Matul it-titjira li minn Ciudad Juárez wasslitu lura Ruma fi tmiem il-Vjaġġ Appostoliku fil-Messiku, il-Papa Franġisku ltaqa’ f’konferenza stampa mal-ġurnalisti tal-midja abbord l-ajruplan.

 

Din hi t-traskrizzjoni tal-konverżazzjoni tal-Papa mal-ġurnalisti:

 

Padre Lombardi

Santità, grazzi li tinsab hawn fostna, bħal fi tmiem kull vjaġġ, għall-konverżazzjoni ta’ sintesi, ħarsa kbira lejn dan il-vjaġġ, u tad-disponibbiltà tiegħek biex twieġeb għal tant mistoqsijiet min-naħa tal-komunità internazzjonali tagħna.  Bħas-soltu aħna tlabna lid-diversi gruppi lingwistiċi biex jorganizzaw ruħhom u jippreżentaw xi mistoqsijiet, imma nibdew bil-kollegi tagħna tal-Messiku, naturalment.  Allura, nitolbuk twieġeb fl-Ispanjol għall-ewwel tnejn, u mbagħad bit-Taljan, biex il-parti l-kbira tal-kollegi tagħna jifhmu aħjar.

 

Mela, l-ewwel persuna li se tagħmel il-mistoqsija tagħha hi Maria Eugenia Jimenez Calíz minn Milenio, ġurnal importanti Messikan:

 

Maria Eugenia Jimenez Calíz – “Milenio”

Santo Padre, en México hay miles de desaparecidos, pero el caso de los 43 de Ayotzinapa es un caso emblemático. Quisiera preguntarle por qué no se reunió con los familiares de ellos y también un mensaje para los familiares de los miles de desaparecidos.

 

[Santità, fil-Messiku hemm eluf ta’ ‘desaparecidos’, imma l-każ tat-tlieta u erbgħin minn Ayotzinapa hu emblematiku.  Nixtieq nistaqsik għaliex ma ltqajtx mal-familjari tagħhom, u anki tgħaddi messaġġ lill-familjari ta’ eluf ta’ ‘desaparecidos’…]

 

Il-Papa Franġisku

Atentamente, si usted lee los mensajes, hacía referencia continuamente a los asesinatos, a las muertes, a las vidas cobradas por todas estas bandas de narcotráfico y traficantes de personas. O sea que de ese problema hablé como una de las llagas que está sufriendo México, ¿no? Hubo algún intento de personas, de recibir, y eran muchos grupos, incluso contrapuestos entre ellos, con luchas internas. Entonces yo preferí decir que en la misa los iba a ver a todos, en la Misa de Juárez si preferían o en alguna otra, pero me abría a esa disponibilidad. Era prácticamente imposible recibir a todos los grupos que, por otro lado, también estaban enfrentados entre ellos. Es una situación que es difícil de comprender para mí, por supuesto, que soy extranjero, ¿verdad? Pero creo que incluso la sociedad mexicana es víctima de todo esto, de los crímenes, de limpiar gente, de descartar gente. Hablé en cuanto discurso pude y usted lo va a poder constatar allí. Es un dolor que me llevo muy grande, porque este pueblo no se merece un drama como este.

 

[Fil-verità, jekk int taqra l-messaġġi tiegħi, hemm riferimenti kontinwi għall-assissanti, għall-mejta, għall-ħajjiet kollha misruqa minn dawn il-gruppi tat-traffikar tad-droga, tat-traffikanti ta’ essri umani.  Jiġifieri li fuq dawn il-problemi jiena tkellimt bħala waħda mill-pjagi li minnha qed isofri l-Messiku.  Kien hemm xi tentattiv biex niltaqa’ ma’ xi persuni; u kienu ħafna gruppi, anki opposti bejniethom, b’tilwim intern.  Allura ppreferejt ngħid li fil-Quddiesa kont se niltaqa’ magħhom kollha, fil-Quddiesa ta’ Juárez jekk jixtiequ, jew f’xi oħra, imma kont miftuħ għal din id-disponibbiltà.  Kien prattikament impossibbli niltaqa’ mal-gruppi kollha, li, min-naħa l-oħra, ma kinux jaqblu bejniethom.  Hi sitwazzjoni diffiċli tifhimha, għalija, kjarament, li jien barrani.  Imma nemmen li anki s-soċjetà Messikana hi vittma ta’ dan kollu: ta’ l-atti kriminali, ta’ dan l-għibien tan-nies, ir-rimi tan-nies.  Tkellimt fuq hekk fid-diskorsi tiegħi fejn stajt, u int dan stajt tixhdu.  Hi tbatija kbira li nġorr fil-qalb tiegħi, kbira ħafna, għax dan il-poplu ma jixraqlux dramma bħal din.]

 

Padre Lombardi

Grazzi.  U issa ngħaddu l-kelma lil Javier Solorzano Zinser mill-Canal Once:

 

Javier Solorzano Zinser – “Canal Once”

Muchas gracias. Papa Francisco, muchas gracias. El tema de la pederastia, como bien lo sabe, en México tiene raíces muy peligrosas, muy dolorosas. El caso del padre Maciel dejó herencias fuertes sobre todo con las víctimas. Las víctimas se siguen sintiendo desprotegidas de la Iglesia, muchos de ellos siguen siendo hombres de fe, algunos incluso han seguido el sacerdocio. Le pregunto: ¿Qué piensa de este tema? ¿En algún momento ha pensado reunirse con las víctimas? Y en general, de esta idea de que los sacerdotes cuando llegan a ser detectados de algunos casos de ésta naturaleza lo que se hace es cambiarlos, nada más, de parroquia. ¿Cómo ve este asunto? Y muchas gracias.

 

[Grazzi ħafna.  Papa Franġisku, grazzi ħafna.  It-tema tal-pedofelija, kif taf, fil-Messiku għandha għeruq perikulużi ħafna, ta’ tbatija kbira.  Il-każ ta’ Padre Maciel ħalla sinjali qawwija, fuq kollox fil-vittmi.  Il-vittmi għadhom iħossuhom m’humiex protetti mill-Knisja; ħafna minnhom baqgħu nies ta’ fidi, u xi wħud saħansitra qabdu t-triq tas-saċerdozju.  Nixtieq nistaqsik kif taħsibha fuq dan is-suġġett, jekk f’xi mument ħsibtx li tiltaqa’ mal-vittmi u, b’mod ġenerali, fuq din l-idea li lis-saċerdoti, meta jiġu mikxufa li kienu mdaħħlin f’każ ta’ din in-natura, dak li jsirilhom hu li tinbidlilhom il-parroċċa u xejn iżjed.  Kif tħares lejn din it-tema?  U grazzi ħafna.]

 

Il-Papa Franġisku

Bueno, empiezo lo segundo. Un obispo que cambia un sacerdote de parroquia cuando se detecta una pederastia es un inconsciente y lo mejor que puede hacer es presentar la renuncia, ¿clarito? Segundo, para atrás, caso Maciel. Y aquí me permito rendir un homenaje al hombre que luchó en un momento que no tenía fuerza para imponerse, hasta que logró imponer: Ratzinger. El cardenal Ratzinger -un aplauso para él- es un hombre que tuvo toda la documentación. Siendo Prefecto de la Congragación para la Doctrina de la Fe tuvo todo en su mano, hizo las investigaciones y llegó, y llegó, y llegó, y llegó, y no pudo ir más allá en la ejecución. Pero si ustedes se acuerdan, 10 días antes de morir San Juan Pablo II, aquel Vía Crucis del Viernes Santo, le dijo a toda la Iglesia, que había que limpiar las porquerías de la Iglesia, le “sporcizie”. Y en la Misa Pro Eligendo Pontifice – no es tonto, él sabía que era un candidato- no le importó maquillar su postura, dijo exactamente lo mismo. O sea, fue el valiente que ayudó a tantos a abrir esta puerta. Así que lo quiero recordar, porque a veces nos olvidamos de estos trabajos escondidos que fueron los que prepararon los cimientos para destapar la olla. Tercero, estamos trabajando bastante. Con el cardenal Secretario de Estado, charlando, y también con el equipo de los nueve cardenales consejeros, después de escuchar, decidí nombrar un tercer Secretario adjunto en la Doctrina de la Fe para que se encargue solamente de estos casos, porque la Congregación no da abasto con todos los que tiene, entonces que sepa dirigir para eso. Además, se constituyó el Tribunal de Apelación, presidido por monseñor Scicluna, que está llevando los casos de segunda instancia. Es decir, cuando hay recursos, porque el primer recurso lo hace la “Feria cuarta” -le llamamos-, se reúne los miércoles, de la Doctrina de la Fe. Cuando hay un recurso vuelve a la primera instancia, y eso no es justo. Entonces, el segundo recurso, con ya un perfil también legal, con abogado defensor. Pero hay que apurar porque nos tenemos bastante atrasados en los casos porque van apareciendo casos. Tercero, otra cosa que está trabajando muy bien es la Comisión para tutela de menores. No es estrictamente cerrada en los casos de pedofilia pero si de tutela de menores. Ahí yo me reuní, una mañana entera, con seis de ellos -dos alemanes, dos irlandeses y dos ingleses, varones y mujeres, abusados, víctimas- y también me reuní con víctimas en Filadelfia. Ahí también tuve, una mañana, una reunión con las víctimas. O sea, que se va trabajando. Pero yo doy gracias a Dios que se haya destapado esta olla, y hay que seguir destapándola y tomar conciencia. Y lo último, quiero decir que es una monstruosidad, porque un sacerdote está consagrado para llevar a un niño a Dios, y ahí se lo come en un sacrificio diabólico, lo destruye. Bueno, lo de Maciel, volviendo a la Congregación, toda una intervención se hizo, y hoy día la Congregación, el gobierno de la Congregación está semi intervenido, o sea, el Superior General es elegido por el Consejo, por el Capítulo General, pero el Vicario lo elige el Papa. Dos consejeros generales los elige el Capitulo General y otros dos los elige el Papa, de tal manera que así vamos ayudando a revisar cuentas antiguas.

 

[Tajjeb, ħa nibda mit-tieni.  Isqof li jibdel il-parroċċa lil saċerdot meta dan jinqabad f’każ ta’ pedofelija, hu irresponsabbli, u l-aħjar ħaġa li jista’ jagħmel hi li jirriżenja.  Ċara?  It-tieni, ħa mmorru lura fiż-żmien, għall-każ ta’ Maciel.  U hawn ippermettuli nagħti l-omaġġ tiegħi lil bniedem li ssielet meta ma kellu xejn favurih biex seta’ jimponi, sakemm irnexxielu jimponi: Ratzinger.  Il-Kardinal Ratzinger – applaws lilu! – hu l-bniedem li bena d-dokumentazzjoni kollha.  Meta kien Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi kellu kollox f’idejh, għamel l-indaġni u mexa, mexa, mexa… imma ma setax jimxi iżjed f’dik li hi eżekuzzjoni.  Imma jekk tiftakru tajjeb, għaxart ijiem qabel ma miet San Ġwanni Pawlu II, f’dik il-Via Crucis tal-Ġimgħa l-Kbira, qal lill-Knisja kollha li kien hemm bżonn jitnaddaf il-“ħmieġ” tal-Knisja.  U fil-Quddiesa Pro Eligendo Pontifice – m’hux iblah, hu kien jaf li kien kandidat – ma qagħadx jaħbi l-pożizzjoni tiegħu, qal eżattament l-istess ħaġa.  Irridu ngħidu li kien il-bniedem kuraġġjuż li għen lil ħafna biex jiftħu dan il-bieb.  Hekk irrid infakkarhulkom jiena, għax kull tant ninsewhom dawn il-ħidmiet moħbija li kienu dawk li ħejjew il-bażi biex tinkixef il-borma.  It-tielet, qed naħdmu ħafna.  Mal-Kardinal Segretarju ta’ l-Istat, niddiskutu, u anki mal-grupp tal-Kardinali kunsilliera ġodda, wara li smajthom, iddeċidejt li ninnomina t-tielet Segretarju fil-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, li jieħu ħsieb biss ta’ dawn il-każi, għax il-Kongregazzjoni ma tistax tagħmel kollox hi bix-xogħol kollu li għandha quddiemha, u għalhekk hu wieħed li jaf kif imexxi din il-ħaġa.  Barra minn hekk, twaqqaf it-Tribunal ta’ l-Appell, ippresedut minn Mons. Scicluna, li qed jieħu ħsieb tal-każi tat-tieni istanza, meta jsir ir-rikors; l-ewwel istanza, fil-fatt, teżaminha l-“feria quarta” – kif insejħulha, għax tiltaqa’ l-Erbgħa – tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.  Meta jsir rikors, wieħed jerġa’ lura fl-ewwel kamra, u dan m’hux sew.  Għalhekk, it-tieni rikors, diġà bi profil legali, bl-avukat difensur.  Imma rridu nivverifikaw għaliex aħna daqshekk tard fil-każi, biex jiġu ppreżentati l-każi.  It-tielet, realtà oħra li qed taħdem tajjeb ħafna hi l-Kummissjoni għall-ħarsien tal-minuri.  M’hix strettament riservata għall-każi ta’ pedofelija, imma tal-ħarsien tal-minuri.  F’dik is-sede ltqajt għal għodwa sħiħa ma’ sitta minnhom – żewġ Ġermaniżi, żewġ Irlandiżi u żewġ Ingliżi – irġiel u nisa, abbużati, vittmi.  U ltqajt mal-vittmi wkoll f’Philadelphia.  Anki hemm għodwa minnhom kelli laqgħa mal-vittmi.  Insomma, ix-xogħol miexi.  Imma jien nirringrazzja lil Alla li nkixfet din il-borma, u hemm bżonn inkomplu nikxfuha, u nerfgħu r-responsabbiltà.  U fl-aħħar nixtieq ngħid li hi ħaġa mostruża, għax saċerdot jiġi kkonsagrat biex iwassal tifel għand Alla, u hawn jispiċċa “jinbela’” f’sagrifiċċju djaboliku, jeqirdu.  Imbagħad, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Maciel, lura għall-Kongregazzjoni, sar intervent sħiħ, u l-lum il-Kongregazzjoni, it-tmexxija tal-Kongregazzjoni hi nofsha kummissarjat, jiġifieri, is-Superjur ġenerali hu elett mill-Kunsill, mill-Kapitlu Ġenerali, imma l-Vigarju jaħtru l-Papa.  Żewġ kunsilliera ġenerali huma eletti mill-Kapitlu Ġenerali u tnejn oħra jaħtarhom il-Papa, hekk li nistgħu ngħinuhom jirrevedu dak li seħħ fil-passat.]

 

Padre Lombardi

Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Min ma fehemx, jistaqsi lil xi Spanjol ħa jispjegalu x’għidt…

 

Padre Lombardi

Mela, issa ngħaddu l-kelma lil Phil Pullella mir-Reuters, li lkoll nafuh sewwa.

 

Phil Pullella, “Reuters”

Il-lejla t-tajba, Santità.  Int illum tkellimt ħafna b’mod elokwenti fuq il-problemi ta’ l-immigranti.  Fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera, imma, hemm kampanja elettorali pjuttost iebsa.  Wieħed mill-kandidati għall-White House, ir-Repubblikan Donald Trump, f’intervista dan l-aħħar qal li int bniedem politiku u saħansitra qal li forsi inti wkoll pupazz, strument tal-Gvern Messikan għall-politika ta’ l-immigrazzjoni.  Hu ddikjara li, jekk jiġi elett, irid jibni 2,500km ta’ ħajt tul il-fruntiera; irid ikeċċi ħdax-il miljun immigrant illegali, jifridhom mill-familji tagħhom, u l-bqija.  Allura, nixtieq qabel xejn nistaqsik x’taħseb fuq dawn l-akkużi kontrik u jekk Kattoliku Amerikan jistax jivvota għal persuna bħal din.

 

Il-Papa Franġisku

Imma jien nirringrazzja lil Alla li qal li jiena politiku, għax Aristotli hekk jiddefenixxi l-persuna umana, bħala “animal politicus”: ta’ l-inqas jien persuna umana!  U li jiena pupazz… ma nafx, forsi, ma nafx… inħalli lilkom tiġġudikaw, lin-nies…  U mbagħad, persuna li moħħha biss kif ħa tibni l-ħitan, ikun fejn ikun, flok tibni l-pontijiet, dik m’hix Nisranija.  Dan m’hux qiegħed fil-Vanġelu.  Imbagħad, dak li għidtli, x’parir nagħti jien biex jivvutaw jew ma jivvutawx: ma nindaħalx.  Ngħid biss dan: jekk qed jgħid dawn l-affarijiet, dan il-bniedem m’hux Nisrani.  Imma wieħed irid jara qalx dawn l-affarijiet.  U għalhekk nagħti l-benefiċċju tad-dubju.

 

Padre Lombardi

Grazzi ħafna.  U issa ngħaddu l-kelma lil Jean-Louis de la Vaissière, mill-France Presse: f’isem il-grupp Franċiż.

 

Jean-Louis de la Vaissière, “France Presse”

Il-laqgħa tiegħek mal-Patrijarka Russu Kirill u l-firma ta’ Dikjarazzjoni komuni ġew milqugħa mid-dinja kollha bħala pass storiku.  Imma issa, diġà l-lum, fl-Ukrajna l-Griegi-Kattoliċi qed iħossuhom traduti u qed jitkellmu fuq “dokument politiku”, ta’ appoġġ għall-politika Russa.  Il-gwerra tal-kliem reġgħet qamet.  Int taħseb li tista’ tmur Moska?  Ġejt mistieden mill-Patrijarka?  Jew forsi li tmur Kreta biex issellem lill-Konċilju panortodoss, fir-Rebbiegħa?

 

Il-Papa Franġisku

Ħa nibda mill-aħħar.  Jien sa nkun preżenti, spiritwalment u b’messaġġ li ħa nibgħat.  Nixtieq nista’ mmur insellmilhom fil-Konċilju panortodoss: huma ħutna; imma rrid nuri rispett.  Naf li huma jixtiequ jistiedenu osservaturi Kattoliċi, u dan hu pont sabiħ.  U wara l-osservaturi Kattoliċi se jkun hemm jien, nitlob bl-isbaħ xewqat li l-Ortodossi jibqgħu mexjin ’il quddiem, ’il quddiem, għax huma ħutna u l-isqfijiet tagħhom huma isqfijiet bħalna.  Imbagħad, Kirill.  Ħija.  Bisna lil xulxin, tgħannaqna, u mbagħad kellna kollokju ta’ siegħa…

 

Padre Lombardi

sagħtejn!

 

Il-Papa Franġisku

…sagħtejn!  Sagħtejn, li fihom tkellimna bħal aħwa, sinċerament, u ħadd ma jaf fuqiex tkellimna, sar magħruf biss dak li għedna fl-aħħar, pubblikament, dwar dak li ħassejna fil-kollokju.  It-tielet: dak l-artiklu, dawk id-dikjarazzjonijiet fl-Ukrajna.  Meta jiena qrajtu, tħassibt xi ftit, għax pjuttost kien Svjatoslav Ševčuk li qal li l-poplu Ukren, jew xi Ukreni, jew ħafna Ukreni jħossuhom profondament delużi u traduti.  Qabel xejn, jien nafu tajjeb lil Svjatoslav: fi Buenos Aires, għal erba’ snin ħdimna flimkien.  Meta hu ġie elett – ta’ tnejn u erbgħin sena, raġel ta’ l-affari tiegħu! – ġie elett Arċisqof Maġġur, ġie lura Buenos Aires biex jiġbor l-affarijiet tiegħu.  Ġie għandi u tani ikona – żgħira hekk – tal-Madonna tat-Tenerezza u qalli: “Din kienet miegħi ħajti kollha: irrid inħalliha lilek, li mxejt miegħi f’dawn l-erba’ snin”.  Hi waħda mill-ftit affarijiet li ġibt miegħi hawn minn Buenos Aires u nżommha fuq l-iskrivanija tiegħi.  Hu bniedem li lejh għandi rispett u anki familjarità, nitkellmu bħal ħbieb, u għalhekk deheritli ħaġa ftit stramba.  U ftakart f’ħaġa li għidt lilkom: biex tifhem aħbar, dikjarazzjoni, hemm bżonn tfittex l-ermenewtika ta’ kollox.  Meta qalha din?  Intqalet f’dikjarazzjoni ta’ l-14 ta’ Frar li għadda, il-Ħadd, il-Ħadd li għadda.  Intervista li ta, lil Dun… ma niftakarx, saċerdot Ukren; fl-Ukrajna, saret, u ġiet ippubblikata.  Dik l-aħbar – l-intervista hi ta’ żewġ paġni u ftit, bejn wieħed u ieħor – dik l-aħbar qiegħda fit-tielet paragrafu mill-aħħar, ċkejken.  Jien qrajt l-intervista, u ngħid dan: Ševčuk – il-parti dommatika – iddikjara ruħu bin il-Knisja, f’komunjoni ma’ l-Isqof ta’ Ruma, mal-Knisja; jitkellem dwar il-Papa, dwar il-qrubija lejn il-Papa, u dwaru nnifsu, dwar il-fidi tiegħu, u anki dwar il-fidi tal-poplu Ortodoss.  Fil-parti dommatika m’hemm l-ebda diffikultà, hi ortodossa fis-sens tajjeb tal-kelma, jiġifieri duttrina kattolika.  Imbagħad, bħal f’kull intervista – bħal din, ngħidu aħna – kulħadd għandu d-dritt li jgħid x’jaħseb hu, u dan ma qalux dwar il-laqgħa, għax dwar il-laqgħa jgħid hekk: “Hi ħaġa tajba u jeħtieġ nibqgħu mexjin f’din id-direzzjoni”.  F’dan it-tieni kapitlu, l-ideat personali li jkollha persuna.  Ngħidu aħna, dak li jiena għidt fuq l-isqfijiet li jispostaw is-saċerdoti pedofeli, li l-aħjar ħaġa li jistgħu jagħmlu hu li jwarrbu, hi ħaġa… m’hix dommatika, imma dan hu li naħseb jien.  U hekk hu għandu l-ideat personali tiegħu li qegħdin hemm biex wieħed jiddjaloga, u għandu dritt li jkollu dawn l-ideat.  Dak kollu li qal hu qiegħed fid-dokument: dik hi l-problema.  Fuq il-laqgħa jgħid hekk: “Dan hu l-Mulej, l-Ispirtu li jmexxi, it-tgħanniqa…”; kollox sew.  Id-Dokument?  Hu dokument diskutibbli.  U hemm ħaġa oħra li nixtieq inżid: li l-Ukrajna tinsab fi żmien ta’ gwerra, ta’ tbatija, b’ħafna interpretazzjonijiet.  Jien semmejt lill-poplu Ukren u tlabt kemm-il darba biex nitolbu u nkunu qrib tagħhom, kemm fl-Angelus u kemm fl-Udjenzi ta’ nhar ta’ Erbgħa.  Imma l-fatt storiku ta’ gwerra… kulħadd għandu l-idea tiegħu: Kif inhi din il-gwerra?  Min bdieha?  Kif qed issir?  Kif ma ssirx?…  Hu evidenti li din hi problema storika, imma anki problema eżistenzjali ta’ dak il-pajjiż, u tgħid ħafna dwar it-tbatija.  U f’dan il-kuntest, jien ninserixxi dan il-paragrafu, u jinftiehem dak li qed jgħidu l-fidili…  Għaliex Svjatoslav jgħid: “Tant fidili ċempluli u kitbuli biex jgħiduli li huma profondament delużi u traduti minn Ruma”.  Nifhem li poplu f’dik is-sitwazzjoni jħossu hekk.  Id-Dokument hu suġett għal diskussjoni fejn tidħol din il-kwistjoni ta’ l-Ukrajna, imma hemm qed ngħidu li għandha tieqaf il-gwerra u jintlaħaq ftehim; anki jien personalment awgurajt li l-Protokoll ta’ Minsk ikompli miexi, u ma nħassrux b’minkbejna dak li ktibna b’idejna.  Il-Knisja ta’ Ruma, il-Papa dejjem qal: “Fittxu l-paċi”.  Jien lill-Presidenti lqajthom għandi t-tnejn li huma.  U għalhekk, meta hu jgħid li ħass dan mill-poplu tiegħu, jien nifhmu, nifhmu.  Imma m’hix din “l-”aħbar.  L-aħbar hi kollox.  Jekk intom taqraw l-intervista kollha, taraw li hemm punti dommatiċi serji, li għadhom hemm, hemm xewqa għall-għaqda, li nimxu ’l quddiem, ekumenika – hu bniedem ekumeniku…  U hemm xi opinjonijiet…  Hu kitibli, meta sar jaf bil-vjaġġ, bil-laqgħa, imma bħala ħija, u tani l-opinjonijiet tiegħu bħala ħija…  Ma jiddispjaċinix li għamilna dan id-Dokument, hekk; ma jiddispjaċinix fis-sens li jeħtieġ nirrispettaw li kulħadd għandu l-libertà li jaħseb u f’dik is-sitwazzjoni hekk diffiċli.  U minn Ruma…  Issa n-Nunzju qiegħed fuq il-fruntiera fejn qed isir il-ġlied, jgħin lis-suldati, il-midruba; il-Knisja ta’ Ruma bagħtet ħafna għajnuna, ħafna għajnuna hemmhekk.  U dejjem infittxu l-paċi, il-ftehim; ħa jiġi rispettat il-Protokoll ta’ Minsk…  Hekk ifisser nimxu flimkien.  Imma ma rridux noqogħdu nibżgħu minn dik il-frażi: din hi lezzjoni, li din l-aħbar irridu ninterpretawha bl-ermenewtika tal-ħaġa sħiħa, u mhux ta’ parti minnha biss.

 

Jean-Louis de la Vaissière

Il-Patrijarka Kirrill stiednek tmur Moska, biex tmur xi darba?

 

Il-Papa Franġisku

Il-Patrijarka Kirill…  Nippreferi… għax jekk ngħid xi ħaġa jkolli ngħid oħra u oħra u oħra.  Nippreferi li dak li tkellimna dwaru, waħidna, jibqa’ hekk; u li joħroġ biss dak li għidna fil-pubbliku.  Din hi informazzjoni.  U jekk ngħid dan, ikolli ngħid iktar… le!  Dak li jien għidt fil-pubbliku, dak li hu qal fil-pubbliku, dan hu kull ma nista’ ngħid fuq il-kollokju privat.  Inkella ma jkun privat xejn.  Imma nista’ ngħidlek: li ħriġt minn hemm kuntent.  U anki hu.

 

Padre Lombardi

Grazzi ħafna ta’ din it-tweġiba fit-tul fuq tema hekk fundamentali.  Issa  ngħaddu l-kelma lil Carlo Marroni, li qed jirrappreżenta l-grupp Taljan, u li hu mibgħut minn Il Sole 24 Ore.

 

Carlo Marroni, “Il Sole 24 Ore”

Santità, il-mistoqsija tiegħi hi dwar il-familja, tema li int affrontajt f’dan il-vjaġġ.  Fil-Parlament Taljan qed jiddiskutu l-liġi fuq l-unjonijiet ċivili, tema li qed tikkawża skontri qawwija fil-politika, imma anki dibattitu qawwi fis-soċjetà u fost il-Kattoliċi.  B’mod partikulari, ridt naf x’inhu l-ħsieb tiegħek fuq it-tema ta’ l-adozzjonijiet fl-unjonijiet ċivili, u allura fuq id-drittijiet tat-tfal u ta’ l-ulied b’mod ġenerali.  Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

Qabel xejn, jien ma nafx kif inhuma l-affarijiet fil-Parlament Taljan.  Il-Papa ma jindaħalx fil-politika Taljana.  Fl-ewwel laqgħa li kelli ma’ l-Isqfijiet [Taljani], f’Mejju 2013, wieħed mit-tliet punti li semmejt: “Mal-Gvern Taljan, trattaw intom”.  Għax il-Papa hu għal kulħadd, u ma jistax joqgħod jidħol fil-politika konkreta, interna ta’ xi pajjiż: m’huwiex dan ir-rwol tal-Papa.  U dak li naħseb jien hu dak li taħseb il-Knisja, u li qalet f’ħafna okkażjonijiet.  Għax dan m’huwiex l-ewwel pajjiż li għaddej minn din l-esperjenza: huma ħafna.  Jien naħseb dak li l-Knisja dejjem qalet.

 

Padre Lombardi

Grazzi.  U allura, issa ngħaddu l-kelma lil Paloma Garcia Ovejero, mill-Cope, Spanjola, kif taf tajjeb inti.

 

Paloma Garcia Ovejero, “Cope”

Santità, minn xi ġimgħat ’l hawn jeżisti tħassib kbir f’bosta pajjiżi ta’ l-Amerika Latina, imma anki fl-Ewropa, dwar il-virus Zika.  L-ikbar riskju jkun għan-nisa tqal: hemm ċerta ansjetà.  Xi awtoritajiet ipproponew l-abort, jew li wieħed jevita t-tqala.  F’każ bħal dan, il-Knisja tista’ tikkunsidra l-kunċett ta’ “l-inqas ħażin”?

 

Il-Papa Franġisku

L-abort m’hux l-“inqas ħażin”.  Hu att kriminali.  Ifisser toqtol wieħed biex issalva l-ieħor.  Dak li tagħmel il-Mafja.  Hu att kriminali, hu ħażen assolut.  Dwar l-“inqas ħażin”: li tevita t-tqala hi ħaġa – qed nitkellmu f’termini ta’ kunflitt bejn il-ħames u s-sitt kmandament.  Pawlu VI – il-kbir! – f’sitwazzjoni diffiċli, fl-Afrika, ippermetta lis-sorijiet li jużaw il-kontraċettivi f’każi ta’ vjolenza.  Ma rridux inħalltu l-ħażin ta’ min jevita t-tqala, biss, ma’ l-abort.  L-abort m’huwiex problema teoloġika: hu problema umana, problema medika.  Toqtol persuna biex issalva oħra – jekk tiġik tajba – jew biex tgħaddiha tajjeb.  Dan imur kontra l-Ġurament ta’ Ippokrate li t-tobba suppost jagħmlu.  Dan hu ħażen fih innifsu, imma m’hux ħażen reliġjuż, għall-ewwel, le, hu ħażen uman.  U evidentement, billi hu ħażen uman – bħal kull qtil – hu kkundannat.  Imma, li tevita t-tqala m’huwiex ħażen assolut, u f’ċerti każi, bħal f’dak li semmejt tal-Beatu Pawlu VI, kien ċar.  Barra minn hekk, jien nitlob lit-tobba biex jagħmlu minn kollox ħalli jsibu l-vaċċini kontra n-nemus li qed iġorr dan il-mard: irid isir iżjed xogħol fuq hekk…  Grazzi.

 

Padre Lombardi

Grazzi.  Mela issa nsejħu biex jintervieni lil Ludwig Ring-Eifel, mill-aġenzija Kattolika Ġermaniża ta’ l-informazzjoni Kna:

 

Ludwig Ring-Eifel, “Kna”

Santità, fi ftit ġimgħat oħra int ħa tirċievi l-Premju Charlemagne, wieħed mill-premijiet l-iżjed prestiġjużi tal-Komunità Ewropea.  Anki l-predeċessur tiegħek, San Ġwanni Pawlu II, irċieva dan il-premju: kien jgħożżu ħafna.  U kien ukoll jgħożż ħafna l-għaqda fl-Ewropa, li issa donnha qed titfarrak xi ftit, l-ewwel bil-kriżi ta’ l-Ewro u issa bil-kriżi tar-rifuġjati.  Int forsi għandek xi kelma għalina, f’din is-sitwazzjoni ta’ kriżi Ewropea?  Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

L-ewwel, fuq il-Premju Charlemagne.  Jien normalment ma kontx naċċetta onorifiċenzi jew dottorati; minn dejjem, mhux b’umiltà, imma għax ma jogħġbunix dawn l-affarijiet.  Xi ftit ġenn sew li jkollok, u ma togħġobnix.  Imma f’dan il-każ, ġejt, mhux ħa ngħid “imġiegħel”, imma “konvint” mir-ras iebsa imma mqaddsa u teoloġika tal-Kardinal Kasper, li ġie magħżul minn Aachen biex jikkonvinċini!  U jien għidt: “Iva, imma fil-Vatikan”.  Hekk għidt; u qed noffrih għall-Ewropa: ħa jkun kon-dekorazzjoni, premju biex l-Ewropa tista’ tagħmel dak li awgurajt fi Strasbourg: biex tista’ tkun mhux in-“nanna-Ewropa” imma l-“Ewropa-omm”.  It-tieni.  L-aħħar darba, jien u naqra l-aħbarijiet fuq dawn il-kriżijiet – jien ftit naqra, kemm inqalleb il-ġurnal (mhux ħa ngħid l-isem biex ma nqajjimx għira, imma kulħadd jaf), nagħmel xi kwarta nqalleb, u mbagħad nitlob l-aġġornamenti mis-Segreterija ta’ l-Istat – laqtitni kelma, għoġbitni – ma nafx min jaqbel magħha u min ma jaqbilx – hi “it-twaqqif mill-ġdid ta’ l-Unjoni Ewropea”.  U ħsibt fil-missirijiet il-kbar…  Imma l-lum fejn ħa ssib bħal Schuman, bħal Adenauer?  Dawn il-ġganti, li fiż-żmien ta’ wara l-Gwerra waqqfu l-Unjoni Ewropea.  U togħġobni, din l-idea tat-twaqqif mill-ġdid: mhux li kien seta’ jsir!  Għax l-Ewropa, ma ngħidx li hi l-unika waħda, imma għandha saħħa, kultura, storja li ma nistgħux narmuha, u rridu nagħmlu minn kollox biex l-Unjoni Ewropea jkollha s-saħħa u anki l-ispirazzjoni li tibqa’ miexja ’l quddiem.  Ma nafx: dan hu li naħseb.

 

Padre Lombardi

Grazzi.  Allura issa ngħaddu l-kelma lil Anne Thompson, mill-Nbc Newsqegħdin l-Amerika, għaddejjin minn fuq l-Amerika: ngħaddulha l-kelma.

 

Anne Thompson, “Nbc News”

Grazzi, Padre Lombardi.  Se jgħinni Matteo…  Santità, int tkellimt ħafna fuq il-familji u fuq is-Sena tal-Ħniena matul dan il-vjaġġ.  Xi wħud qed jistaqsu kif Knisja li ssostni li hi “ħanina” issibha iktar faċli taħfer lil qattiel milli lil min jiddivorzja u jerġa’ jiżżewweġ…

 

Il-Papa Franġisku

Togħġobni l-mistoqsija!  Fuq il-familja, tkellmu żewġ Sinodi u l-Papa tkellem għal sena sħiħa fil-katekeżi ta’ l-Erbgħat.  U l-mistoqsija hi vera, togħġobni, għax int poġġejtha tajjeb ħafna.  Fid-dokument post-sinodali li ħa joħroġ – forsi qabel l-Għid –, wieħed mill-kapitli – għax hemm ħafna – jerġa’ jaqbad dak kollu li s-Sinodu qal fuq il-kunflitti jew fuq il-familji miġruħa, u l-pastorali tal-familji miġruħa…  Hi waħda mill-preokkupazzjonijiet.  Kif oħra hi l-preparazzjoni għaż-żwieġ.  Int taħseb li biex issir qassis hemm tmien snin ta’ studju, ta’ preparazzjoni, u mbagħad, wara ċertu żmien, jekk ma tissaportix, titlob id-dispensa u ddabbar rasek, u kollox sew.  Imma, biex tagħmel Sagrament li hu għall-ħajja kollha, tliet konferenzi jew erbgħa…  Il-preparazzjoni għaż-żwieġ hi ħafna, ħafna importanti, għax nememn li hi ħaġa li l-Knisja, fil-pastorali komuni – ta’ l-inqas f’pajjiżi, fl-Amerika Latina – ma tantx wiżnet sew.  Ngħidu aħna – issa mhux daqshekk, imma sa xi snin ilu – f’pajjiżi, kien hemm id-drawwa li… kienu jsejħulu “casamiento de apuro”: tiżżewweġ malajr għax ġejja tarbija.  U biex tgħatti soċjalment il-ġieħ tal-familja…  Hemm ma kinux liberi, u ħafna drabi dawn iż-żwiġijiet ikunu nulli.  U jien, bħala isqof, lis-saċerdoti ma kontx inħallihom jagħmluh dan, meta kien jiġri hekk…  Ħa tiġi t-tarbija, ħa jibqgħu fl-għerusija, u meta jħossu li għandhom jagħmlu l-għażla għal ħajjithom, ħa jmexxu.  Imma hemm nuqqas [fil-preparazzjoni] taż-żwieġ.  Imbagħad, f’kapitlu ieħor interessanti ħafna: l-edukazzjoni ta’ l-ulied.  Il-vittmi tal-problemi tal-familja huma l-ulied.  Imma huma wkoll vittmi tal-problemi tal-familja li la r-raġel u lanqas il-mara ma jridu: ngħidu aħna, il-bżonn tax-xogħol.  Meta l-missier m’għandux ħin liberu biex jitkellem ma’ wliedu, meta l-omm m’għandhiex ħin biex titkellem ma’ wliedha…  Meta jien inqarar koppja li għandha l-ulied, miżżewġin, ngħidilhom: “Kemm għandek tfal?”.  U xi wħud jibżgħu jgħiduli għax jaħsbu: “Il-qassis ħa jsaqsini għaliex ma kellix iżjed…”.  U jien ngħidilhom: “Se nagħmillek it-tieni mistoqsija: int tilgħab ma’ wliedek?”; u l-parti l-kbira – kważi kollha! – jgħiduli: “Imma, Dun, m’għandix ħin: naħdem il-ġurnata kollha”.  U l-ulied huma vittmi ta’ problema soċjali li tfieri lill-familja.  Hi problema…  Togħġobni, il-mistoqsija tiegħek.  U t-tielet ħaġa interessanti, fil-laqgħa mal-familji, f’Tuxtla – kien hemm koppja ta’ miżżewġin li kienu fit-tieni rabta, integrati fil-pastorali tal-Knisja; u l-kelma-muftieħ li uża s-Sinodu – u jien se nerġa’ nużaha – hi “nintegraw” fil-ħajja tal-Knisja lill-familji miġruħa, il-familji ta’ dawk li daħlu fit-tieni żwieġ, u dan kollu.  Imma tinsewx li t-tfal huma fiċ-ċentru!  Huma l-ewwel vittmi, kemm tal-ġrieħi u  kemm tal-kundizzjonijiet ta’ faqar, ta’ xogħol, ta’ dan kollu.

 

Anne Thompson, “Nbc News”

Dan ifisser li jistgħu jitqarbnu?

 

Il-Papa Franġisku

Dik ħaġa oħra… dan fejn iridu jaslu.  Jintegraw ruħhom fil-Knisja ma jfissirx “jitqarbnu”; għax jien naf Kattoliċi li reġgħu żżewġu li jmorru l-knisja darba jew darbtejn fis-sena: “Imma jien irrid nitqarben!”, bħallikieku t-tqarbin kien xi onorifiċenza.  Hemm proċess ta’ integrazzjoni… il-bibien kollha huma miftuħa.  Imma ma nistgħux naqbdu u ngħidu: minn issa ’l quddiem “jistgħu jitqarbnu”.  Din tkun ġerħa anki għall-miżżewġin, għall-koppja, għax ma tgħinhomx jimxu dik it-triq ta’ integrazzjoni.  U dawn it-tnejn kienu kuntenti!  U użaw espressjoni sabiħa ħafna: “Aħna ma nagħmlux il-komunjoni [tqarbina] Ewkaristika, imma ngħixu l-komunjoni fiż-żjara li nagħmlu l-isptar, f’dan is-servizz, u fl-ieħor…”.  L-integrazzjoni tagħhom waslet sa hemm.  Jekk hemm xi ħaġa iżjed, il-Mulej se jurihielhom, imma… hi mixja, hi triq…

 

Anne Thompson, “Nbc News”

Grazzi.

 

Padre Lombardi

Allura issa nħallu l-mistoqsija f’idejn Antoine-Marie Izoard, allura nerġgħu lura għall-grupp Franċiż; hu responsabbli minn I.media, li hi aġenzija ta’ l-informazzjoni Kattolika Franċiża.

 

Antone-Marie Izoard, “I.media”

Santità, il-lejla t-tajba.  Ippermettili niċċajta ftit l-ewwel u ngħidlek kemm aħna l-Vatikanisti aħna xi ftit jew wisq ostaġġi ta’ l-aġenda tal-Papa, u ftit nistgħu noqogħdu d-dar nilagħbu ma’ wliedna…  Is-Sibt hemm l-udjenza ġubilari, il-Ħadd l-Angelus, u mit-Tnejn sal-Ġimgħa nsiefru fuq xogħol.  Imbagħad, insellem lil Alberto [Gasbarri] li, ma’ Padre Lombardi, introduċieni għal Radio Vaticana, għoxrin sena ilu – bħal f’familja…

 

Mistoqsija xi ftit “osée”, Santità: ħafna mill-midja fakkru u stagħġbu fuq il-“korrispondenza intensa” bejn Ġwanni Pawlu II u l-filosfa Amerikana Anna Tymieniecka, li kellha – jingħad – rispett kbir lejn il-Papa Pollakk.  Skond int, Papa jista’ jkollu relazzjoni daqshekk intima ma’ mara?  U mbagħad – jekk tippermettili: int għandek xi korrispondenza importanti, għandek – jew kellek – din ix-xorta ta’ esperjenza…

 

Il-Papa Franġisku

Dan kont naf bih, din ir-relazzjoni ta’ ħbiberija, bejn San Ġwanni Pawlu II u din il-filosfa, meta kont Bueno Aires: kienet ħaġa magħrufa, anki l-kotba tagħha huma magħrufa, u Ġwanni Pawlu II kien bniedem li ma kellux kwiet…  Imbagħad, inżid li raġel li ma jafx ikollu relazzjoni tajba ta’ ħbiberija ma’ mara – mhux qed ngħid għall-misoġini: dawk morda – hu raġel li tonqsu xi ħaġa.  U jien, anki b’esperjenza personali, meta nitlob parir, nitolbu lil kollaboratur, lil ħabib, raġel, imma nieħu gost nisma’ l-parir ta’ mara; u jagħtuk tant għana!  Jaraw l-affarijiet b’mod differenti.  Nieħu gost ngħid li l-mara hi dik li ssawwar il-ħajja fil-ġuf, u għandha – imma dan jien qed inqabbilha hekk – u għandha din il-kariżma li tagħtik xi ħaġa biex tibni.  Ħbiberija ma’ mara m’hix xi dnub, ħbiberija.  Relazzjoni ta’ mħabba ma’ mara li m’hix martek, dik dnub.  Il-Papa hu raġel, il-Papa għandu bżonn ukoll tal-ħsieb ta’ nisa.  U anki l-Papa għandu qalb li jista’ jkollha ħbiberija tajba, qaddisa ma’ mara.  Nafu b’ħafna qaddisin ħbieb: Franġisku u Kjara, Tereża u Ġwanni tas-Salib…  Imma n-nisa għadhom xi ftit… mhux mogħtija l-importanza li jmisshom, mhux għal kollox…  Għadna ma fhimniex biżżejjed il-ġid li mara tista’ tagħmel lill-ħajja tal-qassis u tal-Knisja, f’sens ta’ pariri, ta’ għajnuna, ta’ ħbiberija b’saħħitha.  Grazzi.

 

Padre Lombardi

Grazzi ħafna.  Issa, għandna lil Franca Giansoldati, minn Il Messaggero, f’isem il-grupp Taljan.

 

Franca Giansoldati

Jien ħa nerġa’ lura fuq l-argument tal-liġi li sa jivvota għaliha l-Parlament Taljan: hi liġi li b’xi mod tolqot ukoll lil Stati oħra, għax Stati oħra għandhom quddiemhom liġijiet dwar unjonijiet bejn persuni ta’ l-istess sess.  Hemm dokument tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, li jmur lura għall-2003, li jixħet attenzjoni kbira fuq dan, u barra minn hekk jiddedika kapitlu lill-imġiba li għandu jkollhom il-membri parlamentari Kattoliċi fil-Parlament quddiem dawn il-liġijiet, u jingħad espressament li l-parlamentari Kattoliċi m’għandhomx jivvutaw għal liġijiet bħal dawn.  Billi hawn ħafna konfużjoni fuq dan, xtaqt qabel xejn nistaqsik jekk dan id-dokument ta’ l-2003 għadx għandu valur, u effettivament, xi mġiba għandu jkollu membru parlamentari Kattoliku?

 

U mbagħad ħaġa oħra: wara Moska, il-Kajr: hemm fuq ix-xefaq xi relazzjonijiet oħra li tixtieq terġa’ taqbad?  Qed nirriferi għall-udjenza li int tixtieq mal-“Papa tas-Sunni”, ħa nsejħulu hekk, ma’ l-Imam ta’ Al-Azhar.

 

Il-Papa Franġisku

Fuq hekk, mar Mons. Ayuso l-Kajr, il-ġimgħa l-oħra, biex jiltaqa’ mal-Viċi tal-Gran Imam, u anki jsellem lill-Imam.  Mons. Ayuso hu s-Segretarju tal-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Interreliġjuż, ippresedut mill-Kardinal Tauran.  Jien nixtieq niltaqa’ ma’ l-Imam, naf li hu jixtieq, u qed infittxu mod kif, dejjem permezz tal-Kardinal Tauran, għax dik hi t-triq.  Imma naslu, fuq dan.

 

Fuq l-ewwel argument: jien ma niftakarx tajjeb x’jgħid dak id-dokument ta’ l-2003 tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.  Imma membru parlamentari Kattoliku għandu jivvota skond il-kuxjenza tiegħu, iffurmata tajjeb: dan, dan biss ngħid.  Naħseb li biżżejjed.  U ngħid “iffurmata tajjeb”, għax ma tridx tkun il-kuxjenza ta’ “dak li jidhirli”.  Jien niftakar meta saret il-votazzjoni fuq iż-żwieġ tal-persuni ta’ l-istess sess fi Buenos Aires, il-voti ġew indaqs, u fl-aħħar kien hemm wieħed li qal lil sieħbu: “Imma int qed tara ċar?” – “Le” – “Lanqas jien” – “Tlaqna mela” – “Jekk immorru, ma nilħquhx il-kworum”.  U l-ieħor qallu: “Imma jekk nilħqu l-kworum, inkunu nagħtu l-vot lil Kirchner!”, u l-ieħor: “Nippreferi nagħtih lil Kirchner milli lil Bergoglio!”… u hekk għamlu.  Din m’hix kuxjenza ffurmata tajjeb!  U fuq il-persuni ta’ l-istess sess, intenni dak li għidt fil-vjaġġ lura minn Rio de Janeiro u li jinsab imniżżel fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.

 

Padre Lombardi

Grazzi.  Issa għandna l-aħħar mistoqsija mil-lista mħejjija, dik minn Javier Martínez Brocal ta’ Rome Reports

 

Javier Martínez Brocal, “Rome Reports”

Santità, grazzi ħafna ta’ dan il-vjaġġ fil-Messiku: kien ta’ unur għalina nkunu miegħek u naraw dak li rajna.  Għadna ma wasalniex Ruma u diġà qed naħsbu fil-vjaġġi li jmiss, biex nerġgħu nippakkjaw il-bagalji.  Santità, meta se tmur l-Arġentina, fejn ilhom jistennewk żmien twil?  U mbagħad meta ħa terġa’ żżur l-Amerika Latina jew iċ-Ċina?…  Imbagħad, battuta: matul dan il-vjaġġ int kemm-il darba għidtilna biex “noħolmu”: int x’qed toħlom?  U fuq kollox, x’ħolm ikrah għandek?

 

Il-Papa Franġisku

Iċ-Ċina… li mmur hemm: nixtieq ħafna!

 

Nixtieq ngħid ħaġa, ħaġa li tixraq, fuq il-poplu Messikan.  Hu poplu ta’ għana kbir, ta’ għana hekk kbir, hu poplu li jissorprendi…  Għandu kultura, kultura millenarja…  Intom tafu li l-lum, fil-Messiku huma miktellma ħamsa u sittin lingwa, jekk tgħodd l-indiġeni?  Ħamsa u sittin!  Hu poplu ta’ fidi kbira, bata wkoll persekuzzjonijet reliġjużi, hemm il-martri – issa daqt nikkanonizza tnejn jew tlieta.  Hu poplu… ma tistax tispjegah.  U poplu ma tistax tispjegah b’mod sempliċi, għax il-kelma “poplu” m’hix kategorija loġika, hi kategorija mistika.  U l-poplu Messikan ma tistax tispjegah, dan l-għana, din l-istorja, dan il-ferħ, din il-ħila li jiffesteġġja, u dawn it-traġedji li dwarhom intom staqsejtu.  Jien ma nistax ma nżidx ħaġa oħra, li din l-għaqda, dan il-poplu rnexxielu ma jiċħadhiex, ma jtemmhiex b’tant gwerer, u l-affarijiet li qed jiġru issa…  Hemm, fi Ciudad Juárez, sar patt ta’ tnax-il siegħa ta’ paċi minħabba fiż-żjara tiegħi: wara sa jkomplu jiġġieldu bejniethom, it-traffikanti…  Poplu li għad għandu din il-vitalità, tista’ tispjegah biss bi Guadalupe.  U jien nistedinkom tistudjaw bis-serjetà l-fatt ta’ Guadalupe.  Il-Madonna tinsab hemm.  Jien m’għandix spjegazzjoni oħra.  U tkun ħaġa sabiħa jekk intom, bħala ġurnalisti…  Hemm xi kotba tajbin li jfissru, ifissru anki x-xbieha, kif inhi, xi tfisser…  U hekk wieħed ikun jista’ jifhem xi ftit lil dan il-poplu hekk kbir, hekk sabiħ.

 

Padre Lombardi

Grazzi, Santità.  Mela, temmejna s-serje ta’ mistoqsijiet li kellna previsti.  Imma s-Sinjura Pigozzi riedet tgħidilna xi ħaġa, ma nafx eżatt xiex: issa ngħaddulha l-mikrofonu; u mbagħad wara jifdlilna “rokna” ċkejkena, marbuta ma’ ċirkustanza li lkoll nafu x’inhi.

 

Caroline Pigozzi minn “Paris Match”

Iva, Santità, il-lejla t-tajba.  Żewġ affarijiet.  Ridt naf xi tlabtha lill-Verġni ta’ Guadalupe, għax bqajt fit-tul fil-knisja titlob quddiem il-Verġni ta’ Guadalupe.  Imbagħad, it-tieni ħaġa, jekk int toħlomx bit-Taljan jew bl-Ispanjol.

 

Il-Papa Franġisku

Iva, ħa ngħid li noħlom bl-Esperanto…  Ma nafx inwieġbek għal din, verament.  Xi drabi iva, niftakar, xi ħolma f’lingwa oħra, imma li noħlom bil-lingwi le, bil-figuri iva.  Il-psikoloġija tiegħi hekk hi.  Bil-kliem ftit noħlom.  U l-ewwel mistoqsija kienet?

 

Caroline Pigozzi

L-ewwel mistoqsija, Santità, int domt ħin twil titlob quddiem il-Madonna…

 

Il-Papa Franġisku

Tlabtha għad-dinja kollha, għall-paċi…  Ħafna affarijiet…  Miskina naħseb imlejtilha ras daqshiex…  Tlabtha maħfra, tlabt li l-Knisja tikber b’saħħitha, tlabt għall-poplu Messikan…  U anki ħaġa oħra li tlabt ħafna fuqha hi li s-saċerdoti jkunu tassew saċerdoti, u s-sorijiet tassew sorijiet, u l-isqfijiet tassew isqfijiet: kif iridna l-Mulej.  Dan hu li tlabt ħafna.  Imma mbagħad, il-ħwejjeġ li iben jgħid lil ommu huma xi ftit sigrieti…  Grazzi, Carolina.

 

Padre Lombardi

Mela, kif nafu, dan hu l-aħħar vjaġġ għal Alberto Gasbarri, li qiegħed hawn ħdejja, u li lkoll nafuh tajjeb u ninsabu grati ħafna lejh tas-servizz li wettaq f’dawn il-vjaġġi kollha.  Mela issa anki l-kollegi tagħna riedu jgħidu kelma lil Alberto u jagħmlulu wkoll omaġġ ċkejken.  Għandna d-dekana tagħna ħa titkellem…

 

Valentina Alazraki

Nippruvaw li jkollna relazzjoni tajba…  Verament, jien nieħu gost ħafna niċċajta, tafu int dan.  Imma, f’dan il-mument m’hux jirnexxieli, għax qed tnikkitni ħafna l-idea li fil-vjaġġ li jmiss mhux sa jkun hemm Alberto, u m’hi tiġini l-ebda battuta tad-daħk: għax hu waħda minn dawk il-persuni li impossibbli timmaġina li ma tarahx maġenbek, fix-xhur li ġejjin.  L-ewwel darba li kien hawn, li rajtu, kien sebgħa u tletin sena ilu, kellu iżjed xagħar, kien daqsxejn irqaq, imma kien eżattament l-istess persuna.  Jien insejjaħlu “sid is-smewwiet”, din l-espressjoni li tiġini.  Hu ġentlom ta’ żminijiet oħra, mhux biss għall-ġlekk u għall-ilbies impekkabbli tiegħu, imma għexna tant esperjenzi flimkien.  Hu kien għas-servizz – kif jingħad fil-Knisja – ta’ tliet Papiet; kien hemm tant mumenti diffiċli, inżul ta’ emerġenza, pajjiżi fi ġlied…  Qatt ma rajtu jgħolli rasu, qatt kelma żejda, qatt mument ta’ nervi, qatt xi kelma iebsa lil xi ħadd.  Verament, sinjur.  Bħal ħajjat: ħajjat kbir li ħiet il-vjaġġi għal tliet Papiet differenti, magħmula għall-qies ta’ tliet Papiet.  L-ewwel ta’ Ġwanni Pawlu II, naħseb li meta beda jikkollabora ma’ Padre Tucci wara li ħareġ Mons. Marcinkus, naħseb li Mons. Marcinkus qallu: “Ħares, dan Pollakk, għandu rasu iebsa u sa tara minn kollox”.  U naħseb li hekk kien, għall-bidu.  Fl-aħħar tal-pontifikat kien qisu t-tifel tiegħu: mhux biss kien jorganizza l-vjaġġi, imma kien qrib ta’ bniedem li ġurnata fuq l-oħra kellu iżjed limitazzjonijiet fiżiċi u hu vvinta minn kollox – sedja li titħarrek, pjattaforma li titħarrek – u konna nistgħu naraw b’liema sentimenti, b’liema ansjetà, xi drabi, kien qrib tiegħu u attent li ma jiġrilu xejn, li jħossu tajjeb.  Imbagħad wasal il-Papa Benedittu; hu, sa dak iż-żmien, kien in-“numru tnejn”, biex ngħidu hekk; fl-2005, il-Papa Benedittu ħatru n-“numru wieħed” u naħseb – ma nafx iniex niżbalja – u naħseb li kienu forsi l-iktar tmien snin trankwilli?, iktar sempliċi?, għax naħseb li l-Papa Benedittu kien iżjed umli, iżjed ordnat, ma kienx jiżgarra minuta mill-protokoll, kien isegwi dak kollu li Alberto kienu jgħidlu, iżjed “doċli”, ħa ngħidu hekk.

 

U mbagħad… ġie urugan, u naħseb li Alberto kellu jfassal libsa oħra u jgħid: “Ommi ma, naħseb anki dan għandu rasu iebsa”, naħseb.  Imma naħseb li rnexxielkom għal darb’oħra tibnu relazzjoni sabiħa ħafna.  Għamilna dawn il-vjaġġi kollha, kollha, ma’ Ġwanni Pawlu II, ma’ Benedittu, miegħek, skond il-kejl verament għal kull wieħed minnkom għax fl-aħħar mill-aħħar – kif għidt int – kull Papa hu bniedem: għandu l-gosti tiegħu, ir-ritmi tiegħu, il-prijoritajiet tiegħu, u nemmen li hu rnexxielu jinterpreta lit-tlieta li intom bl-aħjar mod u dejjem bi ħlewwa, kalma, edukazzjoni u effiċjenza verament straordinarji.  Għalhekk, verament hi għafsa ta’ qalb għalija li fil-vjaġġ li jmiss m’intix ħa tkun hawn.

 

Padre Lombardi

Mela: tridu tispejgaw x’rigal qed tagħtu lil Alberto?

 

[l-ewwel Phil Pullella jippreżenta b’ton ċajtier ir-rigal ta’ keychain f’forma ta’ ajruplan u mudell ċkejken ta’ ajruplan ta’ l-Alitalia]

 

Cindy Wooden

Grazzi, Santità.  Ħadna xi ftit stampi mill-Ebu, minn Giancarlo Giuliani, mill-Associated Press, minn L’Osservatore Romano u minn Paul Haring…  Xi ftit, tista’ tgħid li qbadna l-mumenti l-iżjed storiċi: hemm Papa, president – Alberto.  Nittamaw li jogħġbuk…

 

Dr Gasbarri

Nista’, Santità?

 

Il-Papa Franġisku

Kelma waħda: anki jiena ntenni dak li għidt fil-bidu: grazzi ħafna!  U tajtni pariri tajbin.  Difett wieħed għandek: ma tafx tikkalkula tajjeb il-kilometri!…

 

Dr Gasbarri

Grazzi, Santità, u grazzi lill-kollegi kollha.  Inħossni emozzjonat f’dan il-mument.  Naturalment, nirringrazzja lill-Papa Franġisku tal-fiduċja u l-paċenzja tiegħu.  Nirrakkontalkom aneddotu ċkejken.  F’Novembru konna l-Afrika, f’Bangui, u l-Papa kellu jiltaqa’ ma’ l-isqfijiet, u jien rajtu sejjer fil-kappella fejn ma kienx hemm l-isqfijiet.  Għidtlu: “Imma, Santità, trid tiltaqa’ ma’ l-isqfijiet…”.  U hu weġibni: “Ħa mmur sal-kappella biex nitlob lill-Madonna tagħtini ħafna paċenzja biex nissaporti lil Gasbarri”.  Araw naqra. (jidħku).  Issa ta’ l-inqas ħa nkun ħlistu minn intenzjoni (tat-talb)… (jidħku).  Grazzi ħafna, Santità; grazzi ta’ kollox.  Naturalment, il-ħsieb tiegħi ta’ gratitudni jmur lejn il-Papa Benedittu li miegħu għad għandi relazzjoni ta’ qima u devozzjoni, u naturalment lejn San Ġwanni Pawlu II, li tajtu sebgħa u għoxrin sena, l-aħjar ta’ ħajti – kont għadni żagħżugħ! – u nħossni marbut ħafna anki miegħu.  L-aħħar ringrazzjament lill-Kardinal Tucci, li jien għadni nsejjaħlu “Padre”, għax għalija kien missier.

 

Padre Lombardi

U issa, qed jgħiduli li l-kejk lest, kif soltu jsir f’dawn iċ-ċirkustanzi ħelwin.  Hawn ara.

 

Il-Papa Franġisku

Il-vjaġġ it-tajjeb.  Grazzi ħafna tax-xogħol tagħkom u itolbu għalija.  U kunu afu li jien qiegħed għad-dispożizzjoni tagħkom.  U ilagħbu ma’ wliedkom!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard