Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Insellilkom ilkoll, ħaddiema, imprendituri, awtoritajiet, żgħażagħ u familji li tinsabu hawn għal din il-lqagħa, u nirringrazzjakom tad-diskorsi tagħkom li minnhom joħroġ is-sens ta’ responsabbiltà quddiem il-problemi ħtija tal-kriżi ekonomika, u talli xhedtu li l-fidi fil-Mulej u l-għaqda fil-familja huma ta’ għajnuna kbira u sapport għalikom.

Iż-żjara tiegħi f’Turin tibda’ bikom.  Qabel xejn nesprimi l-qrubija tiegħi lejn iż-żgħażagħ li jinsabu bla xogħol, lejn il-persuni li qegħdin jirċievu l-benefiċċji soċjali għal min hu bla xogħol jew għandu mpieg prekarju; imma nsellem ukoll lill-imprendituri, lill-artiġjani u lill-ħaddiema kollha tas-setturi kollha, speċjalment dawk li qed isibuha bi tqila biex ilaħħqu mal-ħajja.

Ix-xogħol mhuwiex meħtieġ biss għall-ekonomija imma għall-persuna umana wkoll, għad-dinjità tagħha, għaċ-ċittadinanza tagħha u anki għall-inklużjoni soċjali.  Storikament, Turin hija kalamita tax-xogħol imma llum milquta ħafna mill-kriżi: ix-xogħol nieqes, kibru d-differenzi ekonomiċi u soċjali, tant persuni ftaqru u għandhom problemi bid-dar, bis-saħħa, bit-tagħlim u ħwejjeġ oħra ta’ ħtieġa primarja.  L-imigrazzjoni qed toħloq il-kompetizzjoni, imma dan mhux ħtija tal-imigranti, għax huma vittmi tal-inġustizzji ta’ din l-ekonomija li tiskarta, u tal-gwerrer.  Tibki tara l-ispettaklu ta’ dal-ġranet li fihom bnedmin ikunu ttrattati qieshom merċa!

F’din is-sitwazzjoni aħna msejħin biex intennu l-“le” tagħna għal ekonimija li tarmi, li lil dawk li jgħixu fil-faqar assolut tgħidilhom biex jirrassenjaw ruħhom u jaċċettaw huma mwarrbin – f’Turin madwar għaxra fil-mija tal-popolazzjoni.  Qed inwarrbu t-tfal (in-nalità hija żero!), inwarrbu l-anzjani u issa qed inwarrbu wkoll liż-żgħażagħ (aktar minn 40% taż-żgħażagħ huma bla xogħol)!  Min ma jipproduċix hu skartat bil-mudell ta’ “uża u armi”.

Aħna msejħin biex ngħidu “le għall-idolatrija tal-flus” li akkost ta’ kollox timbuttana biex nidħlu f’dak l-għadd ċkejken tal-ftit li, minkejja l-kriżi, qed ikomplu jistgħnew, mingħajr ma jħabblu rashom mill-ħafna li qed jiftaqru, kultant sal-punt li lanqas ikollhom x’jieklu.

Aħna msejħin biex ngħidu “le” għall-korruzzjoni, tant mifruxa li donnha tidher li hija atteġġjament, imġieba normali.  Imma mhux bil-kliem iżda bil-fatti.  “le” għall-ftehim bejn il-mafji, għal qerq, għat-tixħim u affarijiet bħal dawn.

B’hekk biss, meta ningħaqdu, inkunu nistgħu ngħidu “le” għall-inġustizzja li tiġġenera l-vjolenza.  Don Bosco jgħallimna li l-aħjar mod hu li tilqa’ minn qabel: anki l-kunflitti soċjali nistgħu nilqgħulhom minn qabel u dan isir permezz tal-ġustizzja.

Din is-sitwazzjoni, li ma tolqotx biss lil Turin, imma lill-Italja kollha, hija globali u kumplikata, ma nistgħux noqgħodu nistennew li “nirkupraw” – “nistennew li kollox jirkupra”.  Ix-xogħol hu fundamentali – dan tiddikjarah mill-bidu nett il-Kostituzzjoni Taljana – u huwa meħtieġ li kull membru tas-soċjetà jikkollabora biex ikun hemm ix-xogħol għal kulħadd u jkun xogħol denju tal-bniedem.  Dan jitlob mudell ekonomiku li ma jkunx organiżżat biex jaqdi l-kapital u l-produzzjoni imma pjuttost immirat lejn il-ġid komuni.  U, id-drittijiet tan-nisa – tkellimt int dwarhom (il-ħaddiema li għamlet wieħed mid-diskorsi) – għandhom ikunu mħarsa bil-kbir, għax in-nisa, li fuqhom jaqa’ l-akbar xogħol tad-dar, mat-tfal u mal-anzjani, għadhom qed ikunu diskriminati anki fix-xogħol.

Din hi sfida sfiqa li jeħtieġ tkun affrontata bis-solidarjetà u b’moħħ miftuħ; u l-belt ta’ Turin hi msejħa biex għal darb’oħra tkun il-protagonista ta’ staġun ġdid ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali, bit-tradizzjoni tagħha tal-manifattura u l-artiġjanat – naħsbu ftit dwar ir-rakkont Bibliku li jgħidilna li Alla kien artiġjan…..  Intom imsejħin għal dan: biex timmanufatturaw u tkunu artiġjani – u dan tagħmluh bir-riċerka u fl-istess ħin bl-innovazzjoni.

Għaldaqstant hu meħtieġ li tinvestu bil-kuraġġ fil-formazzjoni, tippruvaw treġġgħu lura t-tendenza li dan l-aħħar rat jitbaxxa l-livell medju tat-tagħlim u lil ħafna żgħażagħ jitilqu l-iskola.  Int (dejjem lill-kelliema) kont tmur l-iskola filgħaxija biex tkun tista’ tavvanza…..

Illum irrid ngħaqqad leħni ma’ dak ta’ tant ħaddiema u imprendituri biex nitolbu li jitwaqqaf ukoll “patt soċjali u ġenerazzjonali kif uriet l-esperjenza tal-“Agorà”, li qed titħaddem fit-territorju tad-djoċesi.  Li tqegħdu għad-dispożizzjoni l-informazzjoni u r-riżorsi, bil-prospettiva li “tkunu flimkien” hija kundizzjoni preliminari biex tgħelbu s-sitwazzjoni diffiċli ta’ bħalissa u biex tibnu identità ġdida u addattata għaż-żmien u l-ħtiġijiet tat-territorju.  Wasal iż-żmien li nerġgħu nħaddmu s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonjiet, li niksbu lura mill-ġdid il-fiduċja bejn iż-żgħażagħ u l-adulti.  Dan jimplika wkoll li niftħu possibiltajiet konkreti ta’ self għal inizjattivi ġodda, inħaddmu orjentament u akkumpanjament lejn ix-xogħol, insaħħu l-apprendistat u l-ftehim bejn l-impriżi, l-iskejjel professjonali u l-Università.

Ħadt gost ħafna li intom it-tlieta tkellimtu dwar il-familja, l-ulied u n-nanniet.  Tinsewhiex din ir-rikkezza!  L-ulied huma l-wegħda li trid tmexxina ‘l quddiem: dan ix-xogħol li intom semmejtu, li intom irċevejtu mingħand ta’ qabilkom.  U l-anzjani huma r-rikkezza tal-memorja.  Il-kriżi ma tistax tkun megħluba, aħna ma nistgħu noħorġu mill-kriżi mingħajr iż-żgħażagħ, it-tfal, l-ulied, in-nanniet, qawwa għall-futur u fakra tal-passat li jurina ‘l fejn irridu mmorru.  Tittraskurawhx dan, jekk jogħġobkom.  L-ulied u n-nanniet huma l-għana u l-wegħda ta’ poplu.

F’Turin u fit-territorju tagħha għadhom jeżistu potenzjalitajiet ta’ investiment biex jinħoloq ix-xogħol: l-assistenza hi meħtieġa, imma mhix biżżejjed; jeħtieġ imbuttatura li terġa’ tnissel il-fiduċja fil-futur.

Dawn huma l-aktar affarijiet prinċipali li xtaqt ngħidilkom.  Irrid inżid kelma li ma nixtieqx li tkun biss retorika, jekk jogħġobkom: Kuraġġ!  Ma tfissirx paċenzja, irrassenjaw ruħkom.  Le, le u le, ma tfissirx hekk.  Imma bil-maqlub, tfisser: ażżardaw, kunu kuraġġużi, imxu ‘l quddiem, kunu kreattivi, kunu “artiġjani” kuljum, “artiġjani tal-futur!  Bil-qawwa ta’ dik it-tama li jtina l-Mulej u li ma tqarraq qatt, imma li għandha bżonn il-ħidma tagħna.  Jien għal dan nitlob u nkun magħkom b’qalbi kollha.  Il-Mulej iberikkom ilkoll u l-Madonna tħariskom.  U, jekk jogħġobkom, nitlobkom titolbu għalija!  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber