Fit-Talba tal-Kolletta tlabna hekk: “Agħmel, Mulej, li aħna jkollna l-biża’ ta’ l-isem qaddis tiegħek, imma wkoll li dejjem inħobbuh, għax int qatt ma ċċaħħad mit-tmexxija tiegħek lil dawk li twettaqhom bis-sħiħ fi mħabbtek”.  U l-Qari li smajna jurina kif inhi din l-imħbba ta’ Alla lejna: imħabba fidila, imħabba li toħloq kollox mill-ġdid, imħabba soda u żgura.

 

Is-Salm stedinna rroddu ħajr lil Alla għax “imħabbtu hi għal dejjem”.  Din hi l-imħabba fidila, il-fedeltà: imħabba li ma tqarraqx bina, qatt ma tonqos.  Ġesù jlaħħam fih din l-imħabba, hu x-Xhud tagħha.  Hu ma jegħja qatt iridilna l-ġid, jissaportina, jaħfrilna, u hekk iseħibna tul il-mixja tal-ħajja, skond il-wegħda li għamel lid-dixxipli: “Jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20).  Għall-imħabba tagħna sar bniedem, għal imħabbitna miet u qam, u għal imħabbitna hu dejjem magħna, fil-mumenti sbieħ u f’dawk iebsa.  Ġesù jħobbna dejjem, sa l-aħħar, bla limiti u bla qies.  U jħobbna lkoll, sal-punt li kull wieħed u waħda minna jista’ jgħid: “Hu ta ħajtu għalija”.  Għalija!  Il-fedeltà ta’ Ġesù ma ċċedi qatt, lanqas quddiem l-infedeltà tagħna.  Dan ifakkarhulna San Pawl: “Jekk nonqsu mill-kelma li tajna, hu jibqa’ jżomm kelmtu; għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu” (2 Tim 2:13).  Ġesù jibqa’ fidil, anki meta aħna niżbaljaw, u jkun jistenniena biex jaħfrilna: Hu l-wiċċ tal-Missier ħanin.  Araw l-imħabba fidila.

 

It-tieni aspett: l-imħabba ta’ Alla toħloq kollox mill-ġdid, jiġifieri ġġedded kollox, kif fakkarna t-Tieni Qari.  Li nagħrfu l-limiti tagħna, id-dgħufijiet tagħna, dan hu l-bieb li jiftaħ għall-maħfra ta’ Ġesù, għal imħabbtu li tista’ ġġeddidna mill-qiegħ, li tista’ toħloqna mill-ġdid.  Is-salvazzjoni tista’ tidħol fil-qalb meta aħna ninfetħu għall-verità u nagħrfu l-iżbalji tagħna, id-dnubiet tagħna; hekk nagħmlu esperjenza, dik l-esperjenza sabiħa ta’ Dak li ma ġiex għal min hu b’saħħtu, imma għall-morda, għall-ħżiena, għall-midinbin (ara Mt 9:12-13); induqu s-sabar tiegħu – għandu ħafna! – il-ħlewwa tiegħu, ir-rieda tiegħu li jifdi lil kulħadd.  U liema hu s-sinjal?  Is-sinjal li sirna “ġodda” u ġejna mibdula mill-imħabba ta’ Alla hu li nagħrfu ninżgħu il-ħwejjeġ imċerċra u qodma tar-rabja u l-mibegħda biex inxiddu l-libsa safja tal-manswetudni, tat-tjieba, tal-qadi ta’ l-oħrajn, tal-paċi tal-qalb, li hi tixraq lil ulied Alla.  L-ispirtu tad-dinja dejjem qed ifittex il-ġdid, imma l-fedeltà ta’ Ġesù biss tista’ ġġibilna l-veru ġdid, tagħmilna bnedmin ġodda, terġa’ toħloqna.

 

Fl-aħħar nett, l-imħabba ta’ Alla hi soda u żgura, bħall-blat samm li jilqa’ kontra l-mewġ qawwi.  Ġesù dan jurih fil-miraklu li jirrakkonta dan il-Vanġelu, meta jsikket it-tempesta, jordna lir-riħ u lill-baħar (ara Mk 4:41). Id-dixxipli jibżgħu għax jintebħu li jistgħu jintilfu, imma Hu jiftħilhom qalbhom għall-kuraġġ tal-fidi.  Quddiem il-bniedem li qed jokrob: “Mhux ħa nasal”, il-Mulej joħroġ jiltaqa’ miegħu, joffrilu l-blata ta’ mħabbtu, u magħha jista’ jaqbad kull wieħed u waħda minna, fiż-żgur li hekk mhux ħa naqgħu.  Kemm drabi nħossuna ħa naqtgħu qalbna mill-ħajja!  Imma Hu jinsab magħna b’idu fuq spallejna u qalbu miftuħa għalina.

 

Għeżież ħuti ta’ Turin u Pjemontiżi, missirijietna kienu jafu sew xi jfisser tkun “blata”, xi tfisser “solidità”.  Xhieda sabiħa ta’ dan jagħtiha poeta famuż tagħna:

 

Dritti e sinceri, quel che sono, appaiono: 

teste quadre, polso fermo e fegato sano,

parlano poco ma sanno quel che dicono,

anche se camminano adagio, vanno lontano.

 

Gente che non risparmia tempo e sudore 

– razza nostrana libera e testarda –.

Tutto il mondo conosce chi sono

e, quando passano… tutto il mondo li guarda.

 

[(traduzzjoni ħielsa):

 

“Dritti u sinċiera, hekk huma, hekk jidhru:

rashom iebsa, id soda u qalbiena,

ftit jitkellmu imma jafu x’jgħidu,

anki jekk jimxu bil-mod, imorru ’l bogħod.

 

Nies li ma taħlix żmien u għaraq

– razza tagħna ħielsa u ta’ rasha –.

Id-dinja kollha taf min huma

u, meta jgħaddu… id-dinja kollha tħares lejhom”.]

 

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna jekk il-lum aħniex weqfin sodi fuq din il-blata li hi l-imħabba ta’ Alla.  Kif qed ngħixu l-imħabba fidila ta’ Alla lejna.  Dejjem hemm ir-riskju li ninsew dik l-imħabba kbira li l-Mulej uriena.  Anki aħna l-Insara nirriskjaw li nħallu l-biżgħat tal-futur jipparalizzawna u joħolqu inċertezzi fina dwar ħwejjeġ li jgħaddu, jew f’mudell ta’ soċjetà magħluqa li normalment iżjed teskludi milli tinkludi.  F’din l-art kibru ħafna Qaddisin u Beati li laqgħu l-imħabba ta’ Alla u xerrduha fid-dinja, qaddisin ħielsa u ta’ rashom.  Fuq il-passi ta’ dawn ix-xhieda, anki aħna nistgħu ngħixu l-ferħ tal-Vanġelu billi nħaddmu l-ħniena; nistgħu naqsmu fid-diffikultajiet ta’ ħafna nies, ħafna familji, speċjalment dawk l-iżjed dgħajfa u milquta mill-kriżi ekonomika.  Il-familji għandhom bżonn iħossu ż-żegħila tal-Knisja omm biex jibqgħu mexjin fil-ħajja konjugali tagħhom, fl-edukazzjoni ta’ l-ulied, fl-għożża ta’ l-anzjani u anki fit-trasmissjoni tal-fidi lill-ġenerazzjonijiet żagħżugħa.

 

Nemmnu li l-Mulej hu fidil lejna?  Kif qed ngħixu l-ġdid li Alla ta’ kuljum qed jibdilna?  Kif qed ngħixu l-imħabba sħiħa tal-Mulej, li hi bħal ħajt żgur li jilqa’ għall-imwieġ tal-kburija u tan-novitajiet foloz?  L-Ispirtu s-Santu jgħinna hu biex nagħrfu dejjem iżjed din l-imħabba “tal-blat” li żżommna sħaħ u qawwija fit-tbatijiet żgħar jew kbar, ma tħalliniex ningħalqu quddiem id-diffikultajiet, imma naffrontaw il-ħajja b’kuraġġ u nħarsu lejn il-ġejjieni bit-tama.  Bħal dak in-nhar fuq l-għadira tal-Galilija, anki l-lum fil-baħar ta’ ħajjitna Ġesù hu Dak li jirbaħ il-qawwiet tal-ħażen u t-theddid tad-disperazzjoni.  Il-paċi li Hu jagħtina hi għal kulħadd; anki għal ħafna aħwa li qed jaħarbu mill-gwerer u l-persekuzzjonijiet u jfittxu l-paċi u l-ħelsien.

 

L-iktar għeżież, il-bieraħ intom għamiltu l-festa tal-Verġni Mqaddsa tal-Konsolazzjoni, li “qiegħda hemm: umli u qawwija, bla ebda ġmiel li jgħammex: bħal omm twajba”.  Nafdaw f’idejn din Ommna l-mixja tal-Knisja u dik ċivili fuq din l-art: tgħinna Hi biex nimxu wara l-Mulej u nibqgħu fidili, biex inħalluh iġeddidna ta’ kuljum u nibqgħu sħaħ fl-imħabba.  Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard