaddi ftit tal-ħin mar-rifuġjati, il-lum wara nofs in-nhar.  U allura, għaliex ma kienx possibbli li waqt dan il-vjaġġ iżżur kamp?  U mill-ġdid, ġentilment tista’ tgħidilna taħsibx li fi żmien qasir tista’ żżur l-Iraq?

 

Il-Papa Franġisku

Iva.  Jien ridt inżur kamp, u Dr Gasbarri għamel il-kalkoli kollha, għamel minn kollox, imma kellna bżonn ġurnata iżjed, u ma kienx possibbli.  Ma kienx possibbli għal ħafna raġunijiet, mhux biss personali.  U għalhekk tlabt lis-Salesjani li jaħdmu mat-tfal rifuġjati, biex iġibuhom huma.  U kont magħhom qabel mort inżur lill-Arċisqof Armen marid fl-isptar u mbagħad l-ajruport, fl-aħħar.  U kelli diskursata magħhom.  U hawn napprofitta biex nirringrazzja lill-Gvern Tork: hu ġeneruż, hu ġeneruż.  Jiena nsejtu n-numru ta’ rifuġjati li għandu…

 

Alberto Gasbarri

Xi miljun b’kollox fil-pajjiż.

 

Il-Papa Franġisku

Miljun!  Imma int taf xi jfisser miljun persuna li jiġuk hemm u int trid taħseb għal saħħithom, għall-ikel tagħhom, biex tagħtihom sodda, dar…  Kien qalbu tajba.  U nixtieq pubblikament nirringrazzjah.  U mbagħad, il-mistoqsija l-oħra?…

 

Antoine-Marie Izoard

L-Iraq.

 

Il-Papa Franġisku

Iva.  Fl-Iraq nixtieq immur.  Tkellimt mal-Patrijarka Sako, bgħatt lill-Kardinal Filoni, u għalissa għadu m’hux possibbli.  Mhux biss għax jien ma rridx.  Li kelli mmur bħalissa, dan kien joħloq problema pjuttost serja għall-awtoritajiet, ta’ sigurtà…  Imma nixtieq ħafna mmur.  Grazzi.

 

Padre Lombardi

Għad għandna żewġ mistoqsijiet biex nagħlqu d-dawra li konna ħsibna għaliha.  Thomas Jansen, f’isem il-grupp Ġermaniż, u Hiroshi Isida, il-Ġappuniż.  Nistieden jersaq lil Thomas.

 

Thomas Jansen

Santità, xi jiem ilu int żort il-Parlament Ewropew fi Strasburgu: mal-President Erdogan tkellimt ukoll dwar l-Unjoni Ewropea u s-sħubija tat-Turkija?

 

Il-Papa Franġisku

Le, fuq din it-tema ma tkellimniex ma’ Erdogan.  Kurjuża: tkellimna fuq ħafna affarijiet, imma fuq hekk ma tkellimniex.

 

Padre Lombardi

Allura, Hiroshi Ishida: mela sejrin l-Asja.

 

Hiroshi Ishida

Santità, bi pjaċir qed nagħmel din il-mistoqsija f’isem il-ġurnalisti Ġappuniżi.  Għalija, dan il-vjaġġ sa jkun l-aħħar wieħed li fih nista’ nsegwik għax f’Jannar nerġa’ lura l-Ġappun.  Imma nistenniek bil-ferħ is-sena d-dieħla f’Nagasaki mal-fidili.  Għalhekk nixtieq nistaqsik, rigward it-“tielet gwerra dinjija” u l-armi nukleari: int, waqt iċ-ċerimonja li nżammet f’Redipuglia f’Settembru, għidt li aktarx it-Tielet Gwerra Dinjija diġà qed tiġi miġġielda f’“biċċiet” madwar id-dinja kollha.  Is-sena d-dieħla jaħbat is-sebgħin anniversarju minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, kif ukoll mit-traġedja tal-bomba atomika ta’ Hiroshima u ta’ Nagasaki.  Sal-lum fid-dinja għandna ħafna armi nukleari.  X’taħseb dwar it-traġedja ta’ Hiroshima u Nagasaki, u kif taħseb li aħna l-bnedmin għandna nġibu ruħna quddiem dawn l-armi nukleari u t-theddida tar-radjazzjonijiet?  Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Irrid ngħid żewġ affarijiet.

 

L-ewwel: opinjoni personali, imma jien konvint li qed ngħixu tielet gwerra dinjija f’biċċiet, f’kapitli, ma’ kullimkien.  Wara dan hemm ħafna tilwim, problemi politiċi, problemi ekonomiċi – mhux biss, mhux waħda, imma hemm ħafna, biex isalvaw din is-sistema fejn l-alla flus jinsab fiċ-ċentru, u mhux il-bniedem – u kummerċjali.  It-traffikar ta’ l-armi hu terribbli, u wieħed mill-kummerċi l-aktar b’saħħithom bħalissa.  U għalhekk jiena nemmen li din ir-realtà qed toktor, għax qed jitqassmu l-armi.  Jiġini f’moħħi kif is-sena l-oħra f’Settembru ngħad li s-Sirja kellha f’idejha l-armamenti kimiċi.  Nemmen li s-Sirja ma kinitx kapaċi tipproduċi hi l-armamenti kimiċi.  Min begħihomlha?  Forsi xi wħud minn dawk stess li kienu qed jakkużawha li qed taħbihom?  Ma nafx.  Imma fuq din il-biċċa ta’ l-armi hemm misteru kbir.

 

It-tieni.  L-enerġija atomika.  Veru: l-eżempju ta’ Hiroshima u ta’ Nagasaki…  L-umanità ma tgħallmitx, għadha ma tgħallmitx.  M’hix kapaċi tifhem dak li hu elementari f’dan l-argument.  Alla tana l-ħolqien biex aħna minn din l-“in-kultura” [nuqqas ta’ kultura] primordjali nagħmlu “kultura”.  Nistgħu nġibuha ’l quddiem.  U l-bniedem dan għamlu, u wasal anki sa l-enerġija nukleari, li tista’ sservi għal ħafna affarijiet, imma qed jużaha anki biex jeqred il-ħolqien, l-umanità.  U din issir it-tieni forma ta’ “in-kultura”: dik l-in-kultura primordjali li l-bniedem kellu jibdel f’kultura saret in-kultura oħra, it-tieni waħda.  U din hi in-kultura – ma rridx ngħid l-aħħar tad-dinja – imma hi in-kultura terminali.  Imbagħad ikollna nibdew mill-ġdid, u hi ħaġa terribbli kif iż-żewġt ibliet tagħkom kellhom jibdew kollox mill-ġdid.

 

Padre Lombardi

Allura, nieħdu mistoqsija ta’ l-aħħar minn Giansoldati li kienet inkitbet f’isem il-grupp Taljan, u mbagħad irridu nagħlqu.

 

Franca Giansoldati

Santità, int rieġa’ lura minn dan il-vjaġġ fit-Turkija.  Ma smajt xejn fuq l-Armeni.  Is-sena d-dieħla jaħbat iċ-ċentinarju mill-ġenoċidju ta’ l-Armeni u l-Gvern Tork għandu pożizzjoni negazjonista.  Xtaqt naf x’taħseb fuq dan.  U int l-ewwel tkellimt ukoll fuq il-martirju tad-demm li jfakkar direttament f’dak li seħħ hawn u li sewa l-ħajja ta’ miljun u nofs ruħ.

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi.  Il-lum jien mort l-istpar Armen biex inżur lill-Arċisqof Armen li qiegħed hemm, ilu marid, żmien twil…  Tul dan il-vjaġġ kelli kuntatti ma’ l-Armeni.  Il-Gvern Tork għamel ġest, is-sena l-oħra: il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Erdogan, kiteb ittra fil-jum ta’ din it-tifkira; ittra li xi wħud iġġudikawha dgħajfa wisq, imma – fil-fehma tiegħi – kinitx kbira jew żgħira ma nafx, imma biha żgur kien qed joħroġ idu.  U din dejjem hi ħaġa pożittiva.  Jien nista’ ntawwal idi hekk jew nista’ ntawwalha hekk, nistenna x’qed jgħidli l-ieħor biex ma nimbarazzax ruħi.  U dan hu pożittiv, dak li għamel il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien.  Ħaġa li hi ħafna għal qalbi hi l-fruntiera Torka-Armena: li kieku tista’ tinfetaħ, dik il-fruntiera, kienet tkun ħaġa sabiħa!  Naf li hemm problemi ġeopolitiċi fiz-zona, li ma tantx jiffaċilitaw il-ftuħ ta’ dik il-fruntiera.  Imma rridu nitolbu għar-rikonċiljazzjoni tal-popli.  Naf ukoll li hemm rieda tajba miż-żewġ naħat – hekk nemmen – u rridu ngħinuhom biex dan isir.  Is-sena d-dieħla hemm maħsuba ħafna atti kommemorattivi ta’ dan iċ-ċentinarju, imma nittamaw li naslu għal triq ta’ ġesti ċkejknin, ta’ passi żgħar li jqarrbuna.  Dan jiġini li ngħid bħalissa.  Grazzi.

 

Padre Lombardi

Grazzi ħafna, Santità.  Grazzi ta’ din il-konferenza twila, ta’ din il-konverżazzjoni estremament serena, li, irrid ngħid, imlietna b’ħafna ferħ u paċi.  Biex nagħlqu, ridt ngħidlek biss tistax tgħid kelmtejn ta’ awguri lill-KTO, li hi t-televiżjoni Kattolika Franċiża, li qed tiċċelebra ħmistax-il sena ta’ ħajja.

 

Il-Papa Franġisku

Il-KTO…  Insellmilkom minn qalbi u nagħtikom l-isbaħ awguri biex tibqgħu mexjin ’il quddiem u tifhmu sew x’qed jiġri fid-dinja.  Awguri, u l-Mulej iberikkom.

 

U grazzi tal-paċenzja tagħkom, u jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Għandi bżonn.  Grazzi.

 

Padre Lombardi

Grazzi ħafna lilek, Santità, tassew, ta’ dan ir-rigal.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard