VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIT-TAJLANDJA U L-ĠAPPUN

(19-26 TA’ NOVEMBRU 2019)

 

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

FIT-TITJIRA LURA

 

Titjira Papali

L-Erbgħa 26 ta’ Novembru 2019

 

Matteo Bruni:

L-għodwa t-tajba lil kulħadd, l-għodwa tajba Santità. Kien vjaġġ intens, anki impenjattiv – għall-ġurnalisti żgur mhux forsi u anki għalik –; vjaġġ sabiħ, b’ħafna ġrajjiet kbar u ħafna li ngħad, tant diskorsi. U issa għandna dan il-mument ta’ laqgħa mal-istampa. Jekk int tixtieq tgħid xi kelma, forsi, fil-bidu…

 

Il-Papa Franġisku:

Nirringrazzjakom tax-xogħol tagħkom, għax tabilħaqq kien vjaġġ intens u anki b’tibdil ta’ kategoriji, għax mod it-Tajlandja, mod ieħor il-Ġappun. Ma tistax tiżen l-affarijiet bl-istess kategorija; ir-realtajiet għandhom jintiżnu skont il-kategoriji li ġejjin mill-istess realtà. U dawn kienu żewġ realtajiet totalment differenti. Allura trid xogħol doppju, u grazzi lilkom ta’ dan, anki tal-ġranet intensi ħafna, nemmen li x-xogħol kien b’saħħtu ħafna. Grazzi. Jien ħassejtni qrib tagħkom f’din il-ħidma. Grazzi.

 

Matteo Bruni:

L-ewwel mistoqsija hi ta’ Dun Yamamoto, mill-“Catholic Shimbum”.

 

Dun Makoto Yamamoto, “Catholic Shimbum”:

Il-lejla t-tajba, Santità. Nirringrazzjawk minn qalbna li ġejt il-Ġappun minn tant bogħod. Jiena saċerdot djoċesan minn Fukuoka, proprju qrib ta’ Nagasaki. Nixtieq nistaqsik dan: Int rajthom Nagasaki u Hiroshima. Santità, kif ħassejtek? Nixtieq nistaqsik ħaġa oħra: is-soċjetà u l-Knisja tal-Punent għandhom x’jitgħallmu mis-soċjetà u mill-Knisja tal-Lvant?

 

Il-Papa Franġisku:

Ħa nibda mill-aħħar. Hemm ħaġa li lili tatni ħafna dawl, qawl: “Lux ex Oriente, ex Occidente luxus”. Id-dawl jiġi mil-Lvant, il-lussu, il-konsumiżmu jiġi mill-Punent. Hemm proprju dan l-għerf Orjentali, li mhuwiex għerf biss tal-għarfien, huwa għerf taż-żminijiet, għerf ta’ kontemplazzjoni. Lis-soċjetà tal-Punent – mgħaġġla żżejjed, dejjem – jgħinha ħafna li titgħallem xi ftit tal-kontemplazzjoni, tieqaf, tħares ukoll poetikament lejn l-affarijiet. Taf xejn? Meta naħseb fuq dan – din hi opinjoni personali –, nemmen li l-Punent tonqsu xi ftit tal-poeżija. Hemm ħwejjeġ tal-poeżija sbieħ ħafna, imma l-Lvant imur iżjed lil hemm. Il-Lvant kapaċi jħares lejn l-affarijiet b’għajnejn li jmorru lil hemm; ma rridx nuża l-kelma “traxxendenti”, għax xi reliġjonijiet Orjentali ma jagħmlux aċċenn għat-traxxendenza, imma ċertament iva għal viżjoni lil hemm mil-limitu tal-immanenza, mingħajr ma jgħidu traxxendenza, lil hemm. Għalhekk nitkellem dwar “poeżija”, dwar dak li hu gratwità, ifittxu l-perfezzjoni tagħhom fis-sawm, fil-penitenzi u anki fil-qari tal-għerf tal-għorrief tal-Lvant. Nemmen li lilna tal-Punent, li nieqfu xi ftit u nagħtu żmien lill-għerf, dan jagħmlilna tajjeb. Il-kultura tal-għaġla [għandha bżonn] tal-kultura tal-“ieqaf ftit”. Ieqaf. Ma nafx dan jgħinx biex jiċċara d-differenza u dak li m’għandniex bżonn tiegħu.

 

Tal-ewwel [mistoqsija]: Nagasaki u Hiroshima. It-tnejn li huma batew minħabba l-bomba atomika, u dan jagħmilhom jixxiebhu. Imma hemm differenza. Nagasaki ma kellhiex biss il-bomba, imma anki l-Insara. Nagasaki għandha għeruq Insara, Kristjaneżmu antik. Il-persekuzzjoni tal-Insara kienet kullimkien fil-Ġappun, imma f’Nagasaki kienet qawwija ħafna. Is-Segretarju tan-Nunzjatura rregalali facsimile tal-injam fejn hemm il-“wanted” ta’ dak iż-żmien: “Imfittxija l-Insara! Jekk issib wieħed, irrappurtah u taqla’ ħafna, jekk issib saċerdot, irrappurtah u taqla’ ħafna”. Ħaġa bħal din, għal ġol-mużew. Dan li jolqtok: kienu sekli sħaħ ta’ persekuzzjoni. Dan hu fenomenu Nisrani, li kien “jirrelativizza”, fis-sens tajjeb tal-kelma, il-bomba atomika, għax huma żewġ affarijiet. Jekk wieħed imur Nagasaki jaħseb biss: “Iva, tajjeb, kienet Nisranija… Imma kien hemm il-bomba atomika”, u jieqaf hemm [iwarrab parti mill-istorja tagħha]. Imma jekk tmur Hiroshima, hemm tmur biss għall-bomba atomika, għax mhix belt Nisranija bħal Nagasaki. Għalhekk jiena ridt inżur it-tnejn li huma. Huwa minnu, fit-tnejn kien hemm id-diżastru atomiku.

 

Hiroshima kienet tassew katekeżi umana fuq il-kefrija. Il-kefrija. Ma kellix ċans nara l-mużew ta’ Hiroshima, għax mort hemm biss għall-ħin [tal-laqgħa], għax kienet ġurnata iebsa dik, imma jgħidu li hu terribbli, terribbli: ittra tal-Kapijiet tal-Istat, tal-ġenerali li jispjegaw kif seta’ sar diżastru ikbar. Għalija kienet esperjenza li messitni ħafna iktar minn dik ta’ Nagasaki. F’Nagasaki kienet dik tal-martirju: rajt xi ftit il-mużew – en passant – tal-martirju; imma dik ta’ Hiroshima, messitni ħafna. U hemm sħaqt li l-użu tal-armi nukleari huwa immorali – dan għandu jidħol fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika –, u mhux biss l-użu tiegħu, anki l-pussess, għax inċident, [minħabba] pussess, jew il-ġenn ta’ moħħ xi ħadd li jmexxi, il-ġenn ta’ wieħed jista’ jeqred l-umanità. Naħsbu ftit x’qal Einstein: “Ir-raba’ gwerra dinjija għad issir bil-bsaten u bil-ġebel”.

 

Matteo Bruni:

It-tieni mistoqsija hi ta’ Dr Kawarada, li jaħdem għall-“Asahi Shimbum”.

 

Shinichi Kawarada, “The Asahi Shimbum”:

L-għodwa t-tajba, Santità. Nixtieq nagħmel mistoqsija fuq in-nukleari. Kif int ġustament indikajt, paċi li ttul ma nistgħux naslu għaliha jekk ma nneħħux l-armi. Il-Ġappun hu pajjiż li jgawdi l-protezzjoni nukleari tal-Istati Uniti tal-Amerika, u jipproduċi wkoll l-enerġija nukleari, ħaġa li ġġib riskju kbir għall-ambjent u għall-umanità, kif deher traġikament fl-inċident ta’ Fukushima. Kif jista’ l-Ġappun jikkontribwixxi għat-twettiq tal-paċi dinjija? Għandhom jingħalqu l-binjiet ċentrali nukleari? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Nerġa’ lura għall-pussess ta’ industriji nukleari. Inċident dejjem jista’ jiġri. Intom esperimentajtuh dan, anki d-diżastru tripliku, li ġab tant qerda. In-nukleari huwa limitat. L-armi neskluduhom, għax dawk jeqirdu. Imma l-użu tan-nukleari hu limitat ħafna, għax sa issa għadna ma wasalniex għas-sigurtà totali. Ma wasalniex. Int tista’ tgħidli: “Iva, anki bl-elettriku tista’ tagħmel diżastru minħabba nuqqas ta’ sigurtà”. Imma hu diżastru żgħir. Diżastru nukleari, minn binja ċentrali nukleari, ikun diżastru kbir. U għadha ma ġietx elaborata sistema ta’ sigurtà. Jien – imma din hi opinjoni personali – ma kontx nużaha l-enerġija nukleari sakemm ma jkunx hemm sigurtà sħiħa fl-użu. Imma jiena injorant f’dan u qed ngħid biss idea. Xi wħud jgħidu li l-enerġija nukleari hi kuntrarja għall-ħarsien tal-ħolqien, li tista’ teqirdu u għandha titwaqqaf. Dan jiġi diskuss. Jiena nieqaf mal-biċċa tas-sigurtà. Ma għandhiex iċ-ċertezza li żżomm milli jseħħ diżastru. Iva, fid-dinja jiġri wieħed kull għaxar snin, imma mbagħad [iħalli effett] fuq il-ħolqien: id-diżastru tal-qawwa nukleari fuq il-ħolqien, u anki fuq il-persuna.

 

Fl-Ukrajna ilu għaddej id-diżastru nukleari, għal ħafna snin. Niddistingwi mill-gwerra, mill-armi. Imma hawn qed ngħid li jeħtieġ infittxu iżjed fuq is-sigurtà, kemm fuq id-diżastri u kemm fuq l-ambjent. U fuq l-ambjent nemmen li qbiżna l-limitu: fl-agrikultura, ngħidu aħna, il-pestiċidi, fit-trobbija tat-tiġieġ – it-tobba jgħidu lill-ommijiet biex ma jagħtux għall-ikel tiġieġ tat-trobbija, għax dawk jiġu mħaxxna bl-ormoni u lit-tfal jagħmlulhom ħsara f’saħħithom –; tant mard rari li għandna llum minħabba l-użu ħażin għall-ambjent. Hu mard rari. Id-depożiti elettriċi u tant ħwejjeġ oħra… Il-ħarsien tal-ambjent hu ħaġa li jew nagħmluha issa jew qatt iżjed. Imma lura għall-enerġija nukleari: bini, sigurtà u ħarsien tal-ambjent.

 

Matteo Bruni:

It-tielet mistoqsija hi ta’ Elisabetta Zunica, li taħdem għal ġurnal Ġappuniż, “Kyodo News”.

 

Elisabetta Zunica, Kyoto News:

Hakamada Iwao hu Ġappuniż li ġie kkundannat għall-mewt, qed jistenna r-reviżjoni tal-proċess. Kien preżenti għall-quddiesa f’Tokyo Dome, imma ma kellux l-opportunità li jkellmek. Tista’ tikkonfermalna jekk kinitx fil-programm jew le laqgħa qasira miegħek? Għax it-tema tal-piena tal-mewt fil-Ġappun hi diskussa ħafna. Proprju ’l fuq minn xahar qabel il-modifika tal-Katekiżmu fuq din it-tema, ġiet esegwita l-kundanna ta’ xi tlettax-il ħabsi. Fuq din it-tema m’hemmx riferiment fid-diskorsi tiegħek ta’ din iż-żjara. Kif inhu dan, ma ridt tgħid xejn f’din l-okkażjoni, jew kellek ċans tiddiskutiha mal-Prim Ministru Abe?

 

Il-Papa Franġisku:

Fuq dak il-każ tal-piena tal-mewt, sirt naf wara, ma kontx naf b’dik il-persuna: ma kontx naf. Mal-Prim Ministru tkellimt b’mod ġenerali fuq tant problemi: fuq proċessi ta’ kundanni eterni li ma jispiċċaw qatt, kemm bil-mewt u kemm mingħajr. Imma fuq dan tkellimt bħala problema ġenerali, li teżisti wkoll f’pajjiżi oħra: il-ħabsijiet mimlijin iżżejjed, il-persuni li qed jistennew bi priġunerija preventiva, mingħajr preżunzjoni ta’ innoċenza… Jistennew hemm, jistennew, jistennew… Ħmistax ilu għamilt intervent fil-Konvenju internazzjonali tad-dritt penali u tkellimt fuq din it-tema: it-tema tal-ħabsijiet, it-tema tal-prekawzjoni [kustodja kawtelari] u mbagħad fuq il-piena tal-mewt, li dwarha għidt ċar u tond li mhix morali, ma tistax issir. Naħseb li dan jimxi id f’id ma’ kuxjenza li tiżviluppa dejjem iżjed. Ngħidu aħna, xi pajjiżi ma jissugrawx ineħħuha minħabba problemi politiċi imma minflok jagħtu sospensjoni: huwa mod kif jiddikjaraw, mingħajr ma jiddikjaraw: is-sentenza tal-ħabs għal għomorhom, ngħidu aħna. Imma l-problema hi li l-kundanna għandha tkun dejjem għar-ri-inseriment: kundanna mingħajr “twieqi” ta’ xefaq ma hijiex umana. Anki s-sentenza ta’ għomor il-ħabs: jeħtieġ naraw kif xi ħadd li ġie kkundannat għal għomru l-ħabs jista’ jiġi inserit mill-ġdid, ġewwa jew barra. Imma dejjem għandna nfittxu x-xefaq, ir-ri-inseriment. Int ħa tgħidli: imma hemm ikkundannati mġienen, minħabba fi problema ta’ mard, ta’ ġenn tal-moħħ, ta’ inkorreġġibbiltà ġenetika, biex ngħidu hekk… Imma jeħtieġ infittxu l-mod kif tal-inqas jistgħu jagħmlu affarijiet li jgħinuhom iħossuhom persuni. Illum, f’tant partijiet tad-dinja l-ħabsijiet huma ffullati żżejjed, huma depożiti tal-ġisem uman, li flok ma jikber f’saħħtu, ħafna drabi jitħassar minħabba f’hekk. Jeħtieġ neħduha kontra l-piena tal-mewt, ftit ftit… Hemm każijiet li lili jferrħuni għax kien hemm stati, pajjiżi li jgħidu: nieqfu. Tkellimt mal-Gvernatur ta’ Stat, is-sena l-oħra, u hu qabel ma ħalla postu għamel dik is-sospensjoni kważi ħaġa defenittiva. Huma passi, passi ta’ kuxjenza umana. Imma hemm pajjiżi oħra li għadu ma rnexxilhomx idaħħluha fil-linja tal-umanità.

 

Matteo Bruni:

Il-mistoqsija li jmiss ġejja minn Jean-Marie Guénois, f’isem “Le Figaro”.

 

Jean-Marie Guénois, “Le Figaro”:

Il-ġurnata t-tajba, Santità. Int għidt li l-paċi vera tista’ tkun biss paċi bla armi. Imma x’nagħmlu mbagħad għad-difiża leġittima, meta pajjiż jiġi attakkat minn ieħor? F’dan il-każ, għadha teżisti l-possibbiltà ta’ “gwerra ġusta”? Mistoqsija ċkejkna: smajna dwar enċiklika fuq in-non-vjolenza: għadha fil-ħsieb, din l-enċiklika fuq in-non-vjolenza? Żewġ mistoqsijiet. Grazzi, Santità.

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, il-pjan hemm qiegħed, imma jagħmilha l-Papa li jmiss, għax bilkemm għandi ħin… Hemm proġetti li għadhom magħluqin fil-kxaxen…: wieħed fuq il-paċi, ngħidu aħna, u hemm, qed jimmatura, u meta jasal il-mument għad nagħmlu. Imma fuq dan diġà qed nitkellem biżżejjed: ngħidu aħna, il-problema tal-bullying mat-tfal tal-iskola, hi problema ta’ vjolenza, tkellimt fuqha proprju maż-żgħażagħ Ġappuniżi, fuq dan l-argument. Hi problema li b’tant programmi edukattivi qed infittxu ngħinu biex tissolva. Hi problema ta’ vjolenza, u l-problemi ta’ vjolenza għandna naffrontawhom… Imma enċiklika fuq in-non-vjolenza għadni ma nħossx li hu waqtha, jeħtieġ nitlob iżjed u nfittex it-triq.

 

Fuq il-paċi u l-armi: hemm dak il-qawl Ruman “Si vis pacem, para bellum”. Hemmhekk ma konniex maturi… Isiru ħafna affarijiet, ħafna medjazzjonijiet, ta’ min ifaħħarhom. Pajjiżi bħan-Norveġja, ngħidu aħna: dejjem disposti għall-medjazzjoni, biex ifittxu triq ħalli nevitaw il-gwerer… Dan qed isir u jogħġobni. Imma huwa ftit, għad irid isir ħafna iżjed. Int taħseb – bla ma nonqosx lil ħadd – fil-Kunsill tas-Sigurtà: hemm problema bl-armi, kulħadd jaqbel li għandha tissolva dik il-problema biex jiġi evitat inċident ta’ gwerra, kulħadd jivvota iva, wieħed bid-dritt tal-veto jivvota le u jieqaf kollox. Ħassejt – jien m’iniex fi grad li niġġudika hekk hux tajjeb jew le, hija opinjoni li smajt – li forsi l-Ġnus Magħquda għandhom jagħmlu pass ’il quddiem u jiċħdu fil-Kunsill tas-Sigurtà dak id-dritt tal-veto lil xi pajjiżi. M’iniex tekniku, f’dan, imma ħassejt li tista’ tkun possibbiltà. Ma nafx x’naqbad ngħid, imma tkun ħaġa sabiħa li kulħadd ikollu l-istess dritt.

 

Fil-bilanċ dinji hemm argumenti li f’dan il-ħin jien m’iniex kapaċi niġġudika. Imma dak kollu li jista’ jsir biex titnaqqas il-produzzjoni tal-armi, biex jitwaqqfu l-gwerer, in-negozjat, anki bl-għajnuna ta’ nies li jħaffu l-proċess, dan dejjem għandu jsir, dejjem. U jagħti riżultati: xi wħud jgħidu li huma ftit, imma ejjew nibdew bil-ftit, imbagħad immorru lil hemm bir-riżultati tan-negozjat biex infittxu nsolvu l-problemi. Ngħidu aħna, fil-każ tal-Ukrajna-Russja: ma sarx diskors fuq armi, kien negozjat għall-iskambju ta’ ħabsin, u dan hu pożittiv. Dejjem huwa pass lejn il-paċi. Issa kien hemm konfront biex naħsbu fi pjanifikazzjoni ta’ reġim governattiv fid-Donbass, differenti, u qed jiddiskutu: dan hu pass ’il quddiem lejn il-paċi.

 

Ġrat, xi żmien ilu, ħaġa sabiħa u kerha. Il-ħaġa kerha hi – ikolli ngħid – l-ipokrezija “armamentista”. Pajjiżi Nsara – tal-inqas ta’ kultura Nisranija –, pajjiżi Ewropej – ngħidu li hi “Ewropa kolta” – li jitkellmu fuq il-paċi u mbagħad jgħixu mill-armi: ipokrezija, hekk tissejjaħ din. Hi kelma evanġelika: Ġesù jgħidha tant drabi fil-kapitlu 23 ta’ Mattew. Hemm bżonn naqtgħuha din l-ipokrezija. Jalla pajjiż ikollu l-kuraġġ li jgħid: “Jien ma nistax nitkellem fuq il-paċi, għax l-ekonomija tiegħi tant qed tiggwadanja mill-fabbrikazzjoni tal-armi”. Mingħajr ma ninsultaw u mingħajr ma nħammġu lil dak il-pajjiż, imma nitkellmu bħal aħwa, il-fratellanza umana: nieqfu, ħbieb, nieqfu, għax il-ħaġa kerha wisq! F’port – issa ma niftakarx sew fejn – f’port wasal minn pajjiż vapur mimli bl-armi li kellu jgħaddihom lil vapur ieħor ikbar sejjer il-Yemen. Aħna nafu x’qed jiġri fil-Yemen. U l-ħaddiema tal-port qalu “le”. Kemm kienu bravi! U l-vapur reġa’ lura mnejn ġie. Dan każ wieħed, imma jgħallimna kif għandna nġibu ruħna f’dan. Il-paċi llum hi dgħajfa ħafna, dgħajfa ħafna, imma ma rridux naqtgħu qalbna. U bl-armi nkunu niffavorixxu din id-dgħufija.

 

Jean-Marie Guénois, Le Figaro:

U d-difiża leġittima bl-armi?

 

Il-Papa Franġisku:

L-ipoteżi tad-difiża leġittima tibqa’ dejjem. Hija ipoteżi li anki fit-teoloġija morali hi kkontemplata, imma bħala l-aħħar riżorsa. L-aħħar riżorsa, bl-armi. Id-difiża leġittima ssir bid-diplomazija, bil-medjazzjonijiet. L-aħħar riżorsa hi d-difiża leġittima bl-armi. Imma nisħaq hawn: l-aħħar riżorsa! Aħna mexjin ’il quddiem lejn progress etiku li lili jogħġobni, meta nitkellmu dwar dawn l-affarijiet kollha. Dan hu s-sabiħ: juri li l-umanità miexja ’l quddiem ukoll fit-tajjeb, u mhux biss fil-ħażin. Grazzi lilek.

 

Matteo Bruni:

Il-mistoqsija li jmiss hi ta’ Cristiana Caricato, minn TV2000.

 

Cristiana Caricato, TV 2000:

In-nies taqra fuq il-ġurnali li s-Santa Sede akkwistat immobbli għal mijiet ta’ miljuni fil-qalba ta’ Londra, u tibqa’ xi ftit imħawda minn dan l-użu tal-finanzi Vatikani, b’mod partikulari meta jkun imdaħħal ukoll l-Obolo ta’ San Pietru. Int kont taf b’dawn l-operazzjonijiet finanzjarji? U fuq kollox, skont int, huwa korrett l-użu li qed isir mill-Obolo ta’ San Pietru? Int spiss tgħid li m’għandhomx isiru l-flus bil-flus, spiss ikkundannajt dan l-użu spreġudikat tal-finanzi, imma mbagħad naraw li dawn l-operazzjonijiet fihom hemm imdaħħla wkoll is-Santa Sede, u dan jiskandalizzana. Kif tħares lejn din il-biċċa kollha?

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi. Qabelxejn, l-amministrazzjoni tajba normali: tasal is-somma tal-Obolo ta’ San Pietru, u x’nagħmel? Nixħitha fil-kexxun? Le. Din ma tkunx amministrazzjoni tajba. Nipprova nagħmel investiment, u meta jkolli bżonn nagħti, meta nħoss li hemm il-ħtieġa, matul is-sena, naqbdu l-flus, u dak il-kapital ma niżvalutawhx, imma nżommuh u jikber xi ftit ukoll. Din hi amministrazzjoni tajba. Imma l-amministrazzjoni “tal-kexxun” hi ħażina. Jeħtieġ infittxu li jkollna amministrazzjoni tajba, investiment tajjeb: ċara din? Anki investiment… aħna ngħidu “investiment tar-romol”, kif jagħmlu r-romol: żewġ bajdiet hawn, tlieta hawn, u ħamsa hemm. Jekk taqa’ waħda, hemm l-oħra, u ma jispiċċawx fir-rovina. Dejjem isir fuq xi ħaġa li hi fiż-żgur, hu dejjem fuq ħaġa moralment tajba. Jekk int tagħmel investiment tal-Obolo ta’ San Pietru fuq fabbrika ta’ armamenti, l-Obolo hemm ma jibqax l-Obolo! Jekk int tagħmel investiment u tibqa’ snin sħaħ ma tmissx il-kapital, mhux sew. L-Obolo ta’ San Pietru [minn xi sena] irid jintefaq f’sena, sena u nofs, sakemm tasal il-ġabra li jmiss, dik li ssir fuq livell dinji. Din hi amministrazzjoni tajba: fiż-żgur. U iva, tista’ anki tixtri proprjetà, tikriha, u mbagħad tbigħha, imma fiż-żgur, bis-sigurtajiet kollha għall-ġid tan-nies u tal-Obolo. Dan aspett wieħed.

 

Imbagħad ġara dak li ġara: skandlu, għamlu affarijiet li ma jidhrux li huma nodfa. Imma r-rapport ma ġiex minn barra. Dik ir-riforma tal-metodoloġija ekonomika li kien diġà beda Benedittu XVI baqgħet miexja, u kien ir-Reviżur tal-kontijiet intern li qal: Hawn xi ħaġa maħmuġa hawn, hawn xi ħaġa li mhix tiffunzjona. Ġie għandi u għidtlu: “Imma int ċert?” – “Iva”, weġibni, u wrieni n-numri. “X’għandi nagħmel?” – “Hemm il-ġustizzja tal-Vatikan: mur u agħmel ir-rapport lill-Promutur tal-Ġustizzja”. U f’dan jien kont kuntent, għax jidher li l-amministrazzjoni tal-Vatikan issa għandha r-riżorsi biex tiċċara l-affarijiet koroh li jiġru ġewwa, bħal dan il-każ, li, jekk mhuwiex il-każ tal-immobbli ta’ Londra – għaliex dan għadu mhux ċar –, madankollu hemm kien hemm każijiet ta’ korruzzjoni. Il-Promutur tal-Ġustizzja studja l-ħaġa, għamel il-konsultazzjonijiet u ra li kien hemm żbilanċ fil-bilanċ. Imbagħad talabni l-permess li jagħmel il-perkwiżizzjonijiet. Għidtlu: “Huwa ċar dan [l-istudju] tiegħek?” – “Iva, hemm preżunzjoni ta’ korruzzjoni u f’dawn il-każi jien irrid nagħmel perkwiżizzjonijiet f’dan l-uffiċċju, f’dan l-uffiċċju, u f’dan l-uffiċċju…”. U jiena ffirmajt l-awtorizzazzjoni. Saret il-perkwiżizzjoni f’ħames uffiċċji u llum – imqar jekk hemm il-preżunzjoni tal-innoċenza – hemm kapitali li mhumiex amministrati tajjeb, anki b’korruzzjoni. Nemmen li f’inqas minn xahar se jibdew l-interrogatorji tal-ħames persuni li ġew blukkati għax kien hemm ħjiel ta’ korruzzjoni. Int tista’ tgħidli: dawn il-ħamsa huma korrotti? Le, il-preżunzjoni tal-innoċenza hi garanzija, dritt uman. Imma hemm korruzzjoni, dan jidher. Bil-perkwiżizzjonijiet naraw humiex ħatja lew le. Hi ħaġa kerha, mhix ħaġa sabiħa meta dan jiġri fil-Vatikan. Imma ġie ċċarat mill-mekkaniżmi interni li qed jibdew jiffunzjonaw, li l-Papa Benedittu kien beda jwettaq. Għal dan nirringrazzja lil Alla. Ma nirringrazzjax lil Alla li hemm il-korruzzjoni, imma nirringrazzja lil Alla li s-sistema ta’ kontroll tal-Vatikan qed taħdem tajjeb.

 

Matteo Bruni:

Il-mistoqsija li jmiss hi ta’ Philip Pullella, mir-Reuters.

 

Philip Pullella:

Jekk tippermettili ridt inkompli xi ftit fuq din il-mistoqsija li għamlet Cristiana, bi ftit iżjed dettalji. Hemm ħafna tħassib fl-aħħar ġimgħat għal dak li qed jiġri fil-finanzi tal-Vatikan, u skont xi wħud hemm gwerra interna fuq min għandu jikkontrolla l-flus. Il-parti l-kbira tal-membri tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-AIF irriżenjaw. Il-grupp Egmont, li huwa l-grupp ta’ dawn l-awtoritajiet finanzjarji, wara r-rejd tal-1 ta’ Ottubru ssospenda l-Vatikan mill-komunikazzjonijiet żguri. Id-direttur tal-AIF għadu sospiż, kif għidt int, u sa issa għad m’hemmx Reviżur ġenerali. X’tista’ tagħmel jew tgħid int biex tiggarantixxi lill-komunità finanzjarja internazzjonali u lill-fidili b’mod ġenerali, li huma msejħa jikkontribwixxu għall-Obolo, li l-Vatikan mhux ser jerġa’ jibda jitqies “paria” li għandha titħalla eskluża, li ma tistax tafdaha, u li r-riformi se jkomplu u li mhux sa nerġgħu lura għad-drawwiet ta’ dari?

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi tal-mistoqsija tiegħek. Il-Vatikan għamel passi ’l quddiem fl-amministrazzjoni tiegħu. Ngħidu aħna, l-IOR illum huwa aċċettat mill-banek kollha u jista’ jaġixxi bħall-banek Taljani, normalment, ħaġa li sena ilu ma kienx hemm. Sar progress. Imbagħad, dwar il-grupp Egmont. Il-grupp Egmont hu ħaġa mhix uffiċjali, internazzjonali; huwa grupp li l-AIF jagħmel parti minnu. U l-kontroll internazzjonali ma jiddependix mill-grupp Egmont, il-grupp Egmont hu grupp privat, li għandu l-piż tiegħu, imma hu grupp privat. Monyeval se jagħmel l-ispezzjoni: ipprogrammaha għall-ewwel xhur tas-sena d-dieħla u se jagħmilha. Id-direttur tal-AIF hu sospiż, għax daħlu suspetti ta’ amministrazzjoni ħażina. Il-president tal-AIF insista mal-grupp Emgont biex jieħu d-dokumentazzjoni, u dan il-ġustizzja ma tistax tagħmlu. Quddiem dan kollu jiena kkonsultajt mal-maġistrat Taljan, ta’ livell: x’għandi nagħmel? Il-ġustizzja quddiem akkuża ta’ korruzzjoni hi sovrana f’pajjiż, hi sovrana, ħadd ma jista’ jindaħal hemm, ħadd ma jista’ jagħti l-karti lill-grupp Egmont [u jgħid]: “Il-karti tagħkom hawn qegħdin”. Le. Għandhom jiġu studjati l-karti li [joħorġu li] dik li tidher amministrazzjoni ħażina fis-sens ta’ kontroll ħażin: kienet l-AIF – donnu – li ma kkontrollatx id-delitti tal-oħrajn. Id-dmir tagħha kien li tikkontrolla. Nittama li jiġi ppruvat li mhuwiex hekk, għax għad hemm il-preżunzjoni tal-innoċenza; imma għall-mument il-maġistrat hu sovran u għandu jistudja kif ġrat il-biċċa; għax inkella l-pajjiż ikollu amministrazzjoni superjuri li tagħmel ħsara lis-sovranità tiegħu. Il-president tal-AIF skadielu t-terminu fid-19 [ta’ Novembru]; jien ċempiltlu xi jiem ilu u hu ma ntebaħx li kont qed inċempillu – hekk qalli. U ħabbart li fid-19 kien se jitlaq. Diġà sibt is-suċċessur: maġistrat ta’ livell għoli ħafna ġuridiku u ekonomiku nazzjonali u internazzjonali, u mad-dħul tiegħu jieħu lura l-kariga fl-AIF u se jkompli l-ħaġa hekk. Kien ikun kontra s-sens tal-ħaġa li l-awtoritajiet ta’ kontroll ikunu sovrani fuq l-Istat. Hi ħaġa li mhux faċli tifhimha. Imma dak li dejjaq xi ftit hu l-grupp Egmont, li hu grupp privat: jgħin ħafna, imma mhuwiex l-awtorità ta’ kontroll tal-Moneyval. Moneyval jistudja n-numru, jistudja l-proċeduri, jistudja kif aġixxa l-Promutur tal-Ġustizzja u kif l-imħallef u l-imħallfin iddeterminaw il-ħaġa. Naf li f’dawn il-jiem se jibda – jew beda – l-interrogatorju ta’ xi wħud mill-ħamsa li ġew sospiżi. Mhuwiex faċli, imma ma rridux inkunu inġenwi, ma rridux inkunu skjavi. Xi ħadd qalli – imma jien ma nemminx –: “Iva, b’dan il-fatt li missejna l-grupp Egmont, in-nies qed tibża’…”. U qed isir xi ftit tat-terroriżmu [psikoloġiku]. Imma nħallu dan fil-ġenb. Aħna nibqgħu mexjin ’il quddiem bil-liġi, b’Moneyval, bil-president il-ġdid tal-AIF. U d-direttur hu sospiż, imma forsi kien innoċenti, jien hekk nixtieq, għax hi ħaġa sabiħa li persuna tkun innoċenti u mhux ħatja. Imma sar xi ftit tal-istorbju b’dan il-grupp, li ried li jintmessu l-karti li kienu tal-grupp.

 

Philip Pulella:

Biex tiggarantixxi lill-fidili li l-affarijiet sejrin tajjeb?

 

Il-Papa Franġisku:

Biex niggarantixxu dan! Ara, din hi l-ewwel darba li fil-Vatikan it-taġen kxifnielu l-għatu minn ġewwa, mhux minn barra. Minn barra, [dan ġara] ħafna drabi. Qalulna: “Ara…”, u aħna b’tant mistħija fuqna… Imma f’dan il-Papa Benedittu kien għaref: beda proċess li mmatura, immatura u issa hawn l-istituzzjonijiet. Ir-Reviżur kellu l-kuraġġ li jagħmel rapport miktub kontra ħames persuni…: qed jaħdem ir-Reviżur. Veru ma rridx noffendi lill-grupp Egmont, għax jagħmel ħafna ġid, jgħin, imma f’dan il-każ is-sovranità tal-Istat hi l-ġustizzja. Il-ġustizzja hi iżjed sovrana anki mill-poter eżekuttiv. Iżjed sovrana. Mhux faċli nifhmu, imma nitlobkom tifhmu din id-diffikultà. Grazzi lilek.

 

Matteo Bruni:

Il-mistoqsija l-oħra ġejja minn Roland Juchem, mill-istampa Ġermaniża.

 

Roland Juchem, CIC:

Santità, fuq it-titjira minn Bangkok għal Tokyo int bgħatt telegramma lis-Sinjura Carrie Lam ta’ Hong Kong. X’jidhirlek mis-sitwazzjoni hemm, bil-manifestazzjonijiet u wara l-elezzjonijiet komunali? U meta nistgħu niġu miegħek Beijing?

 

Il-Papa Franġisku:

It-telegrammi jintbagħtu lill-Kapijiet kollha tal-Istat, hi ħaġa awtomatika: huma tislija u anki mod ta’ kortesija biex nitolbu permess li ntiru minn fuq it-territorju tagħhom. Dan m’għandux tifsira la ta’ kundanna u lanqas ta’ appoġġ. Hu ħaġa mekkanika li l-ajruplani kollha jagħmluha: meta teknikament jidħlu, javżaw li deħlin, u aħna nagħmlu dan b’kortesija. Insellmu. Dan m’għandu l-ebda valur fis-sens li qed tistaqsi int, imma biss valur ta’ kortesija.

 

Il-ħaġa l-oħra li int qed tistaqsini hija x’naħseb [fuq is-sitwazzjoni ta’ Hong Kong]. Imma mhux biss Hong Kong: aħseb fiċ-Ċili, aħseb fi Franza, Franza demokratika: sena ta’ “gilet sofor”. Aħseb fin-Nikaragwa, aħseb fil-pajjiżi l-oħra tal-Amerika Latina, il-Brażil, li għandhom problemi bħal dawn, u anki f’xi pajjiż Ewropew. Hi ħaġa ġenerali. X’ħa tagħmel is-Santa Sede b’dan? Issejjaħ għad-djalogu, għall-paċi… Imma mhix biss Hong Kong, hemm diversi realtajiet li għandhom problemi li jien bħalissa m’iniex kapaċi niżen. Jien nirrispetta l-paċi u nitlob għall-paċi f’dawn il-pajjiżi kollha li għandhom il-problemi. Problemi hekk insibuhom anki fi Spanja… Jeħtieġ nirrelativizzaw l-affarijiet u nsejħu għad-djalogu, għall-paċi, biex jissolvew il-problemi.

 

Roland Juchem, CIC:

U meta sejjer Beijing?

 

Il-Papa Franġisku:

Aħ, nixtieq ħafna mmur Beijing! Inħobbha ċ-Ċina…

 

Matteo Bruni:

Grazzi, Roland. Għandna mistoqsija ta’ Valentina Alazraki.

 

Valentina Alazraki, Televisa:

Papa Franġisku, l-Amerika Latina tinsab nirien. Rajna wara l-Veneżwela u ċ-Ċili immaġni li ma ħsibniex li għad nerġgħu naraw wara Pinochet. Rajna s-sitwazzjoni fil-Bolivja, in-Nikaragwa jew pajjiżi oħra: rivoluzzjonijiet, vjolenza fit-toroq, mejtin, midruba, anki knejjes maħruqa, attakkati. X’inhi l-analiżi tiegħi fuq dak li qed jiġri f’dawn il-pajjiżi? Il-Knisja u inti personalment, bħala Papa Latinamerikan, qed tagħmlu xi ħaġa?

 

Il-Papa Franġisku:

Xi ħadd qalli dan: “Jeħtieġ nagħmlu analiżi”. Is-sitwazzjoni llum fl-Amerika Latina tixbah lil dik tal-1974-1980, fejn fiċ-Ċili, fl-Arġentina, fl-Urugwaj, fil-Brażil, fil-Paragwaj b’Strössner, u naħseb anki fil-Bolivja, b’Lidia Gueiler, kellhom l-operazzjoni Condor f’dak iż-żmien. Sitwazzjoni fi fjammi, imma ma nafx jekk hix problema simili jew ta’ ġeneru ieħor. Tabilħaqq, f’dan il-mument m’iniex kapaċi nagħmel l-analiżi sħiħa ta’ dan. Huwa minnu li hemm dikjarazzjonijiet li mhumiex ta’ paċi preċiżament. Dak li qed jiġri ċ-Ċili jbeżżagħni, għax iċ-Ċili ħiereġ minn problema ta’ abbużi li ġabu ħafna tbatija u issa għandu problema ta’ tip li m’aħniex nifhmu sewwa. Imma qed jaqbad, kif qed tgħid int, u jeħtieġ infittxu d-djalogu u anki l-analiżi. Għadni ma sibtx analiżi tajba fuq is-sitwazzjoni fl-Amerika Latina. U [hemm] anki gvernijiet dgħajfa, dgħajfa ħafna, li ma rnexxilhomx iġibu l-ordni u l-paċi fuq ġewwa. U għalhekk naslu għal din is-sitwazzjoni.

 

Valentina Alazraki, Televisa:

Evo Morales talab il-medjazzjoni tiegħek, ngħidu aħna. Ħwejjeġ konkreti…

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, ħwejjeġ konkreti. Il-Veneżwela talbet il-medjazzjoni u s-Santa Sede dejjem kienet disposta. Hemm relazzjoni tajba; ninsabu preżenti hemm biex ngħinu kull meta jinqala’ l-bżonn. Il-Bolivja għamlet xi ħaġa simili, għadni ma nafx f’liema direzzjoni, għadni rrid nara, imma sa għamlet talba lill-Ġnus Magħquda li stiednu delegati, u anki xi pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Iċ-Ċili, ma nafx għamilx xi talba ta’ medjazzjoni internazzjonali. Il-Brażil żgur li le, imma anki hemmhekk hemm il-problemi. Hu każ xi ftit stramb, ma rridx ngħid xi kelma żejda għax m’iniex kompetenti, għax ma studjatx tajjeb u sinċerament m’iniex nifhem sew il-problema.

 

Imma napprofitta mill-mistoqsija tiegħek: intom ftit li xejn tkellimtu fuq it-Tajlandja, u t-Tajlandja hi ħaġa oħra, differenti mill-Ġappun, kultura oħra, totalment differenti, kultura tat-traxxendenza, kultura wkoll tal-ġmiel, differenti mill-ġmiel tal-Ġappun: kultura b’tant faqar u tant għana spiritwali. Imma hemm ukoll problema li qed tagħmel ħsara lill-qalb u li ġġagħalna naħsbu fi “Greċja u l-oħrajn” [ktieb ta’ Valentina Alazraki]: inti mgħallma f’din il-problema tal-isfruttament, int studjajtha tajjeb, u l-ktieb tiegħek għamel ħafna ġid. U t-Tajlandja, xi postijiet mit-Tajlandja huma ibsin, huma diffiċli f’dan. Imma hemm it-Tajlandja ta’ Isfel, hemm ukll it-Tajlandja sabiħa ta’ Fuq, fejn ma stajtx immur, it-Tajlandja tribali, kif hemm l-Indja tal-Grigal tribali, li għandha kultura għalkollox differenti. Jien irċivejt xi għoxrin persuna minn dik iż-żona, l-ewwel Insara, l-ewwel imgħammda, li ġew Ruma, b’kultura oħra differenti, dawk il-kulturi tribali, li fl-Indja nafuhom tajjeb, imma fit-Tajlandja għadna ma nafuhomx biżżejjed; hi fit-Tramuntana. U Bangkok, rajna b’għajnejna stess, hija belt modernissma, hija belt b’saħħitha, kbira, imma għandha problemi differenti minn dawk tal-Ġappun u għandha għana differenti minn dawk tal-Ġappun. Dan importanti. Imma l-problema tal-isfruttament ridt nagħfas fuqha, u nirringrazzja lilek għal dak il-ktieb tiegħek.

 

L-istess kif nixtieq nirringrazzja għall-“ktieb aħdar” [L-alfabett aħdar tal-Papa Franġisku] ta’ Franca Giansoldati… fejn hi? Aħ, hemm hi. Żewġ nisa li qegħdin fuq din it-titjira u kull waħda minnhom għamlet ktieb li jmiss il-problemi tal-lum: il-problema ekoloġika, il-problema tal-qerda ta’ ommna l-art, tal-ambjent; u l-problema tal-isfruttament uman, li int missejt. Jidher li n-nisa jaħdmu iżjed mill-irġiel u huma kapaċi: grazzi. Grazzi lilkom, it-tnejn li intom, għal dan il-kontribut. Grazzi. U mill-ġdid għandi f’qalbi l-qmis ta’ Rocío [ir-riferiment hu għall-qmis ta’ tfajla żagħżugħa Messikana assassinata li Valentina Alazraki tat lill-Papa f’intervista riċenti].

 

U lilkom ilkoll, grazzi talli għamiltu mistoqsijiet diretti, grazzi. Dan jagħmel tajjeb, dejjem jagħmel tajjeb. Itolbu għalija. L-ikla t-tajba. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard