Diskors tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku f’Valdocco nhar il-21 ta’ Ġunju, 2015 (traskrizzjoni ta’ dak li qal il-Papa Franġisku)

Għażiża familja Sależjana, ħsibt ħafna dwar x’se ngħidilkom.  U ktibt dak li ridt ngħidilkom.  Imma dak formali wisq.  Għalhekk tajt id-diskors lir-Rettur Maġġur biex iwassalulkom hu.  Dan ir-Rettur Maġġur li sirt nafu f’kunfessinarju.  Imma la jien ma qerrejt għandu u lanqas hu ma qerr għandi, kien waqt pellegrinaġġ lejn il-Madonna ta’ Lujan.  Kien għadu kif wasal l-Arġentina, fix-xahar ta’ Ottubru.  Ħabib mill-ispettorat sależjan kien miegħu  jara dan il-pellegrinaġġ taż-żgħażagħ li jilħaq il-miljun fi żmien 48 siegħa.  Meta telaq penitent, resqu lejja u qaluli: “l-ispettur il-ġdid”.  U jien għidtlu: “Ah, dan hu dak li jiġi biex joqgħod jikkmandana”.  Imma mbagħad sirna ħbieb, u bqajna hekk anki fil-waqtiet koroħ..... għaddejna minn waqtiet koroħ u lili dejjem laqatni fih is-servizz u l-umiltà.  Niftakar darba meta ridna nagħmlu xi ħaġa fil-parroċċa u hu ffirma kollox.

Imbagħad ġie hawn għall-kapitlu, kalm, qabel ma reġa’ lura lejn Spanja meta kien temm dak li kellu jagħmel.  Imma minflok, kienu għamlulu nassa... Imma flimkien mal-Ispirtu s-Santu.  Imma jien irrid inkellimkom dwar l-esperjenza tiegħi mas-Sależjani.  Malli wasal l-Arġentina, missieri mar għand is-Sależjani fil-knisja Taljana.  Fil-bażilika ta’ Marija Għajnuna tal-Insara, il-parroċċa ta’ San Karlu, u hemm sar jaf bosta minhom.  U missieri mill-ewwel sar sapporter ta’ tim tal-futbol li kien ġie mwaqqaf minn Sależjan!

500 metru bogħod mill-bażilika ta’ San Karlu, dak is-Sależjan kien waqqaf tim tal-futbol bil-kuluri tal-Madonna, l-aħmar u l-ikħal.  Imma bit-tfal tat-triq, eh?  Mill-ewwel.  Għalija hu l-aħjar tim tal-Arġentina, li rebaħ il-kampjonat tant drabi.......  Imbagħad missieri sar jaf lil ommi, li kienet toqgħod ftit metri bogħod, u żewwiġhom saċerdot li baqa’ jsegwi lili u ‘l missieri ħajjitna kollha.  Missjunarju tal-Patagonja mwieled f’Lodi, raġel twajjeb u konfessur kbir tal-familja sależjana.  Jien kont immur inqerr għandu, għammidni... u għeni fil-mixja tal-vokazzjoni tiegħi.  Għeni wkoll meta mis-seminarju għaddejt biex ningħaqad mal-Kumpanija ta’ Ġesù.

Jien grat ħafna lejn il-familja sależjana.  Wara l-ħames wild, ommi baqgħet sena sħiħa pparaliżżata u lilna l-ulied il-kbar kienet bagħtitna fil-kulleġġi sależjani.  L-aħħar sena tal-iskola primarja għamiltha hemmhekk u tgħallimt inħobb ‘il-Madonna.  Is-Sależjani għaġnu fija s-sbuħija, ix-xogħol – u din hi l-kariżma tagħkom.  Flimkien mal-imħabba kienet tkun iffurmata wkoll l-affettività, li kabbret il-ġibda tat-tfal.

Niftakar lill-konfessuri l-kbar sależjani, mimlijin ħniena, kbar.  Hemmehekk, fil-bażilika, dejjem kien ikun hemm ħafna minnhom.  Imma mbagħad miet missieri, miet dan is-saċerdot, imma jien bqajt immur għand Marija Għajnuna tal-Insara kull 24 ta’ Mejju.  Kont nieħu l-fjuri u nitlob lill-Madonna.  Din hi ħaġa li rċevejt mingħandkom.  Imma hemm ħaġa li ġġegħelni nitħasseb dejjem: l-affettività.  Jiena naħseb li Don Bosco kellu ħila jeduka l-affettività tat-tfal, għax kellu omm li kienet edukat l-affettività tiegħu.  Omm twajba, simpatika, qawwija.  Kienet edukatlu qalbu b’tant imħabba.  Ma nistgħux nifhmu lil Don Bosco mingħajr ommu Margerita.  Ma nistgħux nifhmuh.

Jien nistaqsi lili nnifsi llum, jekk is-Sależjani rġiel u nisa, il-familja kollha, meta jiġu biex jedukaw tfajla juruhiex dak li kienet tagħmel din il-mara, kif iffurmat il-qalb ta’ binha.   U dan irrid nisħaq fuqu.

Iżda hemm ħaġ’oħra.  Dak iż-żmien, sas-seklu dsatax, dan ir-reġjun tal-Italja kien mażun, jobgħod is-saċerdoti, antiklerikali, anki sataniku – sataniku wkoll!  Turin kien wieħed mill-postijiet sataniċi – imma kemm ħarġu qaddisin minn hawn.  Illum tranġaw tant affarijiet.  Hawn il-kompjuter u tant affarijiet oħra.... Imma s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ baqgħet bejn wieħed u ieħor l-istess.  X’għamel Don Bosco?  Kien jaħdem mat-tfal li kienu fit-triq, bla xogħol u bla skola.  Irriskja l-ministeru tiegħu.  U minħabba f’hekk ħafna kienu jaqilgħu qlajja fuqu.

Hemmhekk irriskja l-ministeru tiegħu: “dawn huma tat-tieni klassi, ma jista’ jsir xejn.......”  is-sitwazzjoni llum hi li fl-Italja 40% taż-żagħażagħ minn 25 sena ‘l isfel jinsabu bla xogħol.  La jistudjaw u lanqas jaħdmu.  Intom is-Sależjani għandkom l-istess sfida li kellu Don Bosco.  Li tieħdu f’idejkom lil dawn iż-żgħażagħ ġuvintur u xebbiet.  U Don Bosco x’kien jagħmel?  L-isports, għax l-isports jgħinek issir soċjevoli, inissel fik kompetizzjoni sana, jgħinek issib il-ġmiel tal-ħidma flimkien.  Imbagħad l-edukazzjoni.  Don Bosco ma kienx jgħid affarijiet kbar, le, skejjel żgħar biex iħarrġu għax-xogħol.  Dawk l-iskejjel sależjani li kienu uffiċini tal-arti, fejn iż-żgħażagħ kienu jitgħallmu s-sengħa.

Imma s-Sależjani għandhom il-ħila li jedukaw għal dan ix-xogħol ta’ emerġenza?  Bis-serjetà, ma nafx, imma qed nagħmel din il-mistoqsija.  Ma nafx, f’sitt xhur wieħed jitgħallimx isir “electrician” jew “plumber”, għax il-vit dejjem se jinkiser.  Edukazzjoni, imma mkejla fuq il-kriżi.  Ma naħsbux li dawn it-tfal tat-triq illum - qed naħseb f’pajjiżi – jistgħu jmorru dritt l-iskola sekondarja.  Intuhom xi ħaġa li tkun tiswa għax-xogħol, anki xogħol żgħir – anki jekk jaħdmu ġurnata iva u oħra le.  Edukazzjoni ta’ emerġenza.  Jiena naħseb li dan għandhom bżonn it-tfal tat-triq illum.  Ftit żmien imma sengħa prattika u wara naraw.  Dawn l-40% għandhom bżonn ta’ xi ħaġa.  Il-kreattività sależjana għandha tieħu f’idejha din l-isfida.

U nnisslu fihom il-ferħ, il-ferħ sależjan li hi xi ħaġ’oħra li jien tgħallimt u li ma ninsa qatt.  Huwa l-ferħ li jiġi minn dak kollu li tana l-Mulej, li hu sabiħ.  L-animazzjoni, l-edukazzjoni.  Nagħtu x’jieklu lit-tfal tat-triq: hu minnu li bl-istonku vojt ma nistgħux inqimu ‘l Alla!  Irridu nqanqluhom, u kif?  Bil-kreattività.  Edukazzjoni mkejla fuq il-kriżi.  Dan hu dak li qed jiġini f’moħħi ngħdilkom.

X’għamel dan is-saċerdot, kien jismu Lorenzo Mazza, li waqqaf it-tim tal-futbol fl-1908?  L-isports.  Ta mistika lil dawn iż-żgħażagħ tat-triq.  Jistgħu jkunu drogati, jaqgħu fil-vizzji tad-dipendenzi jew ħafna żgħażagħ li jwettqu suwiċidju...... imma ntuhom il-ferħ ta’ xi ħaġa  li tista’ tmexxihom ‘il quddiem.  Dan qed jiġini f’moħħi ngħidilkom.  Huwa żmien ta’ kriżi kerha li hi wkoll kontra l-Knisja.  Imma Don Bosco ma staħax jitkellem dwar it-tliet imħabbiet “bojod”: il-Madonna, l-Ewkaristija u l-Papa.

Dawn it-tliet imħabbiet: hu ma kienx jistħi mill-Madonna.  Għax qatt ma staħa minn ommu.  Illum tant.....  Niftakar xi ħaġa li weġġgħetni ħafna.  Fis-snin tmenin, mort il-Belġju biex niltaqa’ ma’ benefatturi tal-Università Kattolika ta’ Cordoba.  Imbagħad kont mistieden għal ċena f’tieġ tal-professuri, Kattoliċi prattikanti, b’erbat itfal żgħar.  U fuq il-mejda bdew jitkellmu dwar it-teoloġija,  il-Kristoloġija fis-sitwazzjoni tal-Knisja.  U f’ċertu waqt qalu: “Illum il-Madonna mhix aktar moda, nirringrazzjaw ‘il-Mulej li llum dan ħallejnih warajna!”  U dawn kienu nies tajbin.......

Illum ukoll, mhux fostkom, imma jeżistu nies bla mistħija, imma ma jitkellmux dwar il-Madonna bl-imħabba li biha kien jitkellem dwarha Don Bosco.  L-ewwel imħabba ta’ Don Bosco kienet il-Madonna.  Kien jafda ruħu f’Alla billi jitlob ‘il-Madonna, u kien jirriskja ħafna.  It-tieni mħabba: l-Ewkaristija.  Il-liturġija li baqgħet issir tant tajjeb sal-lum mill-familja sależjana, li ssir u tkun sġjegata tant tajjeb, li ddaħħal liż-żgħar fil-misteru Ewkaristiku.  U wkoll l-adorazzjoni li s-Sależjani jagħmlu tant spiss.  Dan kollu tajjeb, il-Papa wkoll jagħmlu dan.  Għax Don Bosco kien iħobb il-Knisja, lill-Madonna u lill-ommu.  U intom, nisa konsagrati, intom il-misteru tal-mara fil-Knisja.  L-imħabba li għandkom għall-Papa mhix biss għall-persuna, hija mħabba lejn Pietru bħala l-kap tal-Knisja, bħala rappreżentant tal-għarus tal-Knisja.  Imma wara dik l-imħabba “bajda” li għandkom lejn il-Pap,a hemm l-imħabba lejn il-Knisja.

Ma nafx kif kien jagħmel Don Bosco biex jaħbi jew jispjega ċerti skandli.   Imma żgur li kien iġiegħel lill min iħobb il-Knisja.  Aħsbu ftit dwar din ir-rabta: il-Knisja, Omm; il-Madonna, Omm; Margerita, omm. Intom tiffurmaw lit-tfajliet biex isiru ommijiet imma jalla jkabbru lil uliedhom fl-imħabba lejn il-Madonna u lejn il-Knisja.  Kultant nistaqsi lil nnifsi: tgħid mhumiex meħtieġa deċiżjoniet aktar qawwija dwar in-nisa fil-Knisja?  Dażgur.  Imma taħseb li jekk ninnomina mara biex tkun kap ta’ dikasteru hija deċiżjoni qawwija?  Biex ngħidu hekk, fil-Knisja, il-mara għandha l-istess xogħol li kellha l-Madonna mal-Appostli fl-għodwa tal-Pentekoste.  L-Appostli ma kienux jimxu mingħajr Marija.  Ġesù hekk ried.

Tinsewx il-tliet imħabbiet “bojod”.  Tistħux titkellmu dwar il-Madonna, li tiċċelebraw l-Ewkaristija u li dan tagħmluh sewwa, u tistħux minn Ommna l-Knisja Mqaddsa li, miskina, kuljum tispiċċa taħt attakki.... u minn hemm tgħallmu x’inhu r-rwol tal-mara fil-Knisja.  It-tliet imħabbiet “bojod” ta’ Don Bosco jmexxuna dejjem tul din it-triq.  Imbagħad il-fiduċja f’Alla: jien għidt li Don Bosco kien jitlob dejjem lill-Marija Għajnuna tal-Insara u b’hekk kien jibqa’ miexi ‘l quddiem.  Ma tantx kien joqgħod jagħmel kalkoli.

Din hija l-esperjenza sależjana tiegħi, dik tal-kulleġġ u daqshekk.  Il-bqija għaddejtu fl-iskejjel pubbliċi.  U l-familja tiegħi, marbuta intimament mas-Sależjani, ma’ Marija Għajnuna tal-Insara.  Kont nitlob lis-Sależjani biex ituni l-barka ta’ Marija Għajnuna tal-Insara... Irrodd ħajr lill-Mulej ta’ din l-esperjenza, għax huma għenuni nikber mingħajr biżgħat, mingħajr ossessjonijiet.  Għallmuni nibqa’ miexi ‘l quddiem bil-ferħ u bit-talb.  Il-kariżma tagħkom hi ta’ attwalità kbira.  Tibżgħux, kif għamel hu.

Nirringrazzjakom ħafna ta’ dak li tagħmlu fil-Knisja u għall-Knisja.  Nirringrazzjakom tal-missjoni li taqdu.... hemm tant Sależjani moħbijin fl-Afrika....  Niftakar fl-ewwel żmininiet tal-Patagonja, meta s-sorijiet kienu jmorru hemm bl-ilbies ta’ żmienhom – kif kien jirnexxilhom jirkbu ż-żiemel lebsin hekk? –u evanġeliżaw il-Patagonja... u l-martri Sależjani tal-Patagonja........

Mhux għax jien iffissat fuq il-Patagonja, imma Don Bosco kien joħlom biha!  U bagħat (missjunarji) hemmhekk.  L-ewwel Sależjani kienu għamlu ħafna ġid.  U forsi r-Rettur jiftakar meta kien ġie għandna għal-laqgħa dwar beatifikazzjoni, laqgħa mal-isqfijiet tal-Kummissjoni Permanenti, f’Aparecida, kien ġie biex niftehemu dwar il-post fejn kellha ssir.  U kien hemm proposta tajba, proposta biex issir fi Buenos Aires ħalli l-eks-alunni jkunu jistgħu jieħdu sehem fiha.  U jiena kont kontra, tiftakar? Le, hemm bżonn li ssir fil-Patagonja!  Imma dik mhix belt.  Il-Kardinal Bertone, li kien mexxja ċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni, jiftakar... li dik kienet għalqa!

Is-Sależjani li huma neqsin mill-konkretezza tal-affarjiet... jonqoshom xi ħaġa.  Is-Sależjan hu konkret, jara l-problema, jaħseb fuqha u jieħu kollox f’idejh.  Fl-aħħar kont għidt: “bħala arċisqof minix tal-idea li nagħti permess”... dwar din il-missjonarjetà ngħidilkom ħaġa: is-saċerdoti abbandunaw wieħed mir-reġjuni tal-Patagonja.  Hemhekk ma kienx hemm Sależjani.  Tul 15-il sena daħlu l-Evanġeliċi.... dak kien poplu reliġjuż imma iżolat.  Riedu jisimgħu l-Kelma t’Alla u kienu jmorru għand il-“pastor”.  U ftit jew wisq ikkonvertew.  Mara kolta – is-Sależjani ma kinux hemmhekk imma kienu għamlu tant xogħol missjunarju hemm – meta reġa’ mar lura kappillan ġdid, laqgħetu ħażin.  Akkużatu li kienu abbandunawhom.  U fl-aħħar għamlithielu bi kbira sew.  Fl-aħħar is-saċerdot talabha skuża u hu u ħiereġ il-mara sejħitlu lura.  Urietu l-istatwa ta’ Marija Għajnuna tal-Insara:   “Jien Evanġelika issa, imma din ma nħallihiex.  Ħbejtha biex il-“pastor” ma jarahiex”.  Din hi l-missjoni tagħkom, grazzi ħafna ta’ dak li tagħmlu fil-Knisja kollha.

 Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

 

Id-diskors imħejji li kellu jagħmel il-Papa Franġsiku

Għeżież ħuti,

F’dan il-pellegrinaġġ tiegħi iddedikat għall-qima ta’ Ġesù Kruċifiss fis-sinjal tal-Kefen Imqaddes, għażilt li niġi f’dan il-post li jirrappreżenta l-qalb tal-ħajja u l-opra ta’ San Ġwann Bosco, biex niċċelebra magħkom it-tieni ċentinarju ta’ twelidu.  Flimkien magħkom irrodd ħajr lill-Mulej li ta r-rigal ta’ dan il-qaddis lill-Knisja, qaddis li flimkien ma’ qaddisin irġiel u nisa oħra minn dan ir-reġjun, huma unur u barka għall-Knisja u għas-soċjetà ta’ Turin u tal-Piemonte, għall-Italja u għad-dinja kollha, partikolarment minħabba l-kura lejn iż-żgħażagħ foqra u mwarrbin.  Illum ma nistgħux nitkellmu dwar Don Bosco mingħajr ma narawh imdawwar b’ħafna persuni: il-familja sależjana li hu waqqaf, l-edukaturi li jispiraw ruħhom minnu, u, naturalment, tant żgħażagħ ġuvintur u tfajliet, li f’kull rokna tad-dinja jsejħu lil Don Bosco “missier u mgħallem”.  Dwar Don Bosco jista’ jingħad ħafna!  Imma llum nixtieq nieqaf fuq tliet aspetti: il-fiduċja fil-Providenza Divina; il-vokazzjoni li jkun saċerdot għaż-żgħażagħ, l-aktar dawk foqra; is-servizz leali u ħawtiel lill-Knisja, speċjalment lill-persuna tas-suċċessur ta’ Pietru.

Don Bosco qeda l-missjoni tiegħu saċerdotali sal-aħħar nifs, imsaħħaħ b’fiduċja samma f’Alla u l-imħabba tiegħU.  Kien għalhekk li hu għamel opri kbar.  Din ir-relazzjoni ta’ fiduċja fil-Mulej hija wkoll is-sustanza tal-ħajja konsagrata, biex is-servizz lejn l-Evanġelju u lejn l-aħwa ma jkunx li aħna nibqgħu lsira ta’ opinjonijiet tagħna, tar-realtajiet li jgħaddu ta’ din id-dinja, imma jkun dak li nirbħu lilna nfusna bla waqfien, ankrati mar-realtajiet eterni u billi nitwaħħdu mal-Mulej, il-qawwa u t-tama tagħna.  Din tkun ukoll il-fekondità tagħna – u, ippermettuli ngħid – il-fekondità “brava” sależjana.  Aħna nilħquh dal-livell?

L-aspett l-aktar importanti l-ieħor tal-ħajja ta’ Don Bosco huwa s-servizz liż-żgħażagħ.  Dan għamlu b’determinazzjoni u perseveranza qalb ostakli u għeja, bis-sensibbiltà ta’ qalb ġeneruża. «Ma kienx jagħmel pass, ma kienx ilissen kelma, ma beda ebda inizjattiva li ma kinitx tmexxi lejn is-salvazzjoni taż-żgħażagħ… Fil-veru sens ma kellu xejn għall-qalbu aktar mill-erwieħ» (Kostituzzjonijiet Sależjani nu 21).  Il-kariżma ta’ Don Bosco tmexxina biex inkunu edukaturi taż-żgħar billi nirrikorru għall-pedagoġija tal-fidi li nistgħu niġbruha f’dal-kliem: «nevanġeliżżaw bl-edukazzjoni u nedukaw bl-evanġeliżżazzjoni» (Direttorju Ġeneral għall-Katekeżi, 147).  Nevanġeliżżaw liż-żgħażagħ, nedukawhom il-ħin kollu billi nibdew mill-aktar dgħajfin u abbandunati, nipproponu stil edukattiv mibni fuq ir-raġuni, ir-reliġjon u l-imħabba, li hu magħruf universalment bħala “s-sitema preventiv”.  Dik il-ġentilezza qawwija ta’ Don Bosco li hu żgur kien tgħallimha mingħand ommu Margerita.  Ġentilezza u tenerezza kbar!  Ninkoraġġikom tkomplu l-attivitajiet diversi tagħkom favur il-ġenerazzjonijiet ġodda: oratorji, ċentri taż-żgħażagħ, istituti professjonali, skejjel u kulleġġi, bil-ġenerożità u bil-fiduċja.  Imma mingħajr ma tinsew lil dawk li Don Bosco kien isejħilhom “it-tfal tat-triq”, dawn għandhom ħtieġa ta’ tant tama, li jkunu ffurmati fil-ferħ tal-ħajja Nisranija.
Don Bosco dejjem kien doċli u fidil lejn il-Knisja u lejn il-Papa, u kien jimxi fuq is-suġġerimenti u l-indikazzjonijiet pastorali tagħhom.  Illum il-Knisja ddur fuqkom, ulied spiritwali nisa u rġiel ta’ dan il-qaddis kbir, u b’mod konkret tistedinkom toħorġu, li dejjem tmorru mill-ġdid tfittxu liż-żgħażagħ fil-postijiet fejn jgħixu: fit-truf tal-metropoli, fl-inħawi tal-periklu fiżiku u morali, fil-qagħda soċjali fejn tant affarjiet materjali huma nieqsa, imma fejn fuq kollox, hemm nuqqas ta’ mħabba, fehim, tenerezza, tama.  Tersqu lejhom imfawwrin bil-paternità ta’ Don Bosco.  L-oratorju ta’ Don Bosco tnissel mill-laqgħa mat-tfal tat-triq, u għal xi żmien baqa’ jħuf madwar il-kwartieri ta’ Turin.  Tistgħu tħabbru lil kulħadd il-ħniena ta’ Ġesù u tagħmlu kull rokna “oratorju”, speċjalment l-ambjenti l-aktar diffiċli; u ġġorru f’qalbkom l-istil “oratorjan” ta’ Don Bosco billi timmiraw lejn ixqfa appostoliċi dejjem aktar mifruxa.  Mill-għeruq solidi li hu żera’ mitejn sena ilu fl-għalqa tal-Knisja u tas-soċjetà, nibtu tant friegħi: tletin istituzzjoni reliġjużi jgħixu din il-kariżma biex jaqsmu l-missjoni li jwasslu l-Evanġelju sat-truf tal-periferiji.  Il-Mulej imbagħad, bierek dan is-servizz billi qajjem minn fostkom, tul dawn iż-żewġ sekli, lista twila ta’ persuni li l-Knisja ddikjarathom qaddisin u beati.  Ninkoraġġikom tkomplu f’din t-triq billi timitaw il-fidi ta’ dawk li ġew qabilkom.

F’din il-Bażilika, tant għal qalbkom u għal qalb il-poplu t’Alla, insejħu lil Marija Għajnuna tal-Insara biex tbierek kull membru tal-Familja Sależjana; tbierek lill-ġenituri u lill-edukaturi li jagħtu ħajjithom għall-iżvilupp taż-żgħażagħ; tbierek kull żgħażugħ u żgħażugħa li huma mxerkin fl-opri ta’ Don Bosco, speċjalment dawk dedikati għall-aktar foqra, sabiex bis-saħħa ta’ żgħażagħ milqugħin u edukati, lill-Knsija u lid-dinja jingħatalhom il-ferħ ta’ umanità ġdida.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber