Grazzi lil Chiara, Sara u Luigi.  Grazzi għax il-mistoqsijiet tagħkom huma fuq it-tema tat-tliet kelmiet tal-Vanġelu ta’ Ġwanni li għadna kemm smajna: imħabba, ħajja, ħbieb.  Tliet kelmiet li jiltaqgħu fit-test ta’ Ġwanni, waħda tispjega l-oħra: fil-Vanġelu ma tistax titkellem dwar ħajja bla ma titkellem dwar imħabba – jekk irridu nitkellmu dwar il-ħajja vera –, u ma tistax titkellem fuq l-imħabba mingħajr din il-qabża minn qaddejja għal ħbieb.  U dawn it-tliet kelmiet huma hekk importanti għall-ħajja, imma t-tlieta li huma għandhom għerq wieħed: ir-rieda li ngħixu.  U hawn ippermettuli nfakkarkom fi kliem il-Beatu Pier Giorgio Frassati, żagħżugħ bħalkom: “Ngħixu, mhux inġaħġħuha!”.  Ngħixu!

 

Intom taf kemm hi ħaġa kerha tara żagħżugħ “wieqaf”, li jgħix, imma jgħix qisu – ippermettuli l-kelma – qisu xitla: jagħmel l-affarijiet, imma l-ħajja m’hix ħajja li tiċċaqlaq, hi wieqfa.  Taf kemm isewduli qalbi ż-żgħażagħ li ta’ għoxrin joħorġu bil-pensjoni!  Iva, jixjieħu kmieni…  Għalhekk, meta Chiara għamlet dik il-mistoqsija fuq l-imħabba: dak li jġiegħel żagħżugħ ma joħroġx bil-pensjoni kmieni hu x-xewqa li jħobb, ir-rieda li jagħti minn dak li għandu l-isbaħ il-bniedem, u li għandu l-isbaħ Alla, għax id-definizzjoni li Ġwanni jagħti ta’ Alla hi li “Alla hu mħabba”.  U meta ż-żagħżugħ iħobb, jgħix, jikber, hu ma joħroġx bil-pensjoni.  Jikber, jikber, jikber u jagħti.

 

Imma x’inhi l-imħabba?  “It-telenovela, Dun?  Dak li naraw fid-drammi televiżivi?”.  Xi wħud jaħsbu li dik hi l-imħabba.  Ħaġa sabiħa titkellem fuq l-imħabba, tista’ tgħid ħafna ħwejjeġ sbieħ, sbieħ, sbieħ.  Imma l-imħabba titħarrek fuq żewġt ifwies, u jekk persuna, żagħżugħ jew żagħżugħa, m’għandux dawn iż-żewġt ifwies, dawn iż-żewġ dimensjonijiet ta’ l-imħabba, m’hi mħabba xejn.  Qabel xejn, l-imħabba hi aktar fl-għemil milli fil-kliem: l-imħabba hi konkreta.  Lill-Familja Salesjana, sagħtejn ilu, kellimthom fuq il-konkretezza tal-vokazzjoni tagħhom…  – U qed nara li jħossuhom żgħażagħ għax jinsabu hawn quddiemi!  Iħossuhom żgħażagħ! –  L-imħabba hi konkreta, issibha iktar fl-għemejjel milli fil-kliem.  M’hix imħabba dik li tgħid biss: “Jiena nħobbok, jien inħobb lil kulħadd”.  Le.  X’int tagħmel għax tħobb?  L-imħabba tagħti.  Ftakru li Alla beda jitkellem fuq l-imħabba meta kellu x’jaqsam mal-poplu tiegħu, meta għażel il-poplu tiegħu, għamel patt mal-poplu tiegħu, feda lill-poplu tiegħu, ħafirlu tant drabi – kemm għandu sabar Alla! –: għamel, għamel ġesti ta’ mħabba, għemejjel ta’ mħabba.  U t-tieni dimensjoni, it-tieni fûs li fuqu ddur l-imħabba hu li l-imħabba hi dejjem f’komunikazzjoni, jiġifieri l-imħabba tisma’ u twieġeb, l-imħabba tissawwar fid-djalogu, fil-komunjoni: tikkomunika ruħha.  L-imħabba m’hix truxa u lanqas muta, tikkomunika.  Dawn iż-żewġ dimensjonijiet huma siewja ħafna biex nistgħu nifhmu x’inhi l-imħabba, li m’hix xi sentiment romantiku tal-mument jew storja, le, hi konkreta, insibuha fl-għemil.  U tikkomunika ruħha, jiġifieri qiegħda fi djalogu, dejjem.

 

Allura, Chiara, biex inwieġeb għall-mistoqsija tiegħek: “Spiss inħossuna mqarrqa propju mill-imħabba.  Fiex qiegħed il-kobor ta’ l-imħabba ta’ Ġesù?  Kif nistgħu nduqu minn imħabbtu?”.  U issa, jiena naf li intom twajbin u tippermettuli nitkellem b’sinċerità.  Ma rridx noqgħod nagħmilha tal-moralista, imma nixtieq ngħid kelma li ma tinżilx lil kulħadd, kelma li ma tantx hi popolari.  Anki l-Papa xi drabi jrid jirriskja biex jista’ jgħid id-dritt.  L-imħabba qiegħda fl-għemejjel, fil-komunikazzjoni, imma l-imħabba tirrispetta ħafna l-persuni, ma tużax il-persuni u għalhekk l-imħabba hi kasta.  U lilkom iż-żgħażagħ f’din id-dinja, f’din id-dinja edonista, f’din id-dinja fejn huma popolari l-pjaċir, li tgħaddiha tajjeb, li tirnexxi fil-ħajja, ngħidilkom: kunu kasti, kunu kasti.

 

Ilkoll kemm aħna fil-ħajja għaddejna minn mumenti fejn din il-virtù rajnieha diffiċli ħafna, imma hi sewwa sew it-triq ta’ mħabba ġenwina, ta’ mħabba li taf tagħti ħajjitha, li ma tippruvax tuża lill-ieħor għall-pjaċir tagħha.  Hi mħabba li tqis il-ħajja tal-persuna l-oħra bħala sagra: jien nirrispettak, jien ma rridx nużak, ma rridx nużak.  M’hux faċli.  Kollha nafu kemm hu diffiċli negħlbu dan il-kunċett “faċilista” u edonista ta’ l-imħabba.  Aħfruli jekk qed ngħid xi ħaġa li intom ma kontux qed tistennewha, imma nitlobkom: agħmlu sforz li tgħixu l-imħabba b’mod kast.

 

U minn hawn toħroġ konsegwenza: jekk l-imħabba turi rispett, jekk l-imħabba titwettaq bl-għemil, jekk l-imħabba tikkomunika ruħha, l-imħabba tissagrifika ruħha għall-oħrajn.  Ħarsu lejn l-imħabba tal-ġenituri, ta’ tant ommijiet, ta’ tant missirijiet li fil-għodu jaslu x-xogħol għajjenin għax ma raqdux biżżejjed biex setgħu jibqgħu jieħdu ħsieb ta’ binhom marid: dik imħabba!  Dak rispett!  Dak m’hux tgħaddiha tajjeb.  Dan hu – immorru fuq kelma oħra li hi muftieħ – dan hu “servizz”.  L-imħabba hi servizz.  Tfisser taqdi lill-oħrajn.  Meta Ġesù, wara l-ħasil tar-riġlejn, fisser dak il-ġest lill-Appostli, għallimna li aħna magħmulin biex naqdu lil xulxin, u jekk jien ngħid li nħobb imma mbagħad ma naqdix lill-ieħor, ma ngħinx lill-oħra, ma nixprunahomx ’il quddiem, ma nissagrifikax ruħi għall-persuna l-oħra, din m’hix imħabba.  Intom ġibtu magħkom is-Salib [is-Salib tal-JDŻ]: hemm hu s-sinjal ta’ l-imħabba.  Dik l-istorja ta’ mħabba ta’ Alla li tlaħħmet fl-għemil u fid-djalogu, fir-rispett, fil-maħfra, fis-sabar matul tant sekli ta’ storja mal-poplu tiegħu, tasal sa hemm: Ibnu fuq is-salib, l-ogħla qadi, li hu li tagħti ħajtek, tissagrifika ruħek, tgħin lill-oħrajn.  M’hix ħaġa ħafifa nitkellmu fuq l-imħabba, m’hux faċli ngħixu l-imħabba.  Imma b’dawn il-punti li bihom weġibt, Chiara, nemmen li kont għalik ta’ xi għajnuna fil-mistoqsijiet li għamiltli.  Ma nafx, nittama li jiswewlek.

 

U grazzi lilek, Sara, appassjonata tat-teatru.  Grazzi.  “Jiġini f’moħħi kliem Ġesù: Tagħti ħajtek”.  Tkellimna issa fuq hekk.  “Spiss inħossu sens ta’ qtigħ il-qalb fil-ħajja”.  Iva, għax hemm sitwazzjonijiet li jħassbuna: “Imma jagħmel sens tgħix hekk?  X’nista’ nistenna minn din il-ħajja?”.  Tiġina f’moħħna din id-dinja, bil-gwerer.  Xi drabi għidt li qed ngħixu t-Tielet Gwerra Dinjija, imma f’biċċiet.  Biċċa biċċa: fl-Ewropa għaddejja l-gwerra, fl-Afrika għaddejja l-gwerra, fil-Lvant Nofsani għaddejja l-gwerra, f’pajjiżi oħra għaddejja l-gwerra…  Imma jista’ jien ikolli fiduċja f’ħajja hekk?  Nista’ nafda fil-mexxejja tad-dinja?  Meta mmur nagħti l-vot tiegħi lil xi kandidat, jista’ jkolli fiduċja li mhux sa jdaħħal lil pajjiżi f’xi gwerra?  Jekk int tafda biss fil-bnedmin, ġa tlift!  Jien hemm ħaġa li tħassibni: il-persuni, mexxejja, imprendituri li jgħidu li huma Nsara, u jiffabbrikaw l-armi!  Dan jaqtagħlek ftit qalbek: jgħidu li huma Nsara!  “Le le, Dun, jien ma niffabbrikax, le, le…  Għandi biss xi flus investiti, investimenti fil-fabbriki ta’ l-armi”.  Eħ!  U għaliex?  “Għax l-interessi huma ftit ogħla…”.  U anki l-wiċċ b’ieħor hu munita li qed tiġri ħafna fl-idejn bħalissa, il-lum il-ġurnata: tgħid ħaġa u tagħmel oħra.  L-ipokrezija…  Imma ħa naraw x’ġara fis-seklu l-ieħor, fl-1914, fl-1915, propjament fl-1915.  Kien hemm dik it-traġedja kbira ta’ l-Armenja.  Mietu ħafna nies.  Ma nafx iċ-ċifra: żgur fuq miljun ruħ.  Imma fejn kienu l-potenzi l-kbar ta’ dak iż-żmien?  Kienu qed iħarsu band’oħra.  Għaliex?  Għax kienu interessati fil-gwerra: il-gwerra tagħhom!  U dawn li qed imutu huma persuni, bnedmin tat-tieni klassi.  Imbagħad, fis-snin tletin u erbgħin, it-traġedja tax-Shoah.  Il-potenzi l-kbar kellhom ritratti tal-linji tal-ferrovija li kienu jġorru l-ferroviji lejn il-kampijiet ta’ konċentrament, bħalma kien Auschwitz, biex joqtlu lil-Lhud, u anki lill-Insara, anki ż-żingari, anki l-omosesswali, biex joqtluhom hemm.  Imma għidli ftit, għaliex dak ma bbumbardjawhx?  L-interess!  U ftit wara, kważi fl-istess żmien, kien hemm il-lager tar-Russja: Stalin…  Kemm Insara batew, inqatlu!  Il-potenzi kbar tad-dinja qasmu l-Ewropa bħal kejk.  Kellhom jgħaddu ħafna snin qabel ma wasalna għal “ċerta” libertà.  Teżisti dik l-ipokrezija ta’ min jitkellem fuq il-paċi u mbagħad jiffabbrika l-armi, u saħanistra jbiegħ l-armamenti lil dan li qed fi gwerra ma’ dak, u lil dak li qed fi gwerra ma’ dan!

 

Jiena nifhem dak li qed tgħidli int fuq il-qtigħ ta’ qalb fil-ħajja; anki l-lum li qed ngħixu fil-kultura ta’ l-iskart.  Għax dak li m’għandux siwi ekonomiku, jintrema.  Jintremew it-trabi, għax ma jsirux, jew għax jinqatlu qabel jitwieldu; jintremew l-anzjani, għax ma jiswew għal xejn u nitilquhom hemm, imutu, xorta ta’ ewtanasja moħbija, flok ngħinuhom jgħixu; u issa qed jintremew iż-żgħażagħ: aħseb ftit f’dawk l-40% taż-żgħażagħ, hawn, bla xogħol.  Dan hu skart tassew!  Imma għaliex?  Għax fis-sistema ekonomika dinjija fiċ-ċentru m’hemmx ir-raġel u l-mara, kif jixtieq Alla, imma l-alla flus.  U kollox isir għall-flus.  Fl-Ispanjol hemm qawl sabiħ li jgħid: Por la plata baila el mono”.  Nittraduċi: “Quddiem il-flus, imqar ix-xadina tiżfen”.  U hekk, b’din il-kultura tal-iskart, nistgħu nafdaw fil-ħajja?  B’dan is-sens ta’ sfida li dejjem jitwessa’, jitwessa’, jitwessa’?  Żagħżugħ li ma jistax jistudja, li ma jaħdimx, li ma jħossux denn għax m’għandux xogħol, mhux qed jaqlagħha fil-ħajja.  Imma kemm drabi dawn iż-żgħażagħ jispiċċaw fid-dipendenza?  Kemm drabi jagħmlu suwiċidju?  L-istatistiċi tas-suwiċidji taż-żgħażagħ ma nafuhomx sew.  Jew kemm drabi naraw żgħażagħ li jmorru jiġġiedlu mat-terroristi, ta’ l-inqas biex jagħmlu xi ħaġa, għal ideal.  Jiena nifhimha din l-isfida.  U għalhekk Ġesù qalilna biex ma nqiegħdux iċ-ċertezzi tagħna fl-għana, fis-setgħat tad-dinja.  Kif nista’ nafda fil-ħajja?  Kif nista’ nagħmel, kif nista’ ngħix ħajja li ma teqridx, li ma tkunx ħajja ta’ qerda, ħajja li ma tarmix in-nies?  Kif nista’ ngħix ħajja li ma tqarraqx bija?

 

U ngħaddi biex inwieġeb għall-mistoqsija ta’ Luigi: hu tkellem fuq proġett ta’ kondiviżjoni, jiġifieri ta’ kollegament, ta’ bini.  Jeħtieġ nibqgħu mexjin bil-proġetti tagħna ta’ bini, u din il-ħajja ma tqarraqx bina.  Jekk int tidħol b’ruħek u b’ġismek hemm, fi proġett ta’ bini, ta’ għajnuna – jiġuna f’moħħna t-tfal tat-triq, l-immigranti, tant nies li huma fil-bżonn, imma mhux biss biex nagħtuhom jieklu għal ġurnata, jumejn, imma biex nippromovuhom bl-edukazzjoni, bl-għaqda fil-ferħ ta’ l-Oratorju u tant ħwejjeġ, imma proġetti li jibnu –, allura nkunu nbiegħdu u nneħħu dan is-sens ta’ qtigħ il-qalb.  Xi rrid nagħmel għal dan?  Toħroġx bil-pensjoni kmieni wisq: aħdem.  Aħdem.  U ħa nżid kelma: aħdem kontra l-kurrent.  Taħdem kontra l-kurrent.  Għalikom iż-żgħażagħ li qed tgħixu f’din il-qagħda ekonomika, anki kulturali, edonista, konsumista bil-valuri ta’ “boċċi tas-sapun”, b’dawn il-valuri ma tistgħux timxu.  Wettqu għemejjel li jibnu, imqar jekk żgħar, imma li jgħaqqdu, jgħaqqduna bejnietna, bl-ideali tagħna: dan hu l-aqwa antidotu kontra dan il-qtigħ ta’ qalb mill-ħajja, kontra din il-kultura li toffrilek biss il-pjaċir: li tgħaddiha tajjeb, ikollok il-flus u ma taħseb f’xejn iżjed.

 

Grazzi tal-mistoqsijiet tagħkom.  Luigi, lilek weġibtek, le?  Neħduha kontra l-kurrent, jiġifieri nkunu kuraġġjużi u kreattivi, inkunu kreattivi.  Is-Sajf li għadda rċivejt, darba fil-għaxija – kien Awwissu… Ruma mejta –; kienu kellmuni fuq it-telefon grupp ta’ adolexxenti li kienu qed jagħmlu l-kamp tagħhom f’bosta bliet ta’ l-Italja, u ġew għandi – għidtilhom jiġu –, imma msejknin, kollhom maħmuġin, għajjenin… imma ferħanin!  Għax kienu għamlu xi ħaġa “kontra l-kurrent”!

 

Ħafna drabi, ir-reklami jkunu jridu jikkonvinċuna li dan sabiħ, din tajba, u jippruvaw ibbelgħuhielna li huma “djamanti”; imma, araw ftit, qed ibiegħhulna l-ħġieġ!  U aħna għandna nimxu kontra dan, ma nkunux boloh.  Tixtrux imbarazz għax jgħidulkom li hu djamanti.

 

U biex nispiċċa, nixtieq intenni kliem Pier Giorgio Frassati: jekk tridu tagħmlu xi ħaġa tajba f’ħajjitkom, għixu, mhux iġġaħġħuha.  Għixu!

 

Imma intom intelliġenti biżżejjed u żgur ħa tgħiduli: “Imma, Dun, int qed titkellem hekk għax qiegħed il-Vatikan, għandek tant monsinjuri jaħdmu għalik, int trankwill u ma tafx x’inhi l-ħajja ta’ kuljum…”.  Iva, hemm min jista’ jaħseb hekk.  Is-sigriet hu li wieħed jifhem sew fejn qed jgħix.  F’din l-art – u dan għidtu wkoll lill-Familja Salesjana – fl-aħħar tas-seklu dsatax kien hemm l-agħar kundizzjonijiet biex fihom jikbru ż-żgħażagħ: kien hemm il-Mażunerija fl-aqwa tagħha, lanqas il-Knisja ma setgħet tagħmel xejn, kien hemm l-anti-klerikali, anki s-Satanisti…  Kien wieħed mill-iktar mumenti koroh u l-iktar postijiet koroh ta’ l-istorja ta’ l-Italja.  Imma jekk intom tridu tagħmlu biċċa xogħol tajba d-dar, morru fittxu kemm qaddisin irġiel u nisa twieldu f’dak iż-żmien!  Għaliex?  Għaliex fehmu li kellhom imorru kontra l-kurrent f’dik li hi kultura, kontra dak l-istil ta’ ħajja.  Ir-realtà, tgħix ir-realtà.  U jekk din ir-realtà hi ħġieġ u mhux djamanti, jien infittex ir-realtà kontra l-kurrent u nagħmel ir-realtà tiegħi, imma ħaġa li tkun ta’ servizz għall-oħrajn.  Ftakru fil-qaddisin tagħkom ta’ din l-art, x’għamlu huma!

 

U grazzi, grazzi, grazzi ħafna!  Dejjem imħabba, ħajja, ħbieb.  Imma dawn il-kelmiet tistgħu tgħixuhom biss jekk “toħorġu”: toħorġu dejjem biex twasslu xi ħaġa.  Jekk int tibqa’ wieqaf, m’int ħa tagħmel xejn fil-ħajja u tispiċċa teqred dik tiegħek stess.

 

Insejt ngħidilkom li issa se ngħaddilkom id-diskors miktub.  Jien kont nafhom il-mistoqsijiet tagħkom, u ktibt xi ħaġa fuqhom; imma m’hux dak li għidt, dan ħariġli minn qalbi; u se ngħaddi dan id-diskors lil min hu inkarigat, u int ippubblikah [għaddi l-karti lis-saċerdot inkarigat mill-pastorali maż-żgħażagħ].  Hawn qed nara ħafna studenti universitarji, imma taħsbux li l-università tfisser biss tistudja b’moħħok: tkun student universitarju jfisser ukoll toħroġ, toħroġ biex taqdi, mal-foqra, fuq kollox!  Grazzi.

 


 

Diskors imħejji mill-Qdusija Tiegħu l-Papa:

 

Għeżież żgħażagħ,

 

Nirringrazzjakom tal-merħba sabiħa tagħkom!  U grazzi tal-mistoqsijiet tagħkom, li jeħduna fil-qalba tal-Vanġelu.

 

L-ewwel waħda, fuq l-imħabba, iġġagħalna nistaqsu fuq it-tifsira profonda ta’ l-imħabba ta’ Alla, kif offrihielna l-Mulej Ġesù.  Hu jurina sa fejn kapaċi tasal l-imħabba: sa l-għotja sħiħa tagħna nfusna, sa ma nagħtu ħajjitna, kif nikkontemplaw fil-misteru tal-Liżar Imqaddes, meta fih nagħrfu l-ikona ta’ l-“akbar imħabba”.  Imma din l-għotja tagħna nfusna ma rridux nistħajluha bħallikieku kienet xi ġest rari ta’ eroiżmu jew li nżommuh biss għal xi okkażjoni eċċezzjonali.  Fil-fatt nistgħu nkunu nirriskjaw li ngħannu l-imħabba, li noħolmu l-imħabba, li nċapċpu lill-imħabba… imma bla ma nħalluha tmissna u ċċaqlaqna!  Il-kobor ta’ l-imħabba jidher meta nieħdu ħsieb ta’ min hu fil-bżonn, b’fedeltà u sabar; għalhekk hu kbir fl-imħabba min jaf jiċċekken għall-oħrajn, bħal Ġesù, li sar qaddej.  L-imħabba tfisser li nersqu qrib ta’ l-oħrajn, immissu l-ġisem ta’ Kristu fil-foqra u l-imwarrbin, niftħu għall-grazzja ta’ Alla l-ħtiġijiet, it-tamiet, is-solitudni tal-persuni ta’ madwarna.  L-imħabba ta’ Alla hekk tidħol, tibdel u tagħmel kbar il-ħwejjeġ żgħar, tagħmilhom sinjal tal-preżenza tiegħu.  San Ġwann Bosco jgħallimna ħafna, propju minħabba fil-ħila tiegħu li jħobb u jeduka qabel xejn billi l-ewwel jersaq qrib ta’ l-oħrajn, ħaġa li hu għexha ma’ l-adolexxenti u ż-żgħażagħ.

 

Fid-dawl ta’ din il-bidla, frott ta’ l-imħabba, nistgħu nwieġbu għat-tieni mistoqsija, fuq il-qtigħ il-qalb fil-ħajja.  In-nuqqas ta’ xogħol u ta’ perspettivi għall-futur żgur qed iwaqqaf l-istess moviment tal-ħajja, u ħafna jispiċċaw jaqilbu fuq id-difensiva: jibdew jaħsbu biss fihom infushom, jużaw il-ħin u r-riżorsi għall-gwadann tagħhom biss, jillimitaw ir-riskji ta’ kull ġenerożità…  Dawn kollha sintomi ta’ ħajja ristretta, ippreservata, hu x’inhu l-prezz, u li fl-aħħar taf twassal anki għar-rassenjazzjoni u ċ-ċiniżmu.  Min-naħa l-oħra Ġesù jgħallimna biex nimxu fit-triq opposta: “Min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha” (Lq 9:24).  Dan ifisser li ma rridux noqogħdu nistennew ċirkustanzi favorevoli minn barra biex nirriskjaw, imma li, għall-kuntrarju, hu biss jekk nimpenjaw ruħna fil-ħajja – anki jekk nafu li nistgħu nitilfuha! – li noħolqu għall-oħrajn u għalina kundizzjonijiet ta’ fiduċja ġdida fil-ġejjieni.  U hawn ħsiebi jmur dritt f’żagħżugħ li tassew qatta’ ħajtu hekk, tant li sar mudell ta’ fiduċja u kuraġġ evanġeliku għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ ta’ l-Italja u tad-dinja: il-Beatu Pier Giorgio Frassati.  Motto tiegħu kien: “Ngħixu, mhux inġaħġħuha!”.  Din hi t-triq biex nistgħu nġarrbu b’mod sħiħ l-qawwa u l-ferħ tal-Vanġelu.  Hekk mhux biss issibu mill-ġdid il-fiduċja fil-futur, imma jirnexxielkom iġġibu tama fost sħabkom u fl-ambjenti li fihom tgħixu.

 

Passjoni kbira ta’ Pier Giorgio Frassati kienet il-ħbiberija.  U t-tielet mistoqsija tagħkom kienet propju din: Kif ngħixu l-ħbiberija b’mod miftuħ, u nkunu kapaċi ngħaddu l-ferħ tal-Vanġelu?  Sirt naf li din il-pjazza li fiha qegħdin, il-Ġimgħa u s-Sibt fil-għaxija hi mfittxa ħafna miż-żgħażagħ.  Dan jiġri fil-bliet u l-irħula kollha tagħna.  Naħseb anki xi wħud fostkom jintefgħu hawn jew fi pjazez oħra ma’ sħabkom.  U allura ħa nistaqsikom – kull wieħed isib it-tweġiba hu għalih innifsu –: f’dawk il-mumenti, meta tkunu fil-kumpanija ta’ sħabkom, jirnexxielkom tħallu “tiddi” minn ġo fikom il-ħbiberija tagħkom ma’ Ġesù fl-atteġġjamenti, fl-imġiba tagħkom?  Jiġikom f’moħħkom, kultant, anki fil-ħin liberu tagħkom, ta’ żvog, li intom bħal friegħi ċkejkna magħquda mad-Dielja li hi Ġesù?  Niżgurakom li jekk tħarsu b’fidi lejn din ir-realtà, tħossu jvenven fikom id-“demm ħaj” ta’ l-Ispirtu s-Santu, u tagħmlu l-frott, kważi bla ma tintebħu: tagħrfu tkunu kuraġġjużi, paċenzjużi, umli, kapaċi taqsmu ma’ xulxin imma anki tkunu differenti, tifirħu ma’ min jifraħ u tibku ma’ min jibki, titgħallmu tħobbu mqar lil min ma jħobbkomx, twieġbu għall-ħażen bit-tajjeb.  U hekk tkunu tħabbru l-Vanġelu!

 

Il-qaddisin irġiel u nisa ta’ Turin jgħallmuna li kull tiġdid, anki dak tal-Knisja, jgħaddi mill-konverżjoni personali tagħna, minn dak il-ftuħ ta’ qalb li jilqa’ u jagħraf is-sorpriżi ta’ Alla, xprunati mill-akbar imħabba (ara 2 Kor 5:14), li tagħmilna ħbieb anki tal-persuni li jinsabu waħidhom, qed ibatu u huma mwarrba.

 

Għeżież żgħażagħ, flimkien ma’ ħutna l-kbar li huma l-qaddisin, fil-familja tal-Knisja aħna għandna Omm, dan ma ninsewhx!  Nawguralkom li tafdaw ruħkom b’mod sħiħ f’idejn din l-Omm ħelwa, li wriet din il-preżenza ta’ l-“akbar imħabba” propju qalb iż-żgħażagħ, waqt festa ta’ tieġ.  Il-Madonna hi “dik is-sieħba dejjem attenta li ma jmurx jonqos l-inbid fil-ħajja tagħna” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 286).  Nitolbuha ma tħalli qatt li jonqosna nbid il-hena!

 

Grazzi lilkom kollha!  Il-Mulej iberikkom ilkoll.  U nitlobkom, itolbu għalija.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard