(Padre Lombardi)

Anki f’dan il-vjaġġ bejn iż-żewġ pajjiżi, kif tista’ tara, ninsabu lkoll lesti biex nisimgħu l-kliem tiegħek.  U nifirħulek għall-ewwel parti tal-vjaġġ li rnexxiet b’mod brillanti.  Issa aħna se nagħmlulek numru ta’ mistoqsijiet, bħas-soltu.  Meta tħoss li għejejt u trid tieqaf, għidilna u nieqfu hemm bla problemi ta’ xejn…  Diġà tħossok għajjien?…  Biex nibdew, billi naf li hemm ħaġa li hi għal qalbek ħafna u li int tixtieq tgħidilna fuq dan il-vjaġġ, u din hi s-sinifikat ta’ din il-kanonizzazzjoni ta’ San Ġużepp Vaz, allura nitolbok tgħidhielna dritt, biex hekk inkunu ħadna dan il-messaġġ importanti tiegħek.  Imbagħad ngħaddu għall-mistoqsijiet.  Għandna bosta persuni li diġà huma mniżżlin fil-lista.  Ara.

 

(Il-Papa Franġisku)

Qabel xejn, l-għodwa t-tajba, u ħa nserraħ moħħ Carolina: veru, waslitli x-xbieha tal-Madonna ta’ Lujan, grazzi ħafna.  Dawn il-kanonizzazzjonijiet saru bil-metodoloġija – din hi prevista fid-Drittu Kanoniku – li tissejjaħ kanonizzazzjoni ‘ekwipollenti’.  Din titħaddem meta raġel jew mara jkunu ilhom żmien twil beati, u jgawdu l-qima tal-poplu ta’ Alla, u fil-fatt ikunu meqjuma bħala qaddisin, u għalhekk jinqabeż il-proċess tal-miraklu.  Hemm persuni li ilhom sekli hekk.  Il-proċess ta’ Angela ta’ Foligno hekk sar, hi kienet l-ewwel waħda.  Imbagħad jien għażilt li jsir hekk għal persuni li kienu evanġelizzaturi kbar.  L-ewwel wieħed Pietru Favre, li kien evanġelizzatur ta’ l-Ewropa: tista’ tgħid li miet fit-triq, hu u sejjer jevanġelizza, ta’ erbgħin sena.  U mbagħad hemm l-oħrajn, l-evanġelizzaturi tal-Kanada, Francesco de Laval u Marija ta’ l-Inkarnazzjoni: dawn it-tnejn prattikament kienu l-fundaturi tal-Knisja fil-Kanada, hu bħala isqof u hi bħala soru, bl-appostolat kollu li għamlu hemm.  Imbagħad l-ieħor hu Ġużeppi ta’ Anchieta, mill-Brażil, il-fundatur ta’ San Paolo, li kien ilu żmien twil beatu, u issa hu qaddis.  Ġużeppi Vaz, hawnhekk, bħala evanġelizzatur tas-Sri Lanka.  U issa, f’Settembru, Deo mediante, se nagħmel il-kanonizzazzjoni ta’ Junipero Serra, fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika, għax dan kien l-evanġelizzatur tal-punent ta’ l-Istati Uniti.  Huma figuri li għamlu evanġelizzazzjoni qawwija u huma f’sintonija ma’ l-ispiritwalità u t-teoloġija ta’ l-Evangelii gaudium.  U għalhekk għażilt lil dawn il-figuri.  Dan li ridt ngħid.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi.  U issa ngħaddu għall-mistoqsijiet li għalihom inkitbu l-kollegi tagħna.  L-ewwel wieħed hu Jerry O’Connell ta’ l-America Magazine, li int tafu sew.  Lilu ngħaddu l-kelma.

 

(Jerry O’Connell)

Qabel xejn, Santità, naqbel ma’ Padre Lombardi, nifraħlek għal kemm irnexxiet iż-żjara tiegħek fis-Sri Lanka.  Sa nagħmillek mistoqsija f’isem il-grupp Ingliż.  Qbilna li nagħmlu mistoqsija nofs triq, li tgħaqqad iż-żjara tas-Sri Lanka ma’ dik tal-Filippini.  Fis-Sri Lanka rajna l-ġmiel tan-natura, imma anki l-vulnerabbiltà ta’ dik il-gżira: mill-bidliet fil-klima għall-baħar, u l-bqija.  Sejrin il-Filippini u int sa żżur iz-zona milquta.  Diġà ilek sena u iżjed tanalizza l-kwistjoni ta’ l-ekoloġija u l-ħarsien tal-ħolqien.  Il-mistoqsija tiegħi, għalhekk, tmiss ma’ tliet aspetti.  L-ewwel: il-bidla fil-klima hi prinċipalmet dovuta għall-opra tal-bniedem, għax ma jagħtix kas tan-natura?  It-tieni: l-Enċiklika tiegħek meta ħierġa?  It-tielet: kif rajna fis-Sri Lanka, int tinsisti ħafna fuq il-koperazzjoni bejn reliġjonijiet; qed taħseb biex tistieden ir-reliġjonijiet l-oħra jingħaqdu biex jaffrontaw din il-problema flimkien?  Grazzi.

 

(Il-Papa Franġisku)

L-ewwel mistoqsija.  Int lissint kelma li titlob preċiżazzjoni: “prinċipalment”.  Jien ma nafx jekk hux għal kollox, imma prinċipalment, fil-parti l-kbira hu l-bniedem li qed isawwat lin-natura, kontinwament.  Aħna rkibna ftit fuq in-natura, fuq oħtna l-art, fuq ommna l-art.  Niftakar, dan intom ġa smajtuh, dak li qalli darba bidwi xwejjaħ: “Alla jaħfer dejjem, aħna – il-bnedmin – naħfru kultant, in-natura ma taħfirha qatt”.  Jekk int issawwatha, meta jmiss lilha tagħmillek l-istess.  Naħseb li aħna lin-natura sfruttajnieha wisq; id-deforestazzjoni, ngħidu aħna.  Niftakar f’Aparecida: dak iż-żmien ma kontx nifhimha biżżejjed din il-problema, meta kont nisma’ l-isqfijiet Brażiljani jitkellmu fuq id-deforestazzjoni ta’ l-Amażonja, ma kontx nifhem sew.  L-Amażonja hi pulmun tad-dinja.  Imbagħad, ħames snin ilu, flimkien ma’ kummissjoni tad-drittijiet umani għamilt rikors quddiem il-Qorti Suprema ta’ l-Arġentina biex fit-tramuntana tal-pajjiż, fiz-zona ta’ Nordesalta, Tartagal, inwaqqaf ta’ l-inqas temporanjament deforestazzjoni terribbli li kienet għaddejja.  Dan hu aspett wieħed.  Ieħor hu l-monokultivazzjoni.  Il-bdiewa, ngħidu aħna, jafu li jekk int tiżra’ għal tliet snin il-qamħ taz-zokkor, imbagħad trid tieqaf biex tiżra’ xi ħaġa oħra għal sena sentejn, biex ‘tinnitroġenizza’ l-ħamrija, biex l-art tikber.  Ngħidu aħna, fl-Arġentina jiżirgħu biss sojja, u jibqgħu jiżirgħu sojja sakemm l-art tmut.  Mhux kulħadd jagħmel hekk, imma dan hu eżempju, kif jeżistu ħafna oħrajn.  Nemmen li l-bniedem ġera wisq.  Għall-grazzja ta’ Alla l-lum hawn ilħna, ħafna ilħna, ħafna li qed jitkellmu fuq dan; bħalissa nixtieq niftakar fil-maħbub ħija Bartilmew, li ilu snin jippriedka fuq dan is-suġġett.  U jien qrajt ħafna kitbiet tiegħu biex stajt inħejji din l-Enċiklika.  Nista’ nerġa’ lura fuq dan imma ma rridx intawwal.  Guardini – ħa ngħid dan biss – għandu kelma li tfisser biżżejjed dan li qed ngħidu.  Hu jgħid: it-tieni tip ta’ ‘inkultura’ hi dik ħażina.  L-ewwel waħda hi l-‘inkultura’ li nirċievu mal-ħolqien biex nagħmluha kultura, imma meta mbagħad int tippretendi żżejjed li int il-propjetarju tan-natura u taqbeż il-limiti, din il-kultura teħodha kontrik; biżżejjed naħsbu f’Hiroshima.  Tinħoloq ‘inkultura’, li tkun it-tieni waħda.

 

L-Enċiklika: l-ewwel abbozz għamlu l-Kardinal Turkon flimkien ma’ l-équipe tiegħu.  Imbagħad jien, bl-għajnuna ta’ xi wħud, qbadtu u ħdimt fuqu.  Imbagħad, flimkien ma’ xi teologi ħejjejt it-tielet abbozz u bgħatt kopja lill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, lit-Tieni Sezzjoni tas-Segreterija ta’ l-Istat u lit-Teologu tad-Dar Pontifiċja, biex jistudjawha tajjeb u jaraw li ma għidtx “ħmerijiet”.  Tliet ġimgħat ilu wasluli t-tweġibiet, biċċiet minnhom twal hekk, imma kollha kostruttivi.  U issa sa nieħu ġimgħa f’Marzu, sħiħa, biex nagħlaqha.  Naħseb li għal tmiem Marzu tkun lesta u tintbagħat għat-traduzzjonijiet.  Naħseb li jekk ix-xogħol tat-traduzzjoni jimxi biżżejjed – Mons. Becciu qed jismagħni: hu jrid jgħinni f’dan –, jekk kollox imur sew, għal Ġunju/Lulju tkun tista’ tixxandar.  L-importanti hu li jitħalla ftit taż-żmien bejn meta toħroġ l-Enċiklika u l-laqgħa f’Pariġi, biex jilħqu jagħtu l-fehmiet tagħhom dwarha.  Il-laqgħa fil-Perù ma kinitx xi ħaġa ta’ barra minn hawn.  Ħassejtni deluż bin-nuqqas ta’ kuraġġ li ntwera: f’ċertu punt, waqfu.  Nittama li f’Pariġi jkunu iżjed kuraġġjużi r-rappreżentanti, biex nimxu ’l quddiem f’dan.

 

Għat-tielet mistoqsija, nemmen li d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet fuq dan il-punt hu importanti.  Ir-reliġjonijiet l-oħra għandhom viżjoni tajba.  Anki dwar dan hemm qbil fuq viżjoni waħda.  Għalissa mhux f’Enċiklika.  Fil-fatt tkellimt ma’ xi reliġjonijiet oħra fuq dan is-suġġett u naf li anki l-Kardinal Turkson għamel dan u ta’ l-inqas hemm żewġ teologi li għamluh, din kienet it-triq.  M’hix sa tkun dikjarazzjoni komuni.  Il-laqgħat jiġu wara.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi, Santità.  U allura issa nagħtu l-kelma lil Pia mill-grupp tal-Filippini.

 

(Pia)

Santità, il-Filippini huma ferħanin ħafna ħafna li se jilqgħuk fi ftit sigħat oħra.  L-ewwel mistoqsija tiegħi hi: x’inhu l-messaġġ tiegħek għal dawk l-eluf ta’ persuni li ma setgħux jiltaqgħu miegħek, u mhux sa jkunu jistgħu jiltaqgħu miegħek personalment, anki jekk xtaqu?  Jiddispjaċini, ma nitkellimx Taljan…

 

(Il-Papa Franġisku)

Biex inwieġeb għal din, ħa nirriskja li nkun sempliċi wisq, imma ngħid kelma.  Iċ-ċentru, il-qalba tal-messaġġ sa jkunu l-foqra, il-foqra li jixtiequ jimxu ’l quddiem, il-foqra li batew tant minħabba fit-tifun Yolanda u għadhom isofru l-konsegwenzi sa issa; il-foqra li għandhom il-fidi, poġġew it-tama tagħhom f’din it-tifkira tal-ħames ċentinarju tax-xandir tal-Vanġelu fil-Filippini; il-poplu ta’ Alla, fil-Filippini, il-foqra, anki l-foqra sfruttati minn dawk li jwettqu tant u tant inġustizzji soċjali, spiritwali, eżistenzjali.  Fihom naħseb jien.  Jien u sejjer il-Filippini, fihom qed naħseb.  L-aħħar darba d-dar, f’Santa Marta, fis-7 ta’ Jannar, kellna l-festa tal-Milied tal-Knejjes Orjentali, u hemm għandna tliet persuni ta’ nazzjonalità Etjopika u anki xi Filippini, li jaħdmu hemm.  U l-Etjopiċi għamlu l-festa: stiednu lill-ħaddiema kollha, xi ħamsin, għall-pranzu.  Jien kont magħhom u qgħadt inħares lejn il-ħaddiema Filippini, li ħallew pajjiżhom, biex ifittxu ġid akbar, ħallew lil ommhom, missierhom, uliedhom, biex imorru…  Il-foqra.  Ma nafx…  Din se tkun il-qalba.

 

(Padre Lombardi)

Juan Vicente Boo se jagħmel il-mistoqsija tiegħu f’isem il-grupp Spanjol.

 

(Juan Vicente Boo)

Santità, qabel xejn irrid ngħid li, għal wieħed li suppost għajjien, tidher tajjeb.  Ridt nistaqsik, nagħmillek mistoqsija f’isem il-grupp Spanjol, fuq l-istorja tas-Sri Lanka u l-istorja kontemporanja.  Fis-snin tal-gwerra ċivili, fis-Sri Lanka, saru iżjed minn tliet mitt attentat kamikaze, attentat suwiċida, minn irġiel, nisa, żgħażagħ.  Issa qed naraw attentati suwiċida minn żgħażagħ u anki minn tfal.  X’taħseb fuq din it-tip ta’ gwerra?  Grazzi.

 

(Il-Papa Franġisku)

Forsi, dak li jiġini f’moħħi li ngħid hu nuqqas ta’ rispett, hekk naħseb.  Jien nemmen li wara kull attentat suwiċida hemm żbilanċ, żbilanċ uman.  Ma nafx jekk hux mentali, imma uman.  Xi ħaġa li ma tkunx taħdem tajjeb f’dik il-persuna.  Ma jkollhiex dak l-ekwilibriju fuq is-sens ta’ ħajjitha, tal-ħajja tagħha u dik ta’ l-oħrajn.  Tiġġieled biex… iva, tagħti ħajjitha, imma ma tagħtihiex tajjeb.  Ħafna nies, ħafna persuni jaħdmu – naħsbu fil-missjunarji, ngħidu aħna – biex jagħtu ħajjithom, imma biex jibnu.  Hawn dawn qed jagħtu ħajjithom billi jeqirdu lilhom infushom u jeqirdu lill-oħrajn.  Dan m’hux sew, hemm xi ħaġa m’hix taħdem sew.  Jien rajt it-teżi, mhux tad-dottorat, tal-liċenzja, ta’ pilota ta’ l-Alitalia li għamilha fis-Soċjoloġija dwar il-kamikaze Ġappuniżi.  Xi ħaġa sirt naf minn għandu, imma dan diffiċli tifhmu.  Jien aktar ikkoreġejt il-parti metodoloġika.  Imma ma tifhimhiex…  U din m’hix ħaġa tal-Lvant biss.  Bħalissa għaddejjin indaġini fuq proposta li waslet fit-Tieni Gwerra Dinjija fl-Italja, u proposta lill-Faxxiżmu fl-Italja.  M’hemmx provi, imma qed jinvestigaw fuq dan.  Hemm xi ħaġa hemm li hi marbuta ħafna mas-sistemi dittatorjali u totalitarji.  Mas-sistemi totalitarji.  Hi marbuta ħafna.  Is-sistema totalitarja toqtol, jekk mhux il-ħajja, toqtol il-possibbiltajiet, toqtol il-futur, toqtol ħafna affarijiet.  U anki l-ħajja.  U dan hekk hu.  Imma l-problema ma tiqafx hemm.  M’hix xi ħaġa Orjentali biss.  Importanti.  Ma jiġini li ngħid xejn iżjed.

 

Fuq l-użu tat-tfal.  Dan li għidt b’mod ġenerali jgħodd għal kulħadd, imma ħa nieħdu t-tfal.  It-tfal jintużaw kullimkien għal ħafna affarijiet: sfruttati għax-xogħol, sfruttati bħala lsiera, sfruttati anki sesswalment.  Xi snin ilu, flimkien ma’ xi membri tas-Senat fl-Arġentina ridna nagħmlu kampanja fil-lukandi l-aktar importanti, biex ngħidu pubblikament li hemm m’għandhomx jiġu sfruttati tfal mit-turisti.  Ma rnexxilniex.  Jeżistu ħafna reżistenzi moħbija.  Jien ma nafx humiex jiġu sfruttati jew le, kienet miżura preventiva.  Imbagħad, xi drabi, meta kont il-Ġermanja, kienu jiġu f’idejja xi ġurnali u kien hemm iz-zona tat-turiżmu, u turiżmu f’dik iz-zona tax-Xlokk Asjatiku, u anki turiżmu erotiku, u hemm kien hemm it-tfal.  It-tfal qed jiġu sfruttati, imma x-xogħol impost fuq it-tfal hu terribbli.  Anki għal dan qed jiġu sfruttati.  Imma ma nissograx ngħid iżjed.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi, Santità.  Issa ngħaddu l-kelma lil Ignazio Ingrao f’isem il-grupp Taljan.

 

(Ignazio Ingrao)

L-għodwa t-tajba, jien ġej mill-ġurnal ta’ kull ġimgħa Panorama u Il mio Papa.  Santità, bħalissa d-dinja mħassba ħafna dwar is-sigurtà tiegħek.  Skond is-servizzi sigrieti Amerikani u Israeljani, il-Vatikan jinsab saħanistra fil-mira tat-terroristi Islamiċi.  Fuq is-sîti fundamentalisti dehret il-bandiera ta’ l-Islam tperper fuq San Pietru.  Hemm ukoll biża’ għas-sigurtà tiegħek fil-vjaġġi barra mill-Italja.  Aħna nafu li int ma tridx min iżommok mill-kuntatt dirett man-nies, imma f’dan il-punt ma taħsibx li hemm bżonn tbiddel xi ħaġa mill-imġiba u l-programmi tiegħek?  Wieħed jibża’ wkoll għas-sigurtà tal-fidili, li jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet, f’każ ta’ attentati.  M’intix imħasseb dwar dan?  U b’mod iżjed ġenerali, fil-fehma tiegħek, liema hu l-aħjar mod kif inwieġbu għal dan it-theddid ta’ l-integralisti Islamiċi?  Grazzi.

 

(Il-Papa Franġisku)

Għalija, l-aħjar mod kif inwieġbu għal dan hu bit-tjieba.  Turi ħlewwa, tkun umli – bħall-ħobż – mingħajr ma tagħmel aggressjoni.  Jien ninsab hawn, imma hemm min dan ma jifhmux.  Imbagħad, dwar it-tħassib: lili jinkwetawni l-fidili, verament, dan iħassibni.  U fuq dan tkellimt mas-Servizz tas-Sigurtà tal-Vatikan: hawn fuq din it-titjira hawn Dr Giani li hu inkarigat minn hekk, hu aġġornat fuq din il-problema.  Dan jinkwetani, jinkwetani ħafna.  Nibża’?  Int taf li jien għandi difett: doża sabiħa ta’ indifferenza.  Jien indifferenti f’dawn l-affarijiet.  Xi kultant nistaqsi lili nnifsi: Li kellu jiġri lili dan?  U lill-Mulej għidtlu: Mulej, nitolbok biss grazzja waħda, li ma jweġġagħnix.  Għax quddiem l-uġigħ ma tantx jien kuraġġjuż, nibża’ ħafna, imma mhux minn Alla.  Imma naf li qed jieħdu l-miżuri kollha ta’ sigurtà, prudenti imma żguri.  Imbagħad naraw.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi, Santità.  U nawguraw aħna wkoll lilna nfusna li jkollna l-istess serenità, dejjem.  Mela, issa għandna lil Christoph Schmidt għall-grupp Ġermaniż, li riesaq ’l hawn ħafif.  Imbagħad ngħid lil Sébastien Maillard biex jipprepara.  Imbagħad nistaqsu lill-Papa jekk jixtieqx jibqa’ għaddej jew jippreferix jieqaf.

 

(Christoph Schmidt)

Santità, l-għodwa t-tajba.  Tista’ tirrakkuntalna ż-żjara tiegħek fit-tempju Buddista, il-bieraħ, li kienet sorpriża kbira?  X’kien il-motiv wara żjara hekk spontanja?  Tħossok imnebbaħ minn din ir-reliġjon?  Nafu li l-missjunarji Nsara sas-seklu għoxrin kienu konvinti li l-Buddiżmu kien daħka fil-wiċċ, reliġjon tax-xitan.  It-tielet, x’jista’ jkun rilevanti fil-Buddiżmu għall-futur ta’ l-Asja?

 

(Il-Papa Franġisku)

Kif kienet iż-żjara?  Kif mort?  Il-kap ta’ dan it-tempju Buddista rnexxielu jġib minn għand il-Gvern stedina biex jiġi l-ajruport u hemm – hu ħabib kbir tal-Kardinal Ranjith – hemm sellimli u talabni nżur it-tempju – anki lil Ranjith qallu biex iġibni hemm.  Imbagħad tkellimt mal-Kardinal, imma ma kienx hemm ħin, għax meta wasalt kelli nħassar il-laqgħa ma’ l-isqfijiet, għax ma kontx qed inħossni tajjeb, kont għajjien – dawk id-29km ta’ tixjir lin-nies ħallewni qisni ċarruta – u għalhekk ma kienx hemm żmien.  U l-bieraħ, lura minn Madhu, inqalgħet il-possibbiltà; ċempel u morna.  F’dan it-tempju hemm relikwi tad-dixxipli ta’ Budda, ta’ tnejn minnhom.  Għalihom huma importanti ħafna.  Dawn ir-relikwi kienu l-Ingilterra u huma rnexxielhom iġibuhom lura: tajjeb.  U hekk, hu ġie jilqagħni l-ajruport u jien mort niltaqa’ miegħu d-dar tiegħu.  Din l-ewwel ħaġa.

 

It-tieni.  Il-bieraħ, f’Madhu, rajt ħaġa li qatt ma kont immaġinajt: ma kinux kollha Kattoliċi, bilkemm il-maġġoranza!  Kien hemm Buddisti, Musulmani, Ħindu, u kollha jmorru jitolbu hemm; imorru u jgħidu li qed jirċievu l-grazzji!  Hemm fil-poplu – u l-poplu ma jiżbalja qatt – hemm f’dak il-post is-sens ta’ poplu, hemm xi ħaġa li tgħaqqadhom.  U jekk huma b’mod hekk naturali tant magħquda li jmorru flimkien jitolbu f’tempju – li hu Nisrani imma m’hux Nisrani biss, għax kollha jriduh – għaliex jien m’għandix immur f’tempju Buddist biex insellmilhom?  Din ix-xhieda tal-bieraħ f’Madhu hi importanti ħafna.  Tgħinna nifhmu s-sens ta’ interreliġjożità li jgħixu fis-Sri Lanka: hemm ir-rispett bejniethom.  Hemm gruppi żgħar fundamentalisti, imma m’humiex mal-poplu: huma élite ideoloġiċi, imma m’humiex mal-poplu.

 

Imbagħad, l-idea li kienu jmorru l-infern.  Imma anki l-Protestanti…  Meta kont għadni tifel – f’dak iż-żmien, sebgħin sena ilu – il-Protestanti kollha kienu jmorru l-infern, kollha.  Hekk kienu jgħidulna.  U niftakar l-ewwel esperjenza li kelli ta’ ekumeniżmu.  L-aħħar darba rrakkuntajtha lid-diriġenti tas-Salvation Army.  Kelli erba’ jew ħames snin – imma għadni niftakar, għadni qed naraha quddiemi – u kont miexi fit-triq ma’ nannti, kienet qed iżżommli jdejja.  Fuq il-bankina tan-naħa l-oħra tat-triq kienu mexjin żewġ nisa tas-Salvation Army b’dak il-kappell li kienu jilbsu qabel, biż-żigarella, xi ħaġa hekk, issa m’għadhomx jilbsuh.  Jien staqsejt lil nannti: “Għidli, nann, dawk sorijiet?”.  U hi qaltli hekk: “Le, dawk Protestanti, imma twajbin”.  L-ewwel darba li smajt xi ħadd jitkellem tajjeb dwar persuna ta’ reliġjon oħra, dwar xi ħadd Protestant.  F’dak iż-żmien, fil-katekeżi, kienu jgħidulna li kollha għall-infern kienu.  Imma nemmen li l-Knisja – kif għidtilhom fil-Laqgħa Interreliġjuża f’Colombo – saret ħafna iżjed konxja mir-rispett tal-valuri.  Meta naqraw dak li jgħidilna l-Konċilju Vatikan II fuq il-valuri fir-reliġjonijiet l-oħra – ir-rispett – il-Knisja kibret ħafna f’dan.  U iva, hemm żminijiet mudlama fl-istorja tal-Knisja, irridu ngħiduh dan, bla mistħija, għax anki aħna ninsabu mexjin fi triq ta’ konverżjoni kontinwa: dejjem mid-dnub għall-grazzja.  U din l-interreliġjożità bħala aħwa, dejjem f’rispett lejn xulxin, hi grazzja.  Ma nafx kienx hemm xi ħaġa oħra li ħallejt barra…  Dak kollox?  Vielen danke.

 

(Padre Lombardi)

Sébastien Maillard f’isem il-grupp Franċiż.

 

(Sébastien Maillard)

Santità, il-bieraħ fil-għodu waqt il-Quddiesa int tkellimt dwar libertà reliġjuża bħala dritt uman fundamentali.  Imma fir-rispett lejn id-diversi reliġjonijiet sa fejn nistgħu naslu f’dik li hi libertà ta’ l-espressjoni, li anki dik hi dritt uman fundamentali?  Grazzi.

 

(Il-Papa Franġisku)

Grazzi tal-mistoqsija tiegħek, hi intelliġenti.  Nemmen li t-tnejn huma drittijiet fundamentali: il-libertà reliġjuża u l-libertà ta’ l-espressjoni.  Ma tistax… naħsbu…  Int Franċiż, mela ejja mmorru Pariġi!  Nitkellmu ċar.  Ma tistax taħbi verità, li kulħadd għandu dritt jipprattika r-reliġjon tiegħu, bla ma joffendi, liberament.  Hekk għandna nagħmlu, irridu nagħmlu kollha kemm aħna.  It-tieni, ma tistax toffendi, tagħmel gwerra, toqtol f’isem ir-reliġjon tiegħek, jiġifieri f’isem Alla.  Lilna, dak li qed jiġri bħalissa… jiskantana.  Imma dejjem irridu naħsbu fl-istorja tagħna: kemm gwerer tar-reliġjon kellna!  Int aħseb ftit fil-“lejl ta’ San Bartilmew”… din kif tista’ tagħmel sens?  Anki aħna dnibna f’dan.  Imma ma tistax toqtol f’isem Alla.  Din anomalija.  Li toqtol f’isem Alla hi anomalija.  Naħseb li din hi l-ħaġa prinċipali li ta’ min jgħid dwar il-libertà tar-reliġjon: dan għandu jsir b’libertà, bla ma noffendu lil ħadd, imma bla ma nimponu jew noqtlu.

 

Il-libertà ta’ l-espressjoni.  Kull persuna mhux biss għandha l-libertà, id-dritt, imma għandha wkoll l-obbligu li tgħid dak li tħoss biex tgħin il-ġid komuni.  L-obbligu.  Ejja ngħidu deputat, senatur: jekk ma jgħidx dak li jaħseb li hu l-aħjar mod, ma jkunx jikkollabora b’riżq il-ġid komuni.  U mhux dawn biss, imma ħafna oħrajn.  Għandna l-obbligu li nitkellmu b’mod miftuħ, li jkollna din il-libertà, imma bla ma noffendu.  Għax hu minnu li ma tistax tirreaġixxi bil-vjolenza, imma jekk Dr Gasbarri, ħabib kbir tiegħi, jgħid kelma baxxa kontra ommi, ilaqqat daqqa ta’ ponn!  Hu normali!  Hu normali.  Ma tistax tipprovoka, ma tistax tinsulta l-fidi ta’ l-oħrajn, ma tistax twaqqa’ għaż-żuffjett il-fidi.  Il-Papa Benedittu, f’diskors li għamel – ma niftakarx sew fejn – kien tkellem fuq din il-mentalità post-pożittivista, fuq il-metafiżika post-pożittivista, li fl-aħħar twassalna biex nemmnu li r-reliġjonijiet jew l-espressjonijiet reliġjużi huma xi tip ta’ sottokultura, li jiġu tollerati, imma huma ħaġa li ftit tiswa, ma jagħmlux parti mill-kultura mdawla.  U dan hu wirt ta’ l-Illuminiżmu.  Tant nies li jitkellmu ħażin dwar ir-reliġjonijiet, iwaqqgħuhom għaċ-ċajt, biex ngħidu hekk “jilagħbu” bir-reliġjon ta’ l-oħrajn, dawn ikunu jipprovokaw, u jista’ jiġrilhom dak li jiġri lil Dr Gasbarri jekk jgħid xi ħaġa kontra ommi.  Hemm limitu.  Kull reliġjon għandha d-dinjità tagħha, kull reliġjon li tirrispetta l-ħajja umana, il-persuna umana.  U jien ma nistax nirredikolaha.  U dan hu limitu.  Qbadt dan l-eżempju tal-limitu, biex ngħid li fil-libertà ta’ l-espressjoni hemm limiti bħal dak ta’ ommi.  Ma nafx jekk irnexxilix inwieġeb għall-mistoqsija.  Grazzi.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi, Santità, issa diġà ilna nofs siegħa hawn u għamilna l-ewwel dawra tal-gruppi kollha.  Int għidtilna wkoll li kont xi ftit għajjien.  Inħalluk liberu.  Trid tkompli?  Imma fil-kas għidilna int meta tkun trid tieqaf.  Issa kellna fil-lista lil Joshua McElwee min-National Catholic Report.

 

(Joshua McElwee)

Santità, grazzi mill-ġdid tal-ħin tiegħek.  Int tkellimt kemm-il darba kontra l-estremiżmu reliġjuż; għandek xi idea konkreta ta’ kif nistgħu nikkonvolġu lill-mexxejja reliġjużi l-oħra biex niġġieldu lil din il-problema?  Forsi xi laqgħa f’Assisi, kif kellhom il-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Papa Benedittu XVI?

 

(Il-Papa Franġisku)

Grazzi.  Din il-proposta saret ukoll.  Jien naf li hemm min qed jaħdem fuq hekk.  Tkellimt mal-Kardinal Tauran, li qiegħed fid-Djalogu Interreliġjuż, u hu hekk iħoss.  Naf li din ix-xewqa ma ġietx biss minna, iżjed ġiet mill-oħrajn, ħarġet mir-reliġjonijiet l-oħra u qiegħda hemm.  Ma nafx hux diġà hemm xi ħaġa qed tinħema, imma x-xewqa qiegħda hemm.  Grazzi.

 

(Padre Lombardi)

Mela, mistoqsija ta’ l-aħħar mill-ġdid mill-grupp Filippin.  Għandna lil Lynda Jumilla Abalos, li sa tistaqsi xi ħaġa oħra, u mbagħad inħallu lill-Papa fil-kwiet.

 

(Lynda Jumilla Abalos)

L-għodwa t-tajba, Santità, jiddispjaċini li t-Taljan tiegħi ma tantx hu tajjeb.  Santità, int sejjaħt għall-verità, għar-rikonċiljazzjoni fis-Sri Lanka.  Nixtieq nistaqsik jekk tappoġġjax il-Kummissjoni għall-verità fis-Sri Lanka u f’pajjiżi oħra għall-kunflitti interni…

 

(Il-Papa Franġisku)

Jien ma nafx sew kif jaħdmu dawn il-Kummissjonijiet.  Naf kif kienet dik ta’ l-Arġentina, fi żmienha, wara d-dittatura militari, u dik appoġġjajtha, għax kienet miexja fit-triq it-tajba.  Konkretament ma nistax nitkellem dwar dawn, għax ma nafhomx fil-konkret.  Iva, nappoġġja l-isforzi kollha biex tinstab il-verità u anki sforzi bilanċjati, mhux bħala vendetta, bilanċjati, biex jgħinu jintlaħaq qbil.  U l-President tas-Sri Lanka qalli xi ħaġa – ma rridx li dan jiġi interpretat bħala kumment politiku – intenni dak li smajt u li miegħu naqbel.  Hu qalli hekk: hu jrid jibqa’ għaddej bil-ħidma favur il-paċi – l-ewwel kelma –, ir-rikonċiljazzjoni, qabel xejn.  Imbagħad qal kelma oħra, qal: għax trid tinħoloq l-armonija fil-poplu.  L-armonija hi xi ħaġa aktar mill-paċi u r-rikonċiljazzjoni.  Hi iżjed minn hekk.  Hi isbaħ, terġa’.  Hi anki mużikali, l-armonija.  U mbagħad baqa’ għaddej b’kelma oħra, għax din l-armonija tagħtina l-kuntentizza u l-ferħ.  Paċi, rikonċiljazzjoni, armonija, kuntentizza u ferħ.  Jien bqajt mistagħġeb u għidtlu: “Nieħu gost nisma’ hekk, m’hix ħaġa ħafifa”.  Il-ħames kelma: iva, irridu naslu għall-qalb tal-poplu.  U din l-aħħar kelma hekk qawwija ġġagħalni naħseb, biex inwieġeb għall-mistoqsija tiegħek: hu biss jekk naslu għall-qalb tal-poplu, li jaf x’inhi t-tbatija, li jaf x’inhuma l-inġustizzji, li bata tant affarijiet fil-gwerer u anki fid-dittaturi, tant ħwejjeġ!… jekk naslu hemm biss – anki l-poplu jaf jaħfer – nistgħu nsibu toroq tajba, bla kompromessi, ġusti, biex nimxu ’l quddiem f’dan li qed tgħid int.  Il-Kummissjonijiet ta’ investigazzjoni fuq il-verità huma wieħed mill-elementi li jistgħu jgħinu, ta’ l-inqas f’moħħi jiġuni dawk ta’ l-Arġentina: element li għen.  Wieħed, imma hemm elementi oħra li rridu nwettqu, biex nistgħu naslu għall-paċi, għar-rikonċiljazzjoni, għall-armonija, għall-ferħ u nistgħu naslu għall-qalb tal-poplu.  Dan li jiġini f’moħħi, u qbadt kliem il-President li jidhirli li tkellem tajjeb ħafna.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi, Santità, naħseb li tajtna iżjed milli biżżejjed materjal biex issa naħdmu fuqu tul is-sigħat li ġejjin f’dan il-vjaġġ.

 

Ħaġa żgħira ta’ l-aħħar.  Propju l-lum l-Aġenzija Ansa, li hi l-aġenzija prinċipali Taljana ta’ informazzjoni, tagħlaq sebgħin sena.  Aħna hawn dejjem ikollna fedelment xi ħadd li ġej mill-Ansa u anki issa hawn Giovanna Chirri.  Forsi tista’ tgħid kelma ta’ awguri lill-Ansa għas-sebgħin sena…

 

(Il-Papa Franġisku)

Jien iltqajt ma’ l-Ansa l-ewwel darba meta sirt naf lil Francesca Ambrogetti fi Buenos Aires.  Francesca kienet il-president tal-grupp, ta’ l-ekwipaġġ ta’ ġurnalisti barranin fi Buenos Aires.  Permezz tagħha sirt naf l-Ansa, u dik il-mara rrappreżentat tajjeb lill-Ansa fi Buenos Aires.  Nawguralkom l-aħjar.  Sebgħin sena m’humiex ċajta!  Li tippersevera fis-servizz għal sebgħin sena hu mertu kbir.  Nawguralkom l-aħjar, nawguralkom dejjem l-aħjar.  Jien għandi drawwa, meta ma nkunx naf kif sejrin l-affarijiet, li nitlob lil Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù, li jekk tieħu problema f’idejha, xi ħaġa, tibgħatli warda, u hekk tagħmel, xi drabi, imma b’mod stramb.  U għalhekk tlabt anki għal dan il-vjaġġ, li tieħdu f’idejha u tibgħatli warda, imma flok warda ġiet hi stess issellimli.  Grazzi għal Carolina, grazzi għal Tereżina u għalikom.  Grazzi.  Il-jum it-tajjeb.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi lilek, Santità, u l-vjaġġ it-tajjeb.  Issa strieħ ftit, biex tipprepara ruħek sew għat-tlitt ijiem li ġejjin.  Grazzi lil kulħadd.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard