Sur President,
Awtoritajiet Distinti,
Sin
juri,

Jien kuntent li qed inżur pajjiżkom għani fil-ġmiel naturali u fl-istorja, mimli bi fdalijiet miċ-ċiviltajjiet antiki u pont naturali bejn żewġ kontinenti li jesprimu kulturi differenti.  Din l-art hi għażiża għal kull Kristjan għax fiha twieled San Pawl li hawn waqqaf diversi komunitajiet Insara; għax laqgħet fiha seba’ Konċilji tal-Knisja u minħabba l-preżenza, qrib Efesu, ta’ dik li hi meqjusa bħala d-“dar ta’ Marija”, il-post fejn Omm Alla għexet għal xi snin, post li jżuruh tant pellegrini min kull naħa tad-dinja, mhux Insara biss imma Musulmani wkoll.  Madankollu r-raġunijiet tal-apprezzament tat-Turkija mhux qiegħdin biss fil-passat tagħha, fil-monumenti rikki li għandha, imma jinsabu fil-vitalità tal-preżent tagħha, fil-poplu ħawtiel u ġeneruż tagħha, fir-rwol tagħha li tilqa’ fiha tant nazzjonijiet.

Għalija hu ta’ ferħ li għandi l-opportunità li magħkom inkompli djalogu ta’ ħbiberija, ta’ stima u ta’ rispett, fuq il-linji tal-predeċessuri tiegħi, il-Beatu Pawlu VI, San Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI, djalogu mħejji u ffavorit mill-ħidma ta’ dak li kien id-Delegat Appostoliku, Monsinjur Angelo Giuseppe Roncalli, li issa hu San Ġwanni XXIII, u mill-Konċilju Vatikan II.

Għandna bżonn djalogu li jinżel fil-fond tal-kuxjenza u, bid-dixxerniment, jivvaloriżża dawk l-affarijiet li għandna koumuni bejnietna, imma li fl-istess waqt, jippermettilna nikkunsidraw b’qalb għaqlija u serena, id-differenzi, ħalli minnhom inkunu nistgħu nisiltu t-tagħlim.

Jeħtieġ li bil-paċenzja nkomplu l-impenn li nibnu paċi solida, mibnija fuq ir-rispett tad-drittijiet u d-doveri fundamentali marbutin mad-dinjità tal-bniedem.  Din it-triq tista’ twassalna biex negħlbu l-preġudizzji u l-biża’ falz u tagħmel wisa’ għall-istima, għal-laqgħa, għall-iżvilupp tal-aħjar enerġiji għall-vantaġġ ta’ kulħadd.

Għal dan l-għan hu fundamentali li ċ-ċittadini Musulmani, Lhud u Insara – kemm fid-dispożizzjonijiet tal-liġijiet kif ukoll fit-tqegħid fis-seħħ effettiv tagħhom – igawdu l-istess drittijiet u jirrispettaw l-istess dmirijiet.  B’hekk ikun aktar faċli għalihom li jagħrfu lil xuxlin bħala aħwa u kumpanji tul it-triq, u jbiegħdu dejjem aktar in-nuqqas ta’ ftehim u jiffavorixxu b’hekk il-kollaborazzjoni u l-qbil.  Il-libertà reliġjuża u l-libertà tal-espressjoni, meta jkunu garantiti b’mod effikaċi lil kulħadd, jistimolaw it-twarrid tal-ħbiberija u jsiru sinjal elokwenti ta’ paċi.

Il-Lvant Nofsani, l-Ewropa, id-dinja, qed jistennew li dan iwarrad.  Partikolarment il-Lvant Nofsani ilu wisq żmien teatru ta’ gwerrer bejn l-aħwa, li donnhom jitnisslu waħda mill-oħra qisu li l-unika tweġiba għall-gwerra u l-vjolenza trid dejjem tkun gwerra oħra u aktar vjolenza.

Kemm se jdum isofri aktar il-Lvant Nofsani minħabba n-nuqqas ta’ paċi?  Ma nistgħux nirrassenjaw ruħna li l-kunflitti se jibqgħu għaddejjin qisu l-bidla għall-aħjar tas-sitwazzjjoni mhix possibbli!  Bl-għajnuna t’Alla, nistgħu u għandna nġeddu dejjem il-kuraġġ tal-paċi!  Dan l-atteġġjament iwassal biex bil-lealtà, bil-paċenzja u d-determinazzjoni nużaw il-possibiltajiet kollha tan-negozjar u nilħqu miri konkreti ta’ paċi u żvilupp sostenibbli.

Sur President biex nilħqu għan daqshekk nobbli u urġenti, id-djalogu inter-reliġjuż u inter-kulturali jistgħu jagħtu kontribut importanti, biex titbarra kull għamla ta’ fundamentaliżmu u terroriżmu li jumilja gravement id-dinjità tal-bnedmin kollha u jistrumeltaliżża r-reliġjon.

Kontra l-fanatiżmu u l-fundalmentaliżmu, kontra biżgħat irrazzjonali li jinkoraġġixxu biss nuqqas ta’ ftehim u diskriminazzjoni, hi meħtieġa s-solidarjetà ta’ kull min jemmen, solidarjetà li tistrieħ fuq il-pilastri tar-rispett lejn il-ħajja umana, il-libertà reliġjuża, li hi l-libertà tal-kult u l-libertà li wieħed jgħix skont l-etika reliġjuża, l-isforz biex dak li hu meħtieġ għal ħajja dinjituża jkun garantit u l-ħarsien tal-ambjent naturali.  Dan għandhom bżonn b’urġenza speċjali l-popli tal-Istati tal-Lvant Nofsani biex ikunu jistgħu sa fl-aħħar “jibdlu r-rotta” u jwasslu fi tmiemu pożittivament proċess ta’ paċifikazzjoni, bir-rfjut tal-gwerra u tal-vjolenza u bl-insistenza fuq id-djalogu, id-dritt u l-ġustizzja.

Infatti, sal-lum aħna għadna xhieda ta’ kunflitti gravi.  Fis-Sirja u fl-Iraq, b’mod partikolari, il-vjolenza terroristika m’hemmx li tmajna.  Qed naraw isseħħ il-vjolazzjoni tal-liġijiet umanitarji l-aktar elementari ma’ priġunieri u gruppi sħaħ etniċi; twettqu u għandhom jitwettqu persekuzzjonijiet gravi kontra minoranzi, speċjalment, imma mhux biss, l-Insara u l-Yażdi: mijiet ta’ eluf ta’ persuni kienu mgegħelin iħallu djarhom u l-patrija biex isalvaw ħajjithom u biex jibqgħu fidili lejn twemminhom.

Meta bil-ġenerożità, it-Turkija tilqa’ għadd kbir ħafna minn dawn ir-rifuġjati, hija għandha sehem dirett f’din is-sitwazzjoni drammatika li hemm madwar il-konfini tagħha, u l-komunità internazzjonali għandha l-obbligu morali li tgħinha tieħu ħsieb dawn ir-refuġjati.  Flimkien mal-assistenza umanitarja meħtieġa, ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem dak kollu li pprovoka dawn it-traġedji.  Filwaqt li ntenni li hu leċitu li l-aggressur inġust jitwaqqaf, dejjem però fil-qafas tal-liġijiet internazzjonali, irrid infakkar ukoll li ma nistgħux inħallu li l-militar ikun l-unika soluzzjoni tal-problema.

Meħtieġ impenn qawwi komuni, mibni fuq il-fiduċja reċiproka, li jagħmilha possibbli li jkun hemm paċi dejjiema u li jippermetti li finalment, ir-riżorsi ma jmorrux għall-armamamenti imma għat-qabid veru li għandu l-bniedem: il-ġlieda kontra l-ġuħ u l-mard, il-ġlieda għal żvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ħolqien, f’għajnuna għal tant għamliet ta’ faqar u emarġinazzjoni li mhux neqsin lanqas fid-dinja moderna.

Minħabba l-istorja tagħha, bis-saħħa tal-pożizzjoni ġeografika li għandha u minħabba l-importanza li għandha fir-reġjun, it-Turkija hi mgħobbija b’responsabbiltà kbira: l-għażliet li tagħmel u l-eżempju li tagħti għandhom valur speċjali u jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira biex jiffavorixxu l-laqgħa bejn iċ-ċiviltajiet u biex ikunu identifikati toroq prattikabbli ta’ paċi u progress awtentiku.

Jalla l-Aktar Għoli jbierek u jipproteġi lit-Turkija u jgħinha tkun awtur tal-paċi validu u konvint!  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.