(Padre Lombardi)

Santità, grazzi ħafna li tinsab hawn magħna, fit-titjira lura ta’ dan il-vjaġġ. Minkejja l-maltempata tal-lejla, jidhirli li kollox mar sewwa ħafna, li lkoll ninsabu kuntenti ħafna u nittamaw li anki int kuntent b’dawn il-ġranet li għaddew. Bħas-soltu se nagħmlulek xi mistoqsijiet. Imma jekk tixtieq tgħidilna xi ħaġa int bħala introduzzjoni, qed nisimgħuk…

 

(Il-Papa Franġisku)

Il-lejla t-tajba, u nirringrazzjakom tal-ħidma tagħkom u tal-kumpanija tagħkom. Ladarba intom kollegi fix-xogħol, nixtieq nagħtikom l-għomor għall-mewt ta’ Anna Maria Jacobini. Illum iltqajt ma’ oħtha, in-neputi u n-neputija, kienu mbikkmin ħafna għal li ġara… Ġrajja kerha f’dan il-vjaġġ.

 

Imma nixtieq ukoll nirringrazzja lil Padre Lombardi u lil Mauro, għax dan sa jkun l-aħħar vjaġġ li qed jagħmlu magħna. Padre Lombardi ilu f’Radio Vaticana iżjed minn ħamsa u għoxrin sena u mbagħad ilu għaxar snin fuq dawn it-titjiriet. U Mauro sebgħa u tletin, sebgħa u tletin sena inkarigat mill-bagalji tat-titjiriet. Nirringrazzja ħafna lil Mauro u lil Padre Lombardi. Imbagħad fl-aħħar nirringrazzjawhom billi naqsmu l-kejk…

 

U qiegħed hawn għalikom. Il-vjaġġ hu qasir… Irridu nħaffu din id-darba.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi, Santità. L-ewwel mistoqsija bħas-soltu nħallu tagħmilha lil waħda mill-kollegi Pollakki tagħna. Lil Magdalena Wolinska minn Tvp.

 

(Magdalena Wolinska – Tvp)

Santità, fl-ewwel diskors tiegħek f’Wawel, dritt wara li wasalt Krakovja, int għidt li kont kuntent li qed tibda ssir taf iżjed l-Ewropa tal-Lvant ċentrali propju mill-Polonja. F’isem pajjiżna, nixtieq nistaqsik kif għextha l-Polonja f’dawn il-ħamest ijiem? X’deherlek?

 

(Il-Papa Franġisku)

Kienet Polonja speċjali, għax kienet Polonja mill-ġdid “invaduta”, imma din id-darba miż-żgħażagħ! Krakovja, dak li rajt minnha, rajtha sabiħa ħafna. Il-Pollakki huma mħeġġin ħafna… Ara llejla: fix-xita, matul it-toroq, u mhux biss iż-żgħażagħ, imma anki x-xjuħ… Xi tjieba, xi qlubija. Kelli esperjenza tal-Pollakki meta kont għadni żgħir: fejn kien jaħdem missieri, wara l-Gwerra kienu ġew jaħdmu ħafna Pollakki. Kienu nies twajba… u dan baqa’ f’qalbi. U hawn erġajt sibt din it-tjieba tagħkom. Xi ġmiel! Grazzi.

 

(Padre Lombardi)

Issa ngħaddu l-kelma lil kollega oħra Pollakka tagħna, Ursula… mill-Polsat. Nitlob lil Marco Ansaldo biex jipprepara, u jersaq hawn qrib.

 

(Urzula Rzepczak… - Polsat)

Santità, uliedna żgħażagħ baqgħu milquta minn kliemek, li jikkorrispondi tajjeb ħafna mar-realtà tagħhom u l-problemi tagħhom. Imma int fid-diskorsi tiegħek użajt ukoll il-kelmiet u l-espressjonijiet li jagħmlu parti mil-lingwaġġ taż-żgħażagħ. Kif ippreparajt ruħek? Kif irnexxielek toħroġ b’tant eżempji li huma hekk qrib lejn ħajjithom, lejn il-problemi tagħhom u bi kliemhom stess?

 

(Il-Papa Franġisku)

Jien nieħu gost nitkellem maż-żgħażagħ. U nieħu gost nismagħhom. Dejjem iġibuni dahri mal-ħajt, għax jgħiduli ħwejjeġ li ma nkunx ħsibt fuqhom jew li fuqhom inkun ħsibt ftit li xejn. Iż-żgħażagħ m’għandhomx kwiet, iż-żgħażagħ kreattivi… Nieħu gost, u minn hemm nieħdu dak il-lingwaġġ. Ħafna drabi jkolli nistaqsi: “Imma dan xi jfisser?”, u huma jispjegawli xi jfisser. Nieħu gost nitkellem magħhom. Huma l-futur tagħna, u jeħtieġ niddjalogaw magħhom. Importanti dan id-djalogu bejn passat u futur. Għalhekk li jiena nisħaq tant fuq ir-relazzjoni bejn iż-żgħażagħ u n-nanniet, u b’“nanniet” nifhem kemm l-ixjeħ u kemm dawk inqas xjuħ – fothom jien, iva! – biex nagħtu wkoll l-esperjenza tagħna, ħalli huma jisimgħu l-passat, l-istorja u jeħduha f’idejhom u biha jimxu ’l quddiem bil-kuraġġ tal-preżent, kif għidt illejla. Dan importanti, importanti! Ma niħux gost nisma’ min jgħid: “Imma dawn iż-żgħażagħ jgħidu l-ħmerijiet!”. Anki aħna ngħidu ħafna ħmerijiet! Iż-żgħażagħ jgħidu ħmerijiet u jgħidu ħwejjeġ tajbin, bħalna, bħal kulħadd. Imma rridu nisimgħuhom, nitkellmu magħhom, għax aħna jeħtieġ nitgħallmu minnhom u huma jeħtieġ jitgħallmu minna. Hekk hu. U hekk tissawwar l-istorja u hekk tikber bla għeluq, bla ċensuri. Ma nafx, imma hekk hu. Hekk nitgħallimhom dawn il-kelmiet.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi ħafna. U issa ngħaddu l-kelma lil Marco Ansaldo minn La Repubblica, li se jagħmel mistoqsija f’isem il-grupp Taljan… U sadattant tipprepara ruħha u tersaq ’l hawn Frances DEmilio

 

(Marco Ansaldo – La Repubblica)

Santità, ir-ripressjoni fit-Turkija u l-ħmistax-il jum li ġew wara l-golpe, skond kważi l-osservaturi internazzjonali kollha, forsi kienet agħar minn kolp ta’ stat. Intlaqtu kategoriji sħaħ: militari, maġistrati, amministraturi pubbliċi, diplomatiċi, ġurnalisti. Qed nikkwota tagħrif mogħti mill-Gvern Tork: tlettax-il elf arrestati, fuq ħamsin elf persuna “mneħħija”. Tindifa sħiħa. Ilbieraħ tlula l-President Recep Tayyip Erdogan, f’wiċċ il-kritika li saritlu minn barra, qal: “Din mhix biċċa tagħkom!”. Aħna rridu nistaqsuk: Għaliex sa issa int għadek ma intervenejtx, ma tkellimtx? Forsi tibża’ li jista’ jkun hemm xi riperkussjonijiet fuq il-minoranza Kattolika fit-Turkija? Grazzi.

 

(Il-Papa Franġisku)

Meta ridt ngħid xi ħaġa li lit-Turkija ma kinitx tinżlilha, imma li kont ċert minnha, għidtha, bil-konsegwenzi li intom tafu sewwa. Għidthom dawk il-kelmiet… Imma kont żgur milli qed ngħid. Ma tkellimtx għax għadni m’iniex żgur, bit-tagħrif li għandi, dwar x’qed jiġri hemm. Qed nisma’ t-tagħrif li jasal fis-Segreterija tal-Istat, u anki dak ta’ xi analista politiku importanti. Qed nifli s-sitwazzjoni anki mal-kollaboraturi tas-Segreterija tal-Istat u l-kwistjoni għadha mhix ċara. Minnu dan, dejjem għandna nevitaw li ssir ħsara lill-Kattoliċi – u dan kollha nagħmluh – imma mhux bi prezz għall-verità. Hemm il-virtù tal-prudenza – għandek tgħid dan, meta, kif – imma fil-każ tiegħi intom tixhdu li meta ridt ngħid xi ħaġa li tmiss it-Turkija, għidtha.

 

(Padre Lombardi)

Issa ngħaddu l-kelma lil Frances DEmilio, li hi l-kollega mill-Associated Press, l-aġenzija kbira ta’ lingwa Ingliża.

 

(Frances D’Emilio – Associated Press)

Il-lejla t-tajba. Il-mistoqsija tiegħi hi waħda li qed jagħmluha ħafna bħalissa, għax fl-Awstralja ħareġ għad-dawl li l-pulizija Awstraljana qed tindaga fuq akkużi ġodda kontra l-Kardinal Pell, din id-darba akkużi dwar abbużi fuq il-minuri, li huma differenti ħafna mill-akkużi ta’ qabel. Il-mistoqsija li qed nagħmel bejni u bejn ruħi u li qed jagħmlu ħafna oħrajn hija din: skond int, x’l-aħjar jagħmel il-Kardinal Pell, f’din is-sitwazzjoni gravi, fid-dawl tar-rwol hekk importanti u l-fiduċja li jgawdi min-naħa tiegħek?

 

(Il-Papa Franġisku)

Grazzi. L-ewwel aħbarijiet li waslu kienu mħawdin. Kienu aħbarijiet ta’ erbgħin sena ilu u lanqas il-pulizija ma kienet tat kashom għall-ewwel. Taħwida. Imbagħad l-akkużi kollha ġew ippreżentati lill-ġustizzja u issa huma f’idejn il-ġustizzja. Ma nistgħux niġġudikaw qabel ma tiġġudika l-ġustizzja. Li kelli ngħaddi ġudizzju jien favur jew kontra l-Kardinal Pell, ma kontx inkun ġust, għax kont inkun qed niġġudika kmieni. Hu minnu, hemm id-dubju. U hemm dak il-prinċipju ċar tal-liġi: in dubio pro reo. Jeħtieġ nistennew il-ġustizzja u ma nagħmlux ġudizzju medjatiku, għax dan ma jgħinx. Il-ġudizzju tal-qlajjiet, u mbagħad? Għadna ma nafux x’eżitu ħa jkun hemm. Noqogħdu għal kif taqtagħha l-ġustizzja. Meta titkellem il-ġustizzja, imbagħad nitkellem jien. Grazzi.

 

(Padre Lombardi)

Issa ngħaddu l-kelma lil Hernán Reyes mit-Télam. Nitolbok tersaq hawn. Kif nafu, dan hu Arġentin u qed jirrappreżenta lill-Amerika Latina fostna, issa.

 

(Hernán Reyes)

Santità, kif tħossok wara ż-żelqa tal-aħħar darba? Qed naraw li tinsab tajjeb… Din l-ewwel mistoqsija. It-tieni: il-ġimgħa l-oħra s-Segretarju ġenerali tal-UNASUR, Ernesto Samper, tkellem dwar medjazzjoni tal-Vatikan fil-Veneżwela. Veru hemm dan id-djalogu? Possibbiltà reali din? U kif taħseb li din il-medjazzjoni, bil-missjoni tal-Knisja, tista’ tgħin lill-pajjiż fl-istabbiltà tiegħu?

 

(Il-Papa Franġisku)

L-ewwel dwar il-waqgħa. Jien kont qed inħares lejn il-Madonna u t-tarġa nsejtha… Kont biċ-ċensier f’idi… Meta ħassejtni qed naqa’, intlaqt u kien dan li salvani, għax kieku rreżistejt, il-konsegwenzi kienu jkunu xort’oħra. Xejn. Ninsab tajjeb ħafna.

 

It-tieni kienet? Il-Veneżwela. Sentejn ilu kelli laqgħa mal-President Maduro, pożittiv ħafna ħafna. Imbagħad hu talab udjenza miegħi s-sena l-oħra: kien il-Ħadd, l-għada li wasalt Sarajevo. Imma mbagħad hu ħassar dik il-laqgħa, għax laqqat infezzjoni f’widintu u ma setax jiġi. Imbagħad, wara dan, ħallejt xi żmien jgħaddi u ktibtlu. Kien hemm kuntatti – int semmejt wieħed – biex niltaqgħu. Iva, bil-kundizzjonijiet li jsiru f’każi bħal dawn. U qed naħsbuha, bħalissa… imma m’iniex ċert, u ma nista’ niżgura xejn, dwar dan, ċar? M’iniex ċert jekk fil-grupp tal-medjazzjoni hemmx xi ħadd… u ma nafx jekk hux il-gvern ukoll – imma m’iniex ċert – li jrid rappreżentant tas-Santa Sede. Dan sakemm tlaqt minn Ruma. Imma l-affarijiet hekk huma. Fil-grupp hemm Zapatero ta’ Spanja, Torrijos u ieħor, u r-raba’ kienu qed jgħidu li ħa jkun mis-Santa Sede. Imma dwar dan m’iniex ċert…

 

(Padre Lombardi)

Issa ngħaddu l-kelma lil Antoine-Marie Izoard minn Media, minn Franza. U nafu minn xiex għaddejja Franza bħalissa…

 

(Antoine-Marie Izoard)

Santità, qabelxejn nawgura lilek, lil Padre Lombardi u anki lil Padre Spadaro għall-festa ta’ Sant’Injazju.

 

Il-mistoqsija hi ftit iżjed diffiċli. Il-Kattoliċi huma taħt xokk – u mhux fi Franza biss – wara l-qtil barbariku ta’ Dun Jacques Hamel fil-knisja tiegħu, huwa u jiċċelebra l-Quddiesa. Erbat ijiem ilu, hawn, int għidtilna mill-ġdid li r-reliġjonijiet kollha jridu l-paċi. Imma dan il-qassis twajjeb ta’ sitta u tmenin sena kjarament ġie maqtul f’isem l-Islam. Għalhekk, Santità, għandi żewġ mistoqsijiet qosra. Għaliex int, meta titkellem dwar dawn l-atti vjolenti, dejjem titkellem dwar terroristi imma qatt dwar l-Islam? Qatt ma tuża l-kelma “Islam”. U mbagħad, barra t-talb u d-djalogu, li ovvjament huma essenzjalissmi, liema inizjattiva konkreta tista’ tibda jew forsi tissuġġerixxi biex tpatti għall-vjolenza Islamika? Grazzi, Santità.

 

(Il-Papa Franġisku)

Jien ma niħux pjaċir nitkellem fuq vjolenza Islamika, għax ta’ kuljum meta nqalleb il-ġurnali nara vjolenza, hawn l-Italja: dak joqtol lill-għarusa, l-ieħor qatel lill-kunjata… U dawn li jagħmlu din il-vjolenza huma Kattoliċi mgħammdin! Huma vjolenti Kattoliċi… Li kelli nitkellem fuq vjolenza Islamika, ikolli nitkellem ukoll fuq vjolenza Kattolika. Mhux il-Musulmani kollha huma vjolenti; mhux il-Kattoliċi kollha huma vjolenti. Din taħlita li fiha hemm minn kollox, hemm nies vjolenti minn dawn ir-reliġjonijiet. Ħaġa waħda hi minnha: nemmen li kważi fir-reliġjonijiet kollha dejjem hemm xi grupp ċkejken fundamentalista. Fundamentalista. Anki aħna għandna. U meta l-fundamentaliżmu jasal biex joqtol – imma tista’ toqtol bl-ilsien, u dan jgħidu l-Appostlu Ġakbu mhux jien, u anki bis-sikkina – nemmen li mhux sew nidentifikaw l-Islam mal-vjolenza. Dan mhux ġust u mhux minnu! Kelli djalogu twil mal-Imam il-Kbir mill-Università ta’ al-Azhar u naf kif jaħsbuha: qed ifittxu l-paċi, il-laqgħa. In-Nunzju ta’ pajjiż Afrikan qalli li fil-kapitali dejjem ikun hemm ringiela twila ta’ nies – u dejjem mimlija! – quddiem il-Bieb Imqaddes tal-Ġublew: xi wħud jersqu lejn il-konfessjonarji, oħrajn jibqgħu jitolbu fil-bankijiet. Imma l-parti l-kbira jersqu ’l quddiem, ’il quddiem, biex jitolbu lill-Madonna: dawn huma Musulmani li jridu jiċċelebraw il-Ġublew. Huma ħutna. Meta żort l-Afrika Ċentrali, mort għandhom u l-Imam tela’ wkoll fuq il-popemobile. Nistgħu ngħixu tajjeb flimkien. Imma hemm gruppi żgħar fundamentalisti. U jien nistaqsi wkoll kemm żgħażagħ – kemm żgħażagħ! – li aħna l-Ewropej ħallejna battala mill-ideali, li m’għandhomx xogħol, li jaqgħu għad-droga, għax-xorb… imorru hemm u jissieħbu fi gruppi fundamentalisti. Iva, nistgħu ngħidu li l-hekk imsejjaħ Isis hu stat Islamiku li jippreżenta ruħu bħala vjolenti, għax meta jurina l-karti tal-identità tiegħu jurina kif fuq il-kosta tal-Libja ħanxar lill-Eġizzjani, u ħwejjeġ simili. Imma dan hu grupp żgħir fundamentalista, li jissejjaħ Isis. Imma ma nistgħux ngħidu – nemmen li mhux minnu u mhux ġust – li l-Islam hu terrorista.

 

(Antoine-Marie Izoard)

Inizjattiva konkreta min-naħa tiegħek kontra t-terroriżmu, il-vjolenza…

 

(Il-Papa)

It-terroriżmu ssibu kullimkien! Int aħseb ftit fit-terroriżmu tribali ta’ ċerti pajjiżi Afrikani… It-terroriżmu – ma nafx għandix ngħidha din, għax naqra perikuluża – jikber meta m’hemmx għażla oħra, meta fiċ-ċentru tal-ekonomija tad-dinja hemm l-alla flus u mhux il-persuna, ir-raġel u l-mara. Dan diġà hu l-ewwel terroriżmu. Tkun barrejt il-ġmiel tal-ħolqien, ir-raġel u l-mara, u minflok poġġejt il-flus. Dan hu t-terroriżmu bażiku kontra l-bnedmin kollha. Ta’ min jaħseb fuq dan.

 

(Padre Lombardi)

Grazzi, Santità. Billi dalgħodu tħabbar li l-post tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss ħa jkun il-Panama, għandna hawn kollega li ried jagħtik rigal ċkejken biex jippreparak għal dan il-Jum.

 

(Javier Martínez Brocal)

Santità, qabel, fil-laqgħa mal-voluntiera, għidtilna li forsi int mhux ħa tkun hemm il-Panama. Imma ma tistax tagħmel hekk, għax aħna sa nkunu nistennewk il-Panama!

 

(Il-Papa Franġisku bl-Ispanjol)

Jekk ma mmurx jien, ikun hemm Pedro!

 

(Javier Martínez Brocal)

Aħna nemmnu li int hemm ħa tkun! F’isem il-Panamiżi qed ngħaddilek żewġ affarijiet: flokk bin-numru 17, li hi d-data ta’ twelidek, u s-sombrero li jilbsu l-campesinos tal-Panama… Talbuni tistax tilbsu… Jekk trid issellem lill-Panamiżi… Grazzi!

 

(Il-Papa Franġisku bl-Ispanjol)

Lill-Panamiżi, grazzi ħafna ta’ dan. Nawguralkom preparazzjoni tajba, b’saħħitha, bl-istess spiritwalità u l-istess profondità li bihom tħejjew il-Pollakki, in-nies ta’ Krakovja u l-Pollakki kollha.

 

(Antoine-Marie Izoard)

Santità, f’isem il-kollegi ġurnalisti, għax inħossni xi ftit jew wisq obbligat nirrappreżentahom, xtaqt ngħid kelmtejn jien ukoll, jekk tippermettili, Santità, dwar Padre Lombardi, biex nirringrazzjah.

 

Impossibbli tiġbor għaxar snin ta’ preżenza ta’ Padre Lombardi fis-Sala Stampa: mal-Papa Benedittu, imbagħad interrenju uniku u mbagħad il-ħatra tiegħek, Santità, u s-sorpriżi li ġew wara. Dak li żgur nista’ ngħid hu dwar id-disponibbiltà kontinwa tiegħu, l-impenn u d-dedikazzjoni ta’ Padre Lombardi; il-ħila inkredibbli tiegħu li jwieġeb jew le għall-mistoqsijiet tagħna, spiss strambi, u din hi wkoll arti. U mbagħad anki l-umoriżmu tiegħu xi ftit Brittaniku: fis-sitwazzjonijiet kollha, anki fl-agħar. U għandna ħafna eżempji.

 

[idur fuq Padre Lombardi] Ovvjament nilqgħu bil-ferħ lis-suċċessuri tiegħek, żewġ ġurnalisti bravi; imma ma ninsewx li int barra li kont ġurnalista, kont u għadek saċerdot u Ġiżwita. F’Settembru ma nonqsux li niffesteġġjaw kif jixraq it-tluq tiegħek biex taqdi band’oħra, imma diġà minn issa nixtiequ nawgurawlek. Nawguralek il-festa t-tajba ta’ Sant’Injazju u mbagħad nawguralek ħajja twila, ta’ mitt sena kif jgħidu hawn il-Polonja, ta’ servizz umli. Stolat jgħidu l-PollakkiStolat, Padre Lombardi!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti min Francesco Pio Attard